Il-Ħadd, 2 ta’ Lulju 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari tal-Viżitazzjoni ta’ Marija lil Eliżabetta. Bażilika tal-Viżitazzjoni, Għarb.
[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-festa-vizitazzjoni-gharb-il-hadd-2-ta-lulju-2023?si=f863dedffaf64b29890e3d57861aa279&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]
Omelija tal-Isqof Anton Teuma
Kemm għandna bżonna il-Festa tal-lum, li fiha żewġ nisa jiltaqgħu flimkien, imma f’nofshom ikun hemm Ġesù! Kemm għandna bżonn li fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna jkun hemm Ġesù!
Qed nagħmlu l-Festa. Tgħid hawn minna li ma jitkellmux ma’ wħud tal-familja tagħhom? Tgħid hawn minna illi jgħiru jew inkella b’xi mod jew ieħor jipprovaw iweġġgħu lil dak jew lil ieħor, lil dik jew lill-oħra? Tgħid hawn minna illi, għax żgħażagħ, naraw koroh lill-anzjani, jew, għax anzjani, naraw koroh liż-żgħażagħ? Tgħid hawn minna, għax forsi sinjuri jew foqra, inħarsu bl-ikrah lejn xulxin? Tgħid hawn minna, għax aħna ta’ partit u mhux ta’ ieħor, ta’ paroċċa u mhux ta’ oħra, inħarsu lejn xulxin minn fuq għal isfel, jew minn isfel għal fuq? Jekk hawn minna – u jiena ċert li hawn minna, forsi l-ewwel wieħed jien – li nirraġunaw b’dan il-mod, għandna bżonn tassew din il-Festa.
U meta ngħid din il-Festa, mhux qiegħed nifhem il-marċijiet, iċ-ċelebrazzjonijiet, il-manifestazzjonijiet, il-qbiż, il-briju, imma ċ-ċelebrazzjoni madwar il-Kelma u l-Ewkaristija. Għax jekk aħna nagħmlu l-festi, imma r-relazzjonijiet tagħna jibqgħu l-istess, bħal qabel, qisu mhu qed jiġri xejn, allura nkunu qegħdin ngħaddu biż-żmien mhux lil Alla imma lilna nfusna.
Jiena nħoss li l-Festa tal-lum trid turina u tgħallimna kemm għandna bżonn tassew il-preżenza ta’ Ġesù fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Kemm neħtieġu lil Ġesù li jkun fin-nofs ta’ kull meta niltaqgħu flimkien, nitkellmu flimkien, nipprovaw b’xi mod jew ieħor naħdmu flimkien, ngħixu flimkien! Qed ngħixu fi żmien ta’ Sinodu. Il-kelma sinodu tfisser “nimxu flimkien”, imma jekk aħna nsibuha bi tqila biex nimxu flimkien, fl-istess Knisja, fl-istess fidi tagħna, fl-istess familja tagħna, kemm se nsibuha aktar bi tqila biex nimxu flimkien ma’ dawk li huma differenti minna, li forsi m’għandhomx l-istess twemmin tagħna, ma’ dawk li forsi b’xi mod jew ieħor ma naqblux magħhom!
U għalhekk għandna bżonnha l-Festa tal-lum. Għandna bżonn li Ġesù jkun preżenti kif kien fil-ġuf ta’ Marija meta tiltaqa’ ma’ Eliżabetta. Kieku jkollna niffukaw ftit fuq dik l-istatwa jew fuq dak il-kwadru tutulari, x’naraw? Naraw erba’ tipi ta’ laqgħat li aħna ngħixu kontinwament f’ħajjitna. Għandna l-ewwel u qabel kollox l-għaqda bejn il-qraba; imbagħad għandna l-għaqda bejn żagħżugħa u mara anzjana; għandna laqgħa wkoll bejn mara, Eliżabetta, li hija miżżewġa saċerdot, xi ħadd importanti, u min-naħa l-oħra Marija, li ġejja minn familja sempliċi, li toqgħod fil-bogħod f’Nazaret; u għandna wkoll laqgħa bejn żewġ kulturi differenti, bejn mara u raġel – Eliżabetta u Żakkarija – li jgħixu qrib Ġerusalemm, qrib it-Tempju fil-qalba tal-kult u ta’ radikaliżmu Ġudajku, u Marija li ġejja minn Nazaret, li ma tfisser xejn… “X’jista’ joħroġ minn Nazaret!” (Ġw 1:46), żewġt ibliet totalment differenti minn xulxin.
