Il-foqra huma t-teżor tagħna

Il-Ħadd, 30 ta’ Lulju 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Lawrenz. Knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, San Lawrenz.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Nimmaġinaw li kieku kellu jiġi Valerjanu llum! Valerjanu kien l-Imperatur ta’ Ruma fiż-żmien ta’ Lorenzo, meta l-Papa Sistu II kien fuq it-tron ta’ Pietru jmexxi l-Knisja. Il-Papa kellu qribu lil dan iż-żagħżugħ Arċidjaknu, jiġifieri responsabbli tad-djakni, ta’ dawk li jaqdu. Li kieku kellu jiġi l-Imperatur Valerjanu llum, u l-istess talba li għamel lil Lorenzo fis-sena 257, jiġifieri “Ġibli t-teżori tal-Knisja”, jagħmilha lili, lill-Knisja Kattolika, lilkom Parroċċa ta’ San Lawrenz, kieku liema teżori neħdulu?

X’inhu l-iktar importanti għalina, għall-Knisja, għall-Parroċċa? X’hemm fil-qalb, fiċ-ċentru tal-interess tal-ħidma, tal-impenn kontinwu tagħkom? X’hemm fil-qalb, fit-taħbil il-moħħ, fl-inkwiet tiegħi bħala Ragħaj, bħala responsabbli tal-Knisja fid-Djoċesi tagħna? X’inhu dak li lili ma jħallinix norqod? X’inhu dak li lilkom ma jħallikomx tieklu sew? X’inhu dak li lilkom jeħdilkom ħafna ħin u enerġija? X’hemm fiċ-ċentru tal-Knisja tagħna? X’hemm fiċ-ċentru tal-Parroċċa tagħna? X’neħdulu? L-istatwa ta’ San Lawrenz? X’neħdulu? It-tiżjin sabiħ li għandna madwar il-Festa? X’neħdulu? L-ispirtu ta’ kompetizzjoni, l-ispirtu ta’ pika li hawn bejn parroċċa u oħra? X’neħdulu lill-Imperatur Valerjanu? Iċ-ċelebrazzjonijiet sbieħ li nagħmlu? X’neħdulu lill-Imperatur Valerjanu? Id-dehbijiet li għandna, il-ġid li għandna, il-proprjetà li għandna? Jien bħala Isqof tad-Djoċesi x’se neħodlu lil Valerjanu, jekk ikollu jitlobni u jgħidli: ‘Ġibli l-ġid tal-Knisja’, ‘Ġibli t-teżori tal-Knisja’.

Jiena naħseb li l-Knisja tagħna tbiegħdet ħafna mill-Knisja tal-Papa Sistu II u ta’ Lorenzo! Ejjew inkunu sinċieri, ejjew ma ndurux mal-lewża, ejjew ma nidħkux bina nfusna u bl-oħrajn: ejjew ngħidu li għalina l-foqra mhumiex importanti, ejjew ngħidu li għalina l-foqra huma fl-aħħar, huma fil-ġenb. Inwarrbuhom kemm jista’ jkun, ma rridux inħarsu lejhom, ma rridux narawhom għax jinterpellawna, jistaqsuna, għax jagħmlulna domanda qawwija: ‘Għinni, għinni. Aqsam li għandek miegħi. Kun Kristjan ta’ veru. Kun Lorenzo ieħor’. Ejja nkunu sinċieri, għax inkella nkomplu nilagħbu, nagħmlu plays, waħda wara l-oħra, inkomplu nirreċtaw u ma nkunu qatt iltqajna mal-verità tagħna nfusna, mal-verità ta’ dak li qegħdin ngħixu, ma nħallu qatt bis-serjetà l-Evanġelju jkellimna. Min ifittex ħajtu, min ifittex li jkun sew, min ifittex lilu nnifsu, jitlifha, jispiċċa ma jkun qatt kuntent, jispiċċa jiġri wara r-riħ u ma jilħqux, jispiċċa jiġri u jċedi. Imma min jitlef ħajtu, min jagħti lilu nnifsu għall-Evanġelju, dak hu li jiksibha (ara Mk 8:35).

