Nildu lil Ġesù llum

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Settembru 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tat-Twelid ta’ Marija. Bażilika ta’ Marija Bambina, Xagħra.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Naħseb li dalgħodu rridu nagħmlu żewġ mistoqsijiet, li nħosshom importanti għalina, għax jagħtu s-sens għalfejn aħna qegħdin hawn. L-ewwel u qabel kollox, x’għandu x’jaqsam il-Qari li smajna, b’mod speċjali l-Evanġelju (Mt 1:1-16,18-23) – il-ġenealoġija ta’ Ġesù – ma’ din is-Solennità li qegħdin nagħmlu tat-Twelid ta’ Marija? Imbagħad it-tieni mistoqsija importanti li għaliha rridu nwieġbu hija: imma dan kollu x’għandu x’jaqsam magħna u fiex imissna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?

Jekk aħna nqallbu ftit il-Kotba Mqaddsa, l-Evanġelji b’mod speċjali, nindunaw illi Ġesù huwa ċ-ċentru tal-istorja kollha: kien hemm qabel Ġesù u wara Ġesù. Fil-fatt sal-lum aħna għadna nniżżlu d-data ‘Qabel Kristu’ (qk) jew ‘Wara Kristu’ (wk). Allura l-Evanġelji jikkontemplaw dak li ġara qabel Kristu, bħallikieku kien żmien ta’ tqala, ta’ stennija. Id-dinja kollha kienet qed tgħix tqala, qed tgħix stennija, sakemm twelled, sakemm jiġi l-bniedem per eċċellenza, ta’ veru, matur, li hu Ġesù, biex juri lil dawk ta’ wara, imma wkoll lil dawk ta’ qabel, kif għandu jkun il-bniedem ta’ veru; kif aħna, li niġu wara Ġesù, għandna nippruvaw nimitaw u nqabblu l-ħajja tagħna ma’ tiegħu, b’tali mod li ħajjitna tilħaq il-milja tagħha. Fi kliem ieħor, meta nsiru nafu u nagħmlu l-esperjenza tal-persuna ta’ Ġesù, ma nkunux nistgħu nkunu iktar kuntenti milli aħna. Allura Ġesù huwa fiċ-ċentru tal-istorja: hemm qablu, ġie hu, u warajh kien hemm bidla sħiħa, totali, mhux biss fina l-bnedmin, imma anki fid-dinja, fl-univers b’mod ġenerali; għax il-mod kif aħna nirrelataw flimkien, u kif aħna nġibu ruħna mal-oġġetti u mal-univers, jinbidel kollu bil-miġja ta’ Ġesù fostna.

U allura, meta nagħmlu festa lit-Twelid ta’ Marija, aħna qegħdin ngħidu li dan kien diġà tħabbira, din id-darba mhux mill-bogħod imma mill-qrib, ta’ dak li kulħadd kien qiegħed jistenna: ta’ Ġesù, li lkoll kemm aħna, anki jekk ma nafux, nixtiequ nixbhu u nixtiequ ngħixu. Kollha kemm aħna ġo fina għandna xewqa kbira li ngħixu l-persuna ta’ Ġesù. L-inkwiet kollu li jkollna, id-dwejjaq kollu li jkollna, dak kollu li nfittxu u li nagħmlu, l-għażliet li nagħmlu fil-ħajja, nistgħu nfissruhom f’din il-kelma hekk sempliċi: kollha kemm aħna b’xi mod qegħdin infittxu li nkunu Ġesù, li nixbhu lil Ġesù, li Ġesù jieħu l-ħajja fina.

Mela għandna qabel, għandna lil Ġesù fin-nofs, u għandna wara. Allura aħna fejn ninsabu? Tgħiduli: wara! Aħna ninsabu wara, fil-fatt storikament aħna ngħidu: ‘is-sena 2023 wk’. Imma bil-moħħ, bil-qalb u bl-għażliet tagħna, ninsabu verament wara Ġesù? Qed nimitawh għalkollox? Daħħalnieh fina? Dħalna tassew fil-persuna ta’ Ġesù? Jew għadna ’l bogħod? Allura bir-raġun li niċċelebraw lil din il-mara llum: mhux ta’ elfejn sena ilu, mhux għal dak li għamlet fil-passat, imma għandna bżonn li niċċelebrawha llum, għax dik l-omm tqila b’Ġesù llum hija int, u jien, kull wieħed u kull waħda minna, li aħna wkoll nixtiequ li dan Ġesù, kif jgħidilna San Pawl, isir raġel matur f’kull wieħed minna (ara Efes 4:13). Aħna ninsabu wara Ġesù storikament, imma l-moħħ u l-qalb tagħna jistgħu jkunu għadhom qabel Ġesù.

Il-ġenealoġija ‘tagħna’

L-Evanġelju li smajna jibda b’mod sabiħ tassew: “Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu” (v. 1), il-ktieb tal-‘ġenesi’. Fiex tfakkarna l-kelma ‘ġenesi’? Tfakkarna fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, li almenu kif tradott mis-LXX, huwa l-Ktieb tal-Ġenesi. Għaliex San Mattew jibda l-Evanġelju tiegħu billi jirreferi għall-ewwel ktieb tal-Bibbja, li fih għandna r-rakkont tal-ħolqien? San Mattew jibda proprju bil-kliem “ktieb in-nisel ta’ Ġesù” (v. 1) biex jurina li issa hemm bidu ġdid, qed tinħoloq dinja ġdida. Allura l-mistoqsija terġa’ tiġina: aħna qegħdin ngħixu fid-dinja l-ġdida li ġabilna Ġesù, il-bidla li ġab miegħu Ġesù, jew għadna fid-dinja l-qadima?

Dan l-Evanġelju jispiċċa bl-għerusija ta’ Marija u Ġużeppi. Marija tiled lil Ġesù, issejjaħlu “Għimmanu-El, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’” (v. 23). Il-konklużjoni tal-istorja tal-passat, il-punt, il-pern prinċipali, iċ-ċentru tal-istorja kollha, dak li jbiddel kollox, hija l-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna llum. Jekk aħna qegħdin hawn biex niċċelebraw l-Ewkaristija, jekk aħna qegħdin hawn biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, qegħdin hawn biex nagħmlu esperjenza ħajja u vera tal-preżenza ta’ Ġesù. Għadu kif kellimna l-Mulej, permezz tal-Kelma tiegħu, hu li hu ħaj f’nofsna. Minn hawn u ftit ieħor se nieħdu u naqsmu l-Ħobż, se nixorbu l-Kalċi tal-preżenza, l-Ewkaristija. Il-Ħobż maqsum hu Ġesù nnifsu, preżenti f’nofsna.

Xi jfisser bniedem ġdid?

Jekk aħna nidħlu aktar ’il ġewwa fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, nistgħu nindunaw u nitgħallmu x’jiġifieri ssir bniedem ġdid, tgħix bil-mentalità l-ġdida li ġabilna Ġesù. L-ewwel u qabel kollox, dan l-Evanġelju li jitkellem fuq il-miġja ta’ Ġesù, u jsemmi n-nisel wieħed wara l-ieħor, irid jurina li aħna wkoll għandna storja, ġenealoġija; aħna wkoll ġejjin minn xi mkien, ħadd minna ma waqa’ mill-ajru, kulħadd għandu l-antenati tiegħu. Qegħdin fi żmien fejn uħud qegħdin jiddilettaw li jmorru jfittxu u jsibu l-arblu tar-razza. Hija ħaġa sabiħa, tajba, b’mod speċjali fi żmienna, fejn it-tendenza u l-attitudni tagħna hi l-idea li kollox qed jibda magħna. Qisu l-istorja, il-passat, it-tradizzjonijiet, il-kultura li għaddewlna missirijietna, l-istorja tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi, dawn m’għadhomx jeżistu. Qisu qed jibda kollox magħna! Dan jgħodd mhux biss għall-ġrajjiet storiċi, imma b’mod speċjali għall-patrimonju ta’ valuri u kulturali li missirijietna b’tant tbatija għaddewlna. Jekk illum insemmuh ukoll bħala Jum il-Vittorji, ma’ dan l-isem hemm marbuta l-valuri li missirijietna xerrdu demmhom għalihom; il-valuri li tant kienu għeżież għalihom, tant xtaqu li jgħadduhom lil ta’ warajhom, u għalhekk waslu għandna, li saħansitra kienu kapaċi jagħtu ħajjithom għalihom.

Jien nistaqsi dalgħodu lili nnifsi, u lilna lkoll: it-tradizzjonijiet, l-antenati tagħna, il-valuri li għaddewlna, kemm għadhom importanti fil-ħajja tagħna? Jew qed ngħixu bl-idea tal-awtosuffiċjenza? Kollox jibda miegħi, kollox jiddependi minni, jien nagħmel l-għażliet, ħadd ma jikkmandani, ta’ qabli ma jimpurtanix minnhom, ta’ warajja inqas u inqas, anzi, jekk ma nħallix warajja assolutament ma tkunx problema, l-importanti li nkun sew u kuntent jien. Din hija l-mentalità żbaljata li qegħdin ngħixu fiha, il-mentalità ta’ fantasija, għax ilkoll kemm aħna nafu li jekk għandna fejn noqogħdu, li jekk għandna ġisem, jekk għandna persuna, jekk għandna familja, jekk għandna aħwa u ġenituri, dawn ma ġibnihomx b’idejna, dawn xi ħadd irregalahomlna, xi ħadd tahomlna; aħna destinatarji ta’ doni. Allura meta jien nibda naħseb li kollox jibda, ikompli u jispiċċa fija, inkun qed niżbalja bl-ikrah, niżbalja bil-kbir.

M’aħniex hawn b’kumbinazzjoni

L-Evanġelju tal-lum jgħallem lil kull wieħed u kull waħda minna li kif Marija kienet il-frott ta’ siġra, ta’ arblu tar-razza, u kienet ippredestinata – kif qalilna San Pawl fit-Tieni Qari (Rum 8:28-30), anki kull wieħed u kull waħda minna, aħna m’aħniex hawn b’kumbinazzjoni, sempliċiment għax żewġ ġenituri ddeċidew li jagħmlu relazzjoni flimkien. Le… aħna qegħdin hawn għax Alla ppredestinana, aħna maħbubin qabel m’aħna maħluqin. Kemm hi sabiħa din il-verità! Kemm terfagħna fl-ispirtu tagħna, b’mod speċjali meta ngħaddu minn żminijiet iebsa, meta nibdew naħsbu u ngħidu: ‘Aħjar ma ġejtx fid-dinja’, meta l-iebes tal-ħajja tant jibda jagħfas fuqna li ma narawx ħlief swied! Kemm hi realtà sabiħa meta inti tiftakar li int ippredestinat, li kull wieħed u kull waħda minna m’aħniex hawn b’kumbinazzjoni!

Dan hu l-bniedem il-ġdid, bil-mentalità ta’ Ġesù, li jiċċelebra tassew it-Twelid tal-Verġni Marija. Altru li għandu x’jaqsam dan it-Twelid mal-ħajja tiegħi u tiegħek! Aħna l-ewwel u qabel kollox oġġett tal-imħabba ta