Minn Joe Galea
KAUTOKEINO
Tonfoħ il-fwar minn imnifsejha, ċerva kbira tħabbat bid-dwiefer ta’ saqajha mal-art miksija silġ, bla sabar biex tibda t-tellieqa. Tlett irġiel imlefilfin fl-anoraks tagħhom jitħabtu biex iżommuha qabel it-tluq tal-korsa l-kbira tar-raħal ta’ Kautokeino. Iċ-ċerva trid ittellaq ma’ ċriev sħabha l-oħra jiġbdu lill-kuċċiera fuq is-slitti. Il-premju tal-kompetizzjoni mhux tant is-somma modesta mogħtja lir-rebbieħa daqskemm il-prestiġju li jiksbu matul is-sena li tkun ġejja fi ħdan il-komunità nomada Sami tal-Lapponja.

Kautokeino hu wieħed miċ-ċentri tal-Lapponi, jew aħjar tas-Sami, kif isejħu lilhom infushom, billi ‘Lapponi’ hi kelma Żvediża li fiha element ta’ disprezz għal dan il-poplu, għax tfisser “l-imċerċrin”. Il-Lapponja hi reġjun ta’ art kbira, id-daqs tan-Norveġja, jiġifieri ta’ 388 elf kilometru kwadru. Hi art għerja, mhix għammiela – li tinfirex min-Norveġja, sal-Fillandja, l-Iżvezja u parti mir-Russja. Ir-rotta tas-Sami hi min-Nord-Est tan-Norveġja għat-tliet pajjiżi l-oħra. Huma għexu fuq it-trobbija taċ-ċriev sa mis-seklu 16. Kautokeino tfisser ‘in-nofs’ għax fil-fatt ir-raħal jinsab f’nofs it-triq migratorja tradizzjonali ta’ dan il-poplu qadim nomadu. Is-Sami huma indiġeni protetti minn konvenzjonijiet internazzjonali u meqjusin bħala l-poplu indiġenu fl-iktar naħa nordika tal-Ewropa.
IT-TELLIEQA
Biex jaraw it-tellieqa, is-Sami tal-Iżvezja joqogħdu tul it-triq miksija bis-silġ, imgeddsin fil-kapep griżi tagħhom, bi strixxi ta’ drapp kulurit fit-truf. Ikun hemm ukoll il-ġirien tagħhom Fillandiżi li jiġu wkoll akkaniti għat-tellieqa. Kulħadd irid ikun l-aħjar fl-eleganza, b’ilbies sabiħ tradizzjonali, li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Ma jonqsux ix-xalel bil-fur abjad tal-orsijiet. Is-sinjal tat-tluq ingħata, b’ferħ kbir tal-pubbliku, b’konkorrenti jitilqu qabel is-sinjal, miġbudin miċ-ċriev li, minkejja ġranet sħaħ ta’ taħriġ, jibqgħu dejjem diffiċli biex jiġu kontrollati.
Il-premju tat-tellieqa jieħdu min jasal l-ewwel fil-knisja għall-quddiesa ta’ Ħadd il-Għid, li għas-Sami hi festa liturġika kbira. L-Għid fil-Lapponja hu iktar festeġġjat mill-Milied u jgħaqqad flimkien il-komunità qabel ma tibda l-migrazzjoni tar-Rebbiegħa meta r-ragħajja jwasslu l-merħliet taċ-ċriev lejn il-baħar. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, ġemgħa sabiħa ta’ Sami jinġabru mgeddsa fil-knisja magħmula mill-injam għat-talb tat-tridu tal-Għid u kif ukoll għall-magħmudijiet u ż-żwiġijiet li jiġu ċelebrati dakinhar.

