Ktieb li juri kif għex u kiber il-poplu Malti fl-imgħoddi
Michael Caruana
Għadhu kemm tnieda l-ewwel volum tal-ktieb Memorji minn San Vinċenz de Paul. L-intervisti (44 waħda ma’ 51 persuna), ir-riċerka u l-kitba ta’ dan il-ktieb saru minn Professur Ray Mangion li bħalissa qed jaħseb ukoll fuq it-tieni volum ta’ dan il-ktieb. Il-pubblikazzjoni, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, hi tat-tmexxija tal-Isptar San Vinċenz de Paul.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Dr Jo-Etienne Abela, jgħid fil-messaġġ tiegħu li “kibru ferm fostna d-dimensjoni u l-valur tal-kunċett li l-ġenerazzjoni tat-tielet età tagħna tista’ tagħti kontribut siewi lill-kultura ta’ art twelidna bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tal-esperjenzi u tat-tiġrib tagħhom matul il-milja tas-snin. Bla dubju ta’ xejn, il-memorja kollettiva hi parti integrali mit-tiswir u mill-ġrajjiet ta’ ġens, isostni Dr Abela. Hu jtemm billi jawgura lill-amministrazzjoni, lill-istaff u lil Professur Mangion għal dan il-proġett li se jibqa’ jitgawda tul iż-żminijiet.
Messaġġ ieħor hu tal-Kap Eżekutiv tal-Faċilità għall-Kura fit-Tul, Dr Josianne Cutajar, li tgħid li għalihom din kienet inizjattiva forsi l-iżjed sinifikanti. “Għamilna proġetti kbar li wasslu għal tiġdid u innovazzjonijiet biex San Vinċnez jibqa’ jservi lill-poplu Malti, iżda ħadd iżjed minn Professur Mangion ma seta’ joħroġ l-istorja ta’ Malta hekk kif għexuha l-Maltin ħamsin, sebgħin, sena ilu. Professur Mangion, tgħid Dr Cutajar, għandu kapaċitajiet kbar f’dik li hi komunikazzjoni u osservazzjoni u, flimkien mal-għarfien tiegħu dwar ġrajjiet art twelidna, seta’ jsawwar l-istejjer li għexu r-residenti f’San Vinċenz”.
Fid-daħla tal-ktieb, Professur Mangion jgħid li dan il-ktieb għandu jolqot ir-ruħ tal-poplu Malti għax juri kif għex u kiber fl-imgħoddi. It-tieni gwerra dinjija biddlet ix-xejriet u l-ġejjieni tad-dinja bil-waqgħa ta’ dittaturi u t-tqegħid tas-sisien li bdew jitfasslu fuq ir-rispett tad-dinjità tal-umanità. “F’dawn l-aħħar snin rajna anki l-ħruġ ta’ kunċetti u kien stabbilit aktar għarfien fejn għandhom x’jaqsmu dawk ‘tat-tielet età’. L-anzjanità attiva kienet ta’ kontribut enormi biex il-memorja kollettiva tibda tinġabar u tkun organizzata anke fuq livell akkademiku biex ma tintilifx u biex ta’ warajna jimxu aktar ’il quddiem billi jagħtu kas u japprezzaw dawk li wettqu ta’ qabilhom”.
Professur Mangion jgħid li ħassu qed ngħix iż-żminijiet tant diffiċli li għaddew minnhom l-anzjani li kienu intervistati f’San Vinċenz de Paul għal dan il-ktieb. “Jien litteralment assedjathom b’lista ta’ domandi, iżda huma mhux biss ma ddejqux li jwieġbu, talli bl-akbar paċenzja u d’diżinvoltura daħlu f’irqaqat li jagħtu rendikont mill-iżjed fidil u awtentiku ta’ ħajjithom u tal-ambjent spċjali, uħud minnhom iżjed minn tmenin sena ilu”.
L-anzjani intervistati missew ma’ kull esperjenza, sempliċi u mhux, li taqtithom fil-ħajja tagħhom uħud anke minn meta kienu trabi fil-benniena. Huma jirreferu għal sitwazzjonijiet li issa ħarġu mix-xena, partikularment tradizzjonijiet, drawwiet u użanzi. Bosta anzjani intervistati jistqarru wkollli l-ħajja baqgħet għaddejja minkejja d-diffikultajiet u l-amarezza tal-epoka tat-tieni gwerra dinjija u tal-era tar-Rikostruzzjonijiet f’Malta li raw emigrazzjoni tal-massa u t-tluq ta’ bosta Maltin minn art twelidhom. Il-maġġorparti stqarrew bla tlaqliq li r-reliġjon u t-twemmin kienu karatteristiċi u fuq quddiem nett fil-ħajja tal-familja Maltija.
L-awtur jispera li rnexxielu, permezz ta’ dan ix-xogħol, għallinqas joħroġ aspetti tal-kultura tal-Maltin tal-imgħoddi li issa qed jgħosfru u jintesew.
Dan il-ktieb qed jinbiegħ mill-Isptar San Vinċenz de Paul.