L-ewwel laqgħa hi bejn il-qraba. Il-ktieb tal-Ġenesi, kif tafu intom, jibda qabel kollox bil-ħolqien tal-bniedem, u dritt wara l-waqgħa ta’ Adam u Eva jsemmi l-mibegħda li kien hemm bejn Kajjin u Abel. Intom taħsbu li hekk għalxejn l-awtur tal-Ġenesi jibda proprju bil-mibegħda u saħansitra bil-fratriċidju, jiġifieri bil-qtil tal-aħwa? Il-ktieb tal-Ġenesi, għalkemm miktub ħafna snin ilu, għax hu ispirat minn Alla juri x’hemm fil-fond tal-fond tal-qalb tagħna: l-aħwa, iħobbu kemm iħobbu lil xulxin… il-qraba, iridu kemm iridu ġid lil xulxin, imma fil-kantuniera ta’ qalbhom hemm l-għira, il-mibegħda. Xi mkien fil-kantuniera ta’ qalbhom hemm illi wieħed irid ikun fuq l-ieħor, li wieħed irid li tgħaddi tiegħu bi ħsara tal-ieħor. Jekk aħna ma noqogħdux attenti, jekk aħna ma nħallux lil Ġesù jidħol fil-ħajja tagħna kif kien fil-laqgħa ta’ bejn Marija u Eliżabetta, anki aħna jiġrilni bħal Kajjin u Abel. Dan, biex ngħidu hekk, huwa mudell bil-maqlub ta’ dak li jista’ jiġri lill-aħwa. Lanqas aħna ma aħna vvaċċinati kontra din l-imġiba; inkunu biss ivvaċċinati jekk aħna nkunu qrib tal-persuna ta’ Ġesù, jekk inħallu lil Ġesù tassew jidħol fil-qalb tagħna, jedukana u jgħinna nbiddlu l-mod ta’ kif nirrelataw bejnietna. Anki bejn l-aħwa, kieku Ġesù qiegħed hemm, naħseb li ma jidħlux il-flus bejnietna; kieku Ġesù qiegħed hemm, kieku naħseb li l-ġid ma jidħolx bejnietna.
Qrajna l-Vanġelu tal-Festa tal-lum tal-Viżitazzjoni (Lq 1:39-56). Kieku kellna naqraw dak tat-13-il Ħadd ta’ Matul is-Sena (Mt 10:37-42), il-Vanġelu li kien imiss, fih Ġesù b’mod qawwi ħafna jgħid: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iktar minni, ma jistħoqqlux li jkun tiegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iktar minni, ma jistħoqqlux li jkun tiegħi”. Ġesù jmiss ir-relazzjonijiet tad-demm, mhux ir-relazzjonijiet indiretti bħal dik ta’ bejn mara u raġel, għarus u għarusa; le, imiss ir-relazzjonijiet tad-demm, l-iktar relazzjonijiet profondi, l-iktar relazzjonijiet marbuta flimkien: bejn l-omm u bintha, bejn l-omm u binha. U saħansitra Ġesù jgħid li jekk hu ma jkunx ġo nofs dawn, ma jistħoqqilniex inkunu tiegħu, jiġifieri, m’aħniex se nkampaw fil-paċi, fl-hena li hu jixtieq minna, m’aħniex se nkunu veri wlied tal-Missier, m’aħniex se nkunu sew. U allura, jekk din il-Festa trid tkun festa tassew u mhux festa ta’ barra biss, imma festa tal-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, jekk jiena għandi xi ngħid ma’ ħija, meta noħroġ minn hawn irrid nara x’nagħmel, jew inkella tkun ġiet Festa oħra, jekk mhux għalxejn, kważi għalxejn.