Qed nagħmlu festa lil dan il-qaddis kbir, li t-teżor tiegħu kien l-għajnuna, il-qadi, il-ferħ tal-foqra. Dan li kellu fiċ-ċentru ta’ qalbu Lorenzo! Għalhekk il-Papa Sistu, diġà minn Zaragoza fejn kienu flimkien għalliem u student, għaraf il-qalb ġeneruża u kbira ta’ dan iż-żagħżugħ. Ħadu miegħu Ruma, mhux biex jara kif permezz tiegħu l-Knisja takkwista artijiet, poter, setgħa quddiem l-Imperatur, ġid, flus, dehbijiet, imma ħadu miegħu biex ikun jista’ jqassam u jaqdi tassew lill-foqra, jara liema huma l-bżonnijiet veri ta’ Ruma ta’ żmienu, u jipprova jkun qaddej ta’ veru ta’ nies fil-bżonn.

Nisimgħuh lill-Papa Franġisku fi żmienna jistedinna, jgħidilna, jinterpellana biex ikollna l-foqra fiċ-ċentru ta’ qalbna, tal-ħidma tagħna, tal-parroċċi tagħna. Kemm nixtieq nara l-komunitajiet Insara tagħna, il-parroċċi tagħna jkunu bħal dawk l-idejn miftuħa tal-omm li tilqa’ u li tilħaq b’mod speċjali dawk l-ulied li huma l-iktar fil-bżonn, li għaddejjin minn żmien ikrah u diffiċli! Liema huma l-bżonnijiet tan-nies ta’ żmienna? Liema huma l-foqra ta’ żmienna?

Moħħna forsi li l-ewwel li jmur fuq l-immigranti. Iva, u bir-raġun. Mhux biss għax huma foqra, imma għax aħna kuntenti li dawn huma foqra. Beggars are not choosers! Allura x’nagħmlu? Inħaddmuhom lil dawn l-immigranti! Inħaddmuhom, imma nħallsuhom mhux kif ħaqqhom, mhux kif ikun tħallas Għawdxi jew Malti, imma jkollhom joqogħdu, inkella ma jsibux xogħol. Dan hu l-Kristjaneżmu tagħna! Dawn huma l-festi tagħna! Dan hu dak li qed nagħmlu, b’għajnejna magħluqin. Anzi, kważi kważi kuntenti li rnexxielna nakkwistaw, li niggwadanjaw, naqilgħu minn fuq il-fqir, minn fuq il-batut. Kważi kważi rrealizzati li rnexxielna nagħmlu biċċa negozju. Fejn hu l-Kristjaneżmu? Fejn hu l-Evanġelju? Fejn hu dak li jitlobna Ġesù? Li nagħtu lilna nfusna, li nfittxu li ngħinu lill-fqir u lill-batut! Fejn hu dan kollu? Veru huma foqra dawn l-immigranti!

Imma rridu noqogħdu attenti, għax jista’ jkun li bl-istil tal-ħajja li qegħdin ngħixu f’Malta u f’Għawdex għamilna klassi ta’ nies li huma inqas minna: ta’ dawn il-barranin, li mhumiex choosers, ma jistgħux jagħżlu; ta’ dawn il-barranin li aħna qegħdin inżommu taħtna b’xi mod jew b’ieħor. Għaliex ċertu xogħol jagħmluh huma biss? Xi jfisser dan? Għaliex għamilna l-għażla, aħna bħala poplu, li l-agħar xogħol, dak ix-xogħol li ma rridux nagħmlu aħna, nagħtuh lilhom, imħallas proprju bi prezzijiet tassew tal-foqra, bi prezzijiet tassew li mhumiex ġusti?

