“Id-direzzjoni spiritwali hi kariżma lajka li jista’ jagħmilha saċerdot, isqof, mara, bniedem lajk, persuna li tqanqal fik il-fiduċja u s-simpatija spiritwali.” Dan qalu il-Papa Franġisku bi tweġiba għal domnda li għamlulu waqt laqgħa ma’ seminaristi u saċerdoti li jistudjaw Ruma.
Illum qed nużaw kelma inqas diretta, “akkumpanjament” spiritwali.
Il-problema tad-direzzjoni spiritwali – illum qed nużaw kelma inqas diretta, “akkumpanjament” spiritwali, u din togħġobni. Id-direzzjoni spiritwali, l-akkumpanjament spiritwali huwa obbligatorju? Le, mhux obbligatorju, imma jekk ma jkollokx min jgħinek timxi, taqa’, u taf tagħmel ħoss. Kultant huwa importanti li nkun akkumpanjat minn xi ħadd li jafni, li jaf lil ħajti, u dan mhemmx għalfejn ikun il-konfessur; tmur minn żmien għal żmien, imma l-importanti hu li dawn ikunu żewġ rwoli distinti.
Il-Konfessur u d-Direttur Spiritwali huma żewġ rwoli differenti
Tmur għand il-konfessur biex jaħfirlek dnubietek u meta tmur tkun preparat fuq id-dnubiet. Tmur għand id-direttur spiritwali biex tgħidlu dak li qed jiġri f’qalbek, il-ħajja spiritwali, il-ferħ, ir-rabja, u dak li qed jiġri ġewwa fik. Jekk inti tmur biss għand il-konfessur u mhux mad-direttur spiritwali, ma tkunx taf kif tikber, u din mhix ħaġa tajba. Jekk tmur biss għand id-direttur spiritwali, dak li jakkumpanjak, u ma tmurx tistqarr dnubietek, dan huwa ħażin ukoll. Huma żewġ rwoli differenti, u fl-iskejjel tal-ispiritwalità, pereżempju dik tal-Ġiżwiti, Sant’ Injazju jgħid li aħjar niddistingwuhom, li wieħed ikun il-konfessur u ieħor id-direttur spiritwali. Kultant taf tkun l-istess persuna, imma huma żewġ affarijiet differenti li qed tagħmel din il-persuna, iżda huma żewġ affarijiet differenti.
Id-direzzjoni spiritwali mhix kariżma klerikali, hija kariżma marbuta mal-magħmudija.
It-tieni. Id-direzzjoni spiritwali mhix kariżma klerikali, hija kariżma marbuta mal-magħmudija. Is-saċerdoti li jagħmlu direzzjoni spiritwali għandhom il-kariżma mhux għax huma saċerdoti, imma għax huma lajċi, għax mgħammdin. Naf li hemm xi wħud mill-Kurja, forsi xi wħud minnkom ukoll, li tmorru għad-direzzjoni spiritwali għandi soru li tkun tinqala’, forsi tkun tgħallem il-Gregorjana, u tkun tajba bħala direttur spiritwali. Mur, mhemmx problema, hija mara ta’ għerf spiritwali li taf tmexxik. Xi movimenti jaf ikollhom lajk jew lajka għaqlin. Qed ngħid hekk, għax din mhix xi kariżma tas-saċerdoti. Jista’ jkun qassis, mela le? Imma din mhix esklussivament tas-saċerdoti. U biex tkun direttur spiritwali għandek bżonn “dilka” kbira.
Il-persuna li ma tkunx akkumpanjata fil-ħajja, jibda jkollha l-“moffa” fir-ruħ,
Għalhekk, għall-mistoqsija tiegħek, ngħidlek: l-ewwelnett, inkun persważ li għandi nkun akkumpanjat, dejjem. Għax il-persuna li ma tkunx akkumpanjata fil-ħajja, jibda jkollha l-“moffa” fir-ruħ, moffa li tibda ddejqek. Mard, solitudni ħażina, u ħafna affarijiet ħżiena. Għandi bżonn inkun akkumpanjat. Nitkellmu ċar dawn l-affarijiet. Fija hemm emozzjonijiet spiritwali, u għandi bżonn lil xi ħadd biex jgħinni nifhimhom: xi jrid minni l-Mulej b’dan, nara fejn hi t-tentazzjoni… Iltqajt ma’ studenti tat-teoloġija li ma kienux jafu jiddistingwu bejn grazzja u tentazzjoni; għandi bżonn lil xi ħadd jakkumpanjani. Issa mhemmx bżonn li tmur kull ġimgħa, tmur għand id-direttur spiritwali per eżempju darba fix-xahar, kull xahrejn, meta jkollok x’titkellem miegħu jew magħha. Iżda dawn l-affarijiet importanti li jkunu ċari.
Kif tfittex direttur spiritwali?
Kif tfittex direttur spiritwali? Oqgħod attent, tara lil xi ħadd li jiġbdek bil-mod kif jitkellem, jew forsi smajt bih, biha mingħand xi ħadd… Fittex id-direttur spiritwali, imma skont dak li għedt jien, naħseb li hu importanti: dan mhux konfessur, għax huma żewġ rwoli differenti; id-direzzjoni spiritwali hi kariżma lajka li jista’ jagħmilha saċerdot, isqof, mara, bniedem lajk; u fitttex persuna li tqanqal fik il-fiduċja u s-simpatija spiritwali. Dan huwa importanti ħafna, intom tifhmu x’qed ngħid, ikun hemm dik l-armonija li tgħin ħafna.
Ma nafx weġibtekx. Din hija ħaġa importanti. Dak li qed ngħid nittama li jgħin tal-inqas biex ħadd minnkom minn issa ʼl quddiem ma jkun mingħajr direzzjoni spiritwali, mingħajr akkumpanjament spiritwali, għax inkella ma jistax jikber tajjeb, u qed ngħid dan mill-esperjenza. Tajjeb? Kont ċar għal kulħadd? Kollox sew. Inkomplu.