Għandna laqgħa bejn mara anzjana u tfajla żagħżugħa. Bejn wieħed u ieħor Marija ma setgħetx kellha aktar minn 14-il sena, hawn min jgħid li kellha inqas. Eliżabetta kienet imdaħħla fiż-żmien, jgħidilna l-Vanġelu, u minħabba f’hekk ma kienx hemm ċans aktar li jkollha tfal. Kieku llum din ngħidulha generational gap. Kien hemm firda u distanza kbira bejn l-etajiet: Eliżabetta, forsi bil-moħħ tagħna, mhix kapaċi tifhem lil Marija, għax żagħżugħa; Marija, bil-moħħ tagħna, ma tikkalkulax, ma tqisx lil Eliżabetta, għax skaduta, għax għandha ż-żmien. Dan hu l-mod kif nirraġunaw illum, il-mod kif l-anzjani jħarsu lejn iż-żgħar, il-mod kif iż-żgħar iħarsu lejn l-anzjani.
Innutaw ftit, l-ewtanasja hija l-mod estrem kif iż-żgħar iħarsu lejn il-kbar, l-abort huwa l-mod estrem ta’ kif il-kbar iħarsu lejn iż-żgħar. Dawn huma ż-żewġ estremi żbaljati ta’ kif l-adulti jħarsu lejn it-tfal iż-żgħar u kif it-tfal iħarsu lejn l-adulti, għax m’hemmx Ġesù. Għax Ġesù qalilna li hu preżenti f’kull wieħed u waħda minna. U dik ix-xbieha ta’ Marija tqila b’Ġesù li tmur għand Eliżabetta hija xbieha ta’ kull wieħed u waħda minna, li wara li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nitqalu biha: wara li nitqarbnu, nitqalu tassew b’Ġesù. Ma nħalluhx hawn: ma tkunx esperjenza vera Kristanja jekk Ġesù jibqa’ hawn fil-knisja, jew jekk norbtuh biss ma’ okkażjonijiet, ma’ żminijiet partikulari tas-sena.
Imma hawn għandna wkoll laqgħa bejn żewġ klassijiet: il-klassi tas-sinjuri u l-klassi tal-foqra. Eliżabetta ġejja min-nisel tas-saċerdoti, u mhux biss, hija l-mara ta’ saċerdot. Ġejja min-nisel ta’ Aaron, jgħidilna l-Vanġelu, li hu s-saċerdot il-kbir per eċċellenza, u hi miżżewġa lil Żakkarija, saċerdot. Min-naħa l-oħra għandna lil Marija, daqsxejn ta’ tfajla sempliċi ġejja minn familja fqira; il-Vanġelu jgħidilna li ma kellhomx biex joffru sagrifiċċju biex jippreżentaw lil Ġesù, u offrew bħall-foqra par gamiem jew ħamiem. Is-sagrifiċċju li suppost joffri l-missier u l-omm Lhudi hu s-sagrifiċċju tal-ħaruf, ta’ annimal li jiswa wisq aktar. Marija kienet fqira, imma għax dawn jilqgħu lil xulxin, iħobbu lil xulxin, jirrispettaw lil xulxin, dawn ma jqisux lil xulxin waħda akbar mill-oħra. Ġejjin minn żewġ partiti differenti, imma fl-istess waqt għalihom l-aktar importanti hu Ġesù li hemm bejniethom. Għalihom hi aktar importanti l-imħabba, is-sapport, l-għajnuna.
Saħansitra Marija ma tiddejjaqx tagħmilha tas-seftura. Ma tħosshiex iċken jew iżgħar, anzi fil-Magnificat (Lq 1:46-55) tgħid: ‘Il-Mulej ħares lejn l-umiltà tiegħi, lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, u refagħni, tellagħni ’l fuq’. Minn fejn tiġi s-superjorità jew l-inferjorità tagħna fuq l-oħrajn? Għaliex inħossuna inqas mill-oħrajn jew għaliex inħossuna aktar superjuri fuq l-oħrajn? Il-problema hi għax ma nħarsux lejna nfusna bl-għajnejn ta’ Alla, li jikkalkulna, li jqisna kull wieħed u waħda minna xbieha tal-persuna tiegħu.