Liema huma l-foqra ta’ żmienna? Drajnieh il-faqar tat-tfal żgħar tagħna. Drajnieh, lanqas għadna nagħtu kasu. Liema hu dan il-faqar? Għandna ħafna tfal foqra fid-djar mhux biss għax huma vittma ta’ separazzjoni kultant, imma wkoll għax m’għandhomx dak li għandhom bżonn ta’ veru: l-imħabba vera tal-ġenituri tagħhom. Foqra ta’ veru dawn it-tfal tagħna, għax ma għandhomx dak li tassew jeħtieġu: relazzjoni serena, trankwilla bejn il-ġenituri tagħhom, bl-iskuża li qegħdin naqilgħu l-flus għalihom, li qegħdin inħejjulhom il-futur. Imma qed inħejju l-futur mhux għalihom, mhux għat-tifel jew tifla tiegħi, imma biex mingħalina jkollhom fejn joqogħdu, biex mingħalina jkunu sew, imma jkun jonqoshom dak li hu l-aktar fundamentali: l-imħabba, il-kura, l-attenzjoni, l-istima ta’ veru, li tifel u tifla jġibu meta aħna ngħaddu l-ħin magħhom, meta aħna noqogħdu magħhom.

X’inhu jiġrilhom it-tfal tagħna? It-tfal tagħna mimlijin disturbi, diffikultajiet, problemi li aħna u ta’ qabilna lanqas biss konna noħolmu bihom, għax kien hemm missier u omm li kienu hemmhekk preżenti, u kienu jagħmlu tajjeb għal ħafna affarijiet, għal ħafna problemi. Imma llum jinqalgħu d-diffikultajiet, u minflok il-missier u l-omm jidħol l-ispeċjalista, it-terapista, il-counsellor, il-psikjatra, l-LSE, u nistgħu nibqgħu nsemmu… dejjem biex jissostitwixxi u jbiddel il-figura, il-persuna tal-omm u l-missier.

Dawn huma l-foqra ta’ żmienna. Dawn huma l-foqra li kieku Valerjanu jistaqsina: ‘Ġibuli t-teżori tal-Knisja’. Dawn li rridu neħdulu. Dawn irridu nieħdu ħsieb tassew, bħala komunitajiet Insara, bħala komunitajiet Kristjani ta’ veru. Imma liema huma iktar il-foqra ta’ żmienna?

Il-foqra ta’ żmienna huma l-adolexxenti, li m’għandhomx biex jixtru d-droga. Għamilniehom foqra apposta lill-adolexxenti tagħna. Wegħedniehom il-ferħ u l-hena, permezz tal-flus, permezz tan-negozju. Meta int tagħmel ideal li trid tixtrih u tilħqu bil-flus, int bilfors qiegħed toħloq il-foqra fi żmienek. Qed noħolqu foqra ġodda: barra l-faqar tal-flus, il-faqar ta’ sinifikat, il-faqar ta’ sens tal-ħajja; li jqum filgħodu u ma jafx se jagħmel, li għada ma jafx x’ġej għalih, li l-futur tiegħu mċajpar, li ma jafx jekk hux se jkun Għawdex, Malta, barra jew xi mkien ieħor. Huma esperjenzi li aħna u ta’ qabilna qatt ma għexna. Huma esperjenzi ġodda li qegħdin joħolqu faqar ġdid. Żgħażagħ li għandhom bżonn min jismagħhom, min jifhimhom, min iħobbhom, żgħażagħ li qegħdin ifittxu.

Intom taħsbu li x-xewqa li jiddamdmu l-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija ġejja għax huma sinjuri, għax huma ma jonqoshom xejn, għax huma mhumiex foqra? Ġejja proprju minħabba dan il-faqar ta’ vojt, dan il-faqar ta’ nuqqas ta’ sens li qegħdin jgħixu, li ġibniehom jgħixu fid-dinja ta’ żmienna. Xi ġralna? Ġralna li aħna l-adulti nippuntaw subgħajna lejn iż-żgħar, imma huwa aħna li qegħdin ngħollu l-prezzijiet tal-bini, tal-artijiet, tal-kiri, il-bejgħ ta’ dik u tal-oħra, tant li lil dawn iż-żgħażagħ, mingħajr ma nafu, u forsi mingħalina għalihom, qtajnielhom qalbhom. Dawn huma foqra ġodda li l-Knisja f’Għawdex, li parroċċa denja ma tistax ma tagħtix kas, ma tistax ma tiħux ħsieb, ma tistax ma tħobbx, ma tistax ma tbatix u ma tagħtix lilha nfisha għalihom.