IT-TWELID TAL-FIDI NISRANIJA FIL-LAPPONJA
Il-fidi Nisranija twieldet fost il-poplu Sami fis-seklu 17 minn predikaturi Luterani kbar. Imma kien fis-seklu 19 li ntrebħet kultura li kienet qed tagħmel ħafna ħsara, dik tal-alkoħoliżmu. Dan kien b’mertu tal-pastor Luteran Lars Levi Laestadius, li kien appostlu ta’ moviment pjetuż ta’ “tiġdid tal-erwieħ” li beda fl-1840. Pjetuż għax kien moviment ta’ ħajja Nisranija rigoruża. Laestadius irnexxielu jeħles lis-Sami mill-vizzju tal-alkoħol, li hu xorb komuni f’artijiet fejn tagħmel ħafna kesħa fit-tul. Illum il-moviment ta Lars Levi Laestadius hu magħruf sew u nafuh bl-isem ta’ Laestadjaniżmu, li daħal f’naħat oħra tal-Ewropa, fl-Amerka, u fl-Afrika. Billi Laestadius innifsu kien ta’ oriġini indiġena, ħabrek biex il-liturġija tkun ċelebrata bil-lingwa nattiva tagħhom f’epoka meta l-politika tal-istati Skandinavi kienet qed thedded il-kultura Sami.
IL-LEJL POLARI
Żmien il-Għid hu l-okkażjoni biex l-indiġeni jiltaqgħu ħalli jiffesteġġjaw il-lejl polari, li jaħbat mal-Qawmien ta’ Kristu. Qabel l-esperjenza Kristjana kienu jipprattikaw riti ‘Ċirkompolari’, li huma riti marbuta mal-kwiekeb Ċirkompolari. Kellhom twemmin immarkat bil-qima lill-ors. L-ors b’fur sabiħ abjad jagħmel parti mill-ambjent ta’ dawn in-naħat polari u l-fur minn dejjem kellu s-siwi tiegħu. Kien ukoll twemmin imsejjaħ ‘Noiade’, mibni fuq dak tan-ninfi fil-mitoloġija Griega, spirti femminili li jaħkmu fuq l-għejjun, ix-xmajjar u n-nixxigħat tal-ilma ħelu.

Il-fidi Nisranija fost-poplu Sami għadha tinħass qawwija sal-lum minn meta twasslet fil-Lapponja. Il-ġemgħat ta’ talb jivvibraw bil-kant u bis-salmi tradotti min-Norveġiż. Il-pastor ta’ Kautokeino, fil-preżent Bjarne Gustad, jgħid: “Għas-Sami s-salmi jinstemgħu isbaħ milli jinstemgħu bin-Norveġiż u t-traduzzjoni bis-Sami tassew toqgħod. Il-kliem sagru jkellem direttament il-qalb tas-Sami billi jnissel fihom ġabra profonda.”
IL-JOIK
It-tip ta’ kant fil-knisja hu karatterizzat minn mużika tradizjonali Sami, il-Joik, stil kantat bil-lajma u b’leħen gutturali li jevoka niket u serjetà skont it-tema. Il-Joik hu forma unika ta’ espressjoni mużikali u wieħed mill-iktar tipi ta’ kant tradizzjonali antik fl-Ewropa. Jinstama’ bħall-kant tal-kulturi nattivi tal-Amerka. Interessanti li l-Joik kien projbit fl-iskejjel tas-Sami fis-sekli mgħoddija għax kien assoċjat mar-riti tan-Noiade u mal-mitoloġiji pre-kristjani. Imma dan it-tip ta’ kant tant hu minsuġ mal-kultura tas-Sami li żamm ħaj u hu sors ta’ ispirazzjoni fil-mużika kontemporanja Sami.
IĊ-ĊELEBRAZZJONI TAS-SAGRAMENTI
Il-magħmudijiet u ż-żwiġijiet huma ċelebrati matul dan il-perjodu meta l-familji jkunu flimkien, u jiġbru mijiet ta’ mistednin, ħafna minnhom imdandna b’ilbies tradizzjonali. Għalkemm b’ħafna kulur, iċ-ċerimonji taż-żwieġ isiru b’serjetà kbira. Wara li l-pastor jistaqsi lill-koppja jekk iridux jieħdu lil xulxin fil-żwieġ, huwa jbierek lill-għarajjes, li jkunu għarkupptejhom quddiemu, u jifrex idejh fuq rashom baxxuta.

Kif joħorġu mill-knisja, il-ġenituri u l-ħbieb jilqgħu lill-miżżewġin ġodda u lix-xhieda, li dakinhar ikunu meqjusin bħala l-prinċpijiet tal-okkażjoni. Fil-festin tat-tieġ il-koppja jġeddu l-għaqda li tkun inqatgħet bil-migrazzjoni tal-istaġun. L-ikla tat-tieġ tkun soppa bil-laħam taċ-ċriev, laħam u deżerta ta’ krema magħmula mit-tut selvaġġ. Ix-xalel imberfla bid-deheb, iċ-ċinturini b’medalji tal-fidda, il-pettorati jleqqu b’għadd kbir ta’ lewlu għad-dawl tax-xemx, iħabbru r-ritorn tad-dawl wara xhur twal ta’ dlam. Iħabbru r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.