Ġesù fil-Vanġelu qalilna kemm-il darba li l-iżgħar wieħed huwa l-iktar importanti fis-Saltna tas-smewwiet. M’hemm ħadd aktar importanti, m’hemm ħadd minna li hu inqas jew aktar mill-ieħor. Aħna kultant inqisu lill-oħrajn superjuri jew inferjuri għalina. Lil dawk li huma superjuri għalina nilagħquhom, insiru sottomessi għalihom, nagħmlu kulma jixtiequ huma u kulma jridu huma, u kultant nagħmluhom kuntenti għax hekk ikunu jixtiequ. Lil dawk li nħossuhomn inferjuri għalina min-naħa l-oħra nieħdu gost li jilagħquna, nieħdu gost li jissottomettu ruħhom għalina. Imma dan mhux il-Vanġelu, din mhix il-Festa tal-Viżitazzjoni. Dan ifisser li Ġesù mhuwiex preżenti fil-persuna tagħna, li aħna ngħidu li aħna Kristjani, li nsejħu lilna nfusna żgħar.
Marija u Eliżabetta kienu ġejjin minn żewġ reġjuni differenti. Marija kienet ġejja mill-Galilija, in-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael, “Galilija tal-ġnus” isejħilha San Mattew (4:15), jiġifieri Galilija tal-pagani, ta’ dawk li ma jifhmux, tal-injoranti, ta’ dawk li ma jemmnux, ta’ dawk li n-nies ta’ Ġerusalemm kienu jħossu li huma inferjuri għalihom. L-oħra, Eliżabetta, ġejja minn qrib Ġerusalemm, mill-muntanji tal-Lhudija, ir-raġel tagħha saċerdot fit-Tempju, u għalhekk tħossha bħala waħda mill-aktar ixxurtjati, waħda minn dawk il-ftit nies li joqogħdu proprju qrib il-qalba tar-reliġjon Lhudija, tista’ tiffrekwenta t-Tempju. Mhux bħal min jgħix ’il bogħod mil-liġi, ir-regoli, is-smigħ tal-Kelma, kif setgħet kienet Marija. Tant hu hekk li l-Lhud ta’ Ġerusalemm kienu jħarsu ħafna bl-ikrah lejn il-Lhud l-oħra, b’mod speċjali tal-Galilija. Ħafna snin qabel, fi żmien l-eżilju ta’ Babilanja, ħafna barranin tħalltu mhux biss mas-Samaritani, imma wkoll man-nies tal-Galilija, u ma baqgħux Lhud ta’ nisel pur, imma spiċċaw huma wkoll imniġġsin, imħalltin ma’ ġnus oħra.
Imma mhux biss il-Lhud li kienu ġejjin mill-Galilija, li kienu jgħixu f’dak ir reġjun imsejjaħ “Galilija tal-ġnus”, kienu jitħalltu ma’ ħafna nies oħra, għax il-Galilija kienet fil-konfini n-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael, minn fejn jgħaddi kulħadd. Kien hemm ukoll triq Rumana, il-via maris, it-triq tal-baħar, li tgħaddi proprju mill-Galilija, triq tan-negozju li fiha kien jgħaddi kemm min ġej min-naħa ta’ isfel u kemm min ġej min-naħa ta’ fuq, kemm min ġej min-naħa tal-Afrika, kemm min ġej min-naħa tal-Ewropa, kif ukoll min ġej min-naħa tal-Asja. Kien hemm dak li jgħidulu sinkretiżmu reliġjuż: taħlita ta’ fidi, ta’ reliġjonijiet, kif jista’ jkollna llum bħalissa f’pajjiżna u kif aħna nistgħu nħarsu lejn ċerti pajjiżi, kif ukoll l-istess Għawdex tagħna.
Imma Marija u Eliżabetta ma jsibux problema għax ġejjin minn irħula differenti. Huma jiċċelebraw lil xulxin, jiċċelebraw il-preżenza ta’ Ġesù, ta’ Alla, li qiegħda fihom. Marija u Eliżabetta ma jagħmlux differenza, ma tkunx problema għalihom għax Eliżabetta ġejja minn ambjent reliġjuż aktar profond, minn ambjent ta’ fidi aktar radikali minn ta’ Marija, li ġejja minn post aktar liberali, li hu inqas estrem fejn jidħlu l-fidi u r-reliġjon Ġudajka. Ma jagħmlux differenza għal Marija u Eliżabetta, u ma jħarsux lejn xulxin waħda minn fuq għal isfel lejn l-oħra, jew waħda minn isfel għal fuq lejn l-oħra. Noqogħdu attenti, għax aħna nistgħu nkunu fl-istess knisja, fl-istess irħula tagħna, fl-istess pajjiżna, saħansitra nistgħu ninqdew bl-istess festi biex inħarsu lejn xulxin minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq. Dan hu l-maqlub tal-Vanġelu, dan Alla ma jridux, dan żgur qatt ma riduh Marija u Eliżabetta.
Għalhekk verament nixtieq ninqdew b’din il-Festa biex inħallu ’l Ġesù jidħol fl-intimu, fil-qalba tal-persuna ta’ kull wieħed u waħda minna, biex kif ġara fil-Vanġelu li smajna, ikun hemm il-ferħ. Ma nafx jekk innutajtux, imma l-Vanġelu ta’ San Luqa, b’mod speċjali l-ewwel żewġ kapitli, anki dan il-kapitlu li qrajna, hu mimli u magħġun bil-ferħ. Imma l-ferħ jista’ jiġi biss meta hemm il-preżenza ta’ Ġesù. U għalhekk jien nikkonkludi r-riflessjonijiet tiegħi billi nħeġġiġkom mill-qalb: jekk il-Festa taqla’ minn hawn u minn hemm nies li forsi matul is-sena ma jkunx qrib daqshekk tal-parroċċa, ma jkunux daqshekk imħeġġin biex jiltaqgħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija u fil-Kelma, ejja nagħmlu minn kull ġurnata tas-sena festa! Għandkom diversi possibbiltajiet hawnhekk fil-parroċċa tagħkom fejn tiltaqgħu mal-Kelma ta’ Alla, fejn tiċċelebraw l-Ewkaristija: għandkom il-gruppi, il-katekiżmu, il-gruppi tal-adolexxenti u taż-żgħażagħ, il-komunità, il-gruppi tal-familja. Jiena nixtieq li nara llum li ma jibqax wisa’ fiċ-Ċentru Parrokkjali tagħna, ma jibqax ħin, għax ikun kollu mimli bil-laqgħat, b’dawk in-nies li jridu jafu l-Kelma ta’ Alla, bin-nies li jridu jiltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù.
Inkella l-festi tagħna jkunu ħafna enerġija, ħafna ħela ta’ ħin, ħafna ħela ta’ flus, mingħajr ma jħallu xejn għal kull wieħed u waħda minna ħlief sempliċement sensazzjoni ta’ ftit ġranet li tgħaddi, u nibdew ngħixu nostalġija u xewqa għas-sena d-dieħla. Alla jridna nagħmlu festa kuljum, 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa; irid li l-ħajja tagħna tkun mimlija b’Ġesù kif kienet ta’ Marija tqila bih u li marret għand Eliżabetta. Imma dan nistgħu nagħmluh jekk nilqgħu s-sejħa li jagħmlulna l-Arċipriet u s-saċerdoti biex nagħmluha mal-Kelma ta’ Alla, inħallu lil Alla jdawrilna moħħna, inħallu l-Vanġelu jedukana, inħallu lil Ġesù permezz tal-Kelma tiegħu jkellem lill-moħħ u l-qalb tagħna u jifformalna b’mod speċjali r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Jekk Ġesù ma jkunx fir-relazzjoni ta’ bejnietna, allura ma nistgħux insejħu ’l xulxin aħwa, ma nistgħux induru lejn Alla u ngħidulu Missier. Għax aħna aħwa ta’ xulxin jekk ngħixu kif Ġesù għallimna. Ma nistgħux lil Alla nsejħulu Missier jekk aħna m’aħniex aħwa ta’ xulxin. Jekk jien ma nkellemx lilek, jew għandi għalik, jew narak inferjuri għalija, kif nista’ ndur lejn Alla u ngħidlu ‘Missier’! Hu minn hemm fuq jgħidli: ‘Fejn hu ħuk? Fejn hu ħuk li int tħares ikrah lejh?’ (ara Ġen 4:9).
Ejjew inħallu l-Kelma ta’ Alla ddawlilna l-ħajja tagħna. Mhux għalih… m’għandux bżonn! Mhux għal Marija u Eliżabetta… dawk m’għandhomx bżonn. Il-Mulej jagħtina li nagħmlu minn din il-Festa ta’ darba fis-sena festa ta’ 365 ġurnata kuljum!