Liema huma iktar il-foqra f’pajjiżna, f’Għawdex tagħna? Huma l-ġenituri, li lanqas baqgħalhom ħin iħarsu lejn xulxin, li ma għandhomx lanqas ħin jistrieħu, li jinqabdu f’ritmu, f’magna ingranata, magna li trid tiġri l-ħin kollu, magna li ma tistax tieqaf, bla nifs. Hi dinja li qed tħallina bla nifs, għax qbadna l-orjentament bil-maqlub ta’ dak li talabna l-Evanġelju tal-lum (ara Mk 8:34-35). Hi dinja li qed tiġri bla nifs, għax qbadna d-direzzjoni differenti minn dik li qabad Lorenzo. Ħsiebna biex nakkwistaw, biex ikollna, biex inġibu, waqt li Lorenzo u l-Evanġelju tal-lum qed jitolbuna: ‘Tinkwetax, il-Mulej jipprovdi. Il-Mulej jagħtik, aqsam minn dak li għandek, agħti minn dak li għandek. Fittex l-ewwel li tgħin lil ħaddieħor, b’mod speċjali lil dawk li huma fil-bżonn’.

Kemm hi bidla radikali li l-Evanġelju fil-Festa tal-lum qed jitlobna, biex ma naħsbux iktar fina nfusna, imma anki jekk aħna limitati, anki jekk m’għandniex, anki jekk għandna ftit, dak li għandna naqsmuh u nagħtuh! Il-ħajja tagħna trid tkun għotja kontinwa. Ara x’inhu jiġrilna! Dħalna f’ġirja li ma tispiċċa qatt, b’illużjoni li xi darba se nkunu trankwilli, għax se jkollna biżżejjed. Imma din il-ġirja qed toqtolna, qed titfagħna f’dipressjoni kbira. Kemm hawn nies dipressi, għajjenin, imdejqin? Il-ġirja li dħalna fiha. Aħna kull kif ħa mmutu, kollha kemm aħna. Imma jien nista’ mmut ċedut, għax infittex li nkun sew, għax infittex li npoġġi lili nnifsi sew, infittex li nħares il-knisja tiegħi sew, il-parroċċa tiegħi sew, id-drittijiet tiegħi; u mmut ċedut għax qatt ma jirnexilli mija fil-mija. Imma nista’ mmut ukoll mingħajr ma noqgħod infittex lili nnifsi, u dak li għandi, anki jekk ftit, nagħtih, ngħaddih lill-oħrajn, nitkisser għall-oħrajn, nitbiċċer għall-oħrajn, nagħti lili nnifsi għall-oħrajn, inqassam lili nnifsi għall-oħrajn.

Dan hu l-mod tal-ferħ li għallimna u li hu l-mudell tiegħu Lorenzo. Dak hu dak li jgħallimna l-Evanġelju tal-lum. Għandu Ġesù raġun meta jgħid: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha” (v. 35). Jekk jien ħsiebni biss fija nnifsi, jekk ħsiebni biss biex inkun kuntent, biex inpoġġi lili nnifsi u lil ta’ madwari sewwa, biex inkun patrijott, biex inpoġġi sew il-parroċċa tiegħi, il-Knisja tiegħi, id-djoċesi tiegħi, u ma nħarisx ’il barra, ma nkunx ġeneruż, ma narax il-bżonnijiet tal-oħrajn, jien ma jkollix l-attitudni tal-Evanġelju u ta’ Lorenzo. U mmut ċedut, għajjien, fid-dipressjoni, għax qatt mhu se jirnexxili nilħaq ċertezza mija fil-mija.

Imma hemm mod ieħor kif tmut: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Dan kollu għandna esperjenza tiegħu. Kull darba li aħna qassamna minn dak li hu tagħna, tajna minn dak li hu tagħna, irringrazzjajna lil Alla għad-doni kollha tiegħu, u ma qisniex lilna nfusna bħala proprjetarji ta’ dawn id-doni, imma sempliċiment bħala benefiċjarji, li rċivejna ħafna – u allura, la aħna benefiċjarji u rċevejna, irridu naqsmu, nagħtu lill-oħrajn – hemmhekk għamilna esperjenza ta’ Knisja u ta’ ferħ.

Min huma l-foqra ta’ żmienna? Il-foqra ta’ żmienna huma l-anzjani tagħna, li ħadmu u stinkaw, ħamsa, sitta, seba’, tmien, disat itfal. Rabbewna, tawna edukazzjoni, tawna kulma kellna bżonn, imbagħad sabu ruħhom ‘ipparkjati’ xi mkien, f’xi dar, għax m’għandniex ħin għalihom, għax jitolbuna ħafna enerġija, għax ma jistax ikun li nkomplu magħhom, għax diffiċli biex tobdi, biex tasal ħalli taqdihom fil-bżonnijiet mediċi tagħhom, għax sar impossibbli għalina. Kemm huma dawn il-foqra fiċ-ċentru tal-komunità parrokkjali? Kemm huma fiċ-ċentru tal-Knisja Għawdxija? Kemm huma fiċ-ċentru tal-preokkupazzjoni tiegħi, tagħna lkoll? Inkella din il-Festa tkun kummiedja! Almenu, ħa nirrikonoxxi, jien l-ewwel wieħed, li mhux veru l-foqra huma fiċ-ċentru ta’ qalbi, mhux veru l-foqra huma fiċ-ċentru tal-Knisja Għawdxija, mhux veru l-foqra huma fiċ-ċentru tal-preokkupazzjoni tiegħi! Almenu nkunu sinċieri, nagħmlu din il-verità magħna nfusna, kollna kemm aħna.

Ejjew inkunu sinċieri u nħallu lil Lorenzo jkellimna b’qawwa. Ejjew inħallu l-Kelma tal-Evanġelju ma taqax fix-xejn. Għax ma jistax jiġri agħar milli nisimgħu l-Evanġelju, nagħmlu esperjenza sabiħa bħal ta’ dalgħodu – mużika, kant, knisja sabiħa – u noħorġu minn hawn u ngħidu: ‘Kemm kienet sabiħa l-quddiesa!’, imma nerġgħu għal li konna. Ma nistgħux nagħmlu agħar minn hekk! Ejjew nitolbu lil Lorenzo biex bin-nar ta’ dik il-grada li ħarqitu jaħraq naqra lilna wkoll, ħalli nqumu ftit fuq tagħna. Għamlu erbat ijiem ta’ sħana konna se niġġennu… u dak qalilhom: ‘Isma’, hawnhekk sar, issa qallbuni fuq in-naħa l-oħra!’.

Ejjew nitolbu lil Alla permezz ta’ dan il-qaddis kbir Lorenzo biex almenu, jekk aħna ngħidu li aħna Nsara, nirrikonoxxu u nagħrfu kemm baqgħalna x’nimxu, nagħrfu li mhux veru aħna Nsara awtentiċi. Ejjew nitolbuh lil Lorenzo jagħtina din il-qawwa biex nitħarrku, inqumu. Ejjew nitolbuh jagħtina l-għajnuna, lil kull wieħed u kull waħda minna, biex nagħmlu għażliet prattiċi, għax fil-familja ta’ kull wieħed u kull waħda minna hemm teżor, f’kull familja hemm fqir, f’kull familja hemm tifel li kulħadd umbrah: ħija jew oħti li ħadd ma jridhom, ommi jew missieri li miġġieled magħhom. F’kull familja hemm it-teżor tiegħi, hemm il-fqir li għandu bżonni.

Ejjew illum nagħmlu deċiżjoni, għażla ta’ veru – jien l-ewwel wieħed – li meta Valerjanu jitlobna: ‘Ġibuli t-teżori tagħkom’, aħna neħdulu bl-imħabba, b’maħfra, dik il-persuna, dawk il-persuni li s’issa ħallejna ħafna fil-ġenb, dawk li aħna stess għamilna foqra fil-ħajja tagħna, forsi fil-familja tagħna stess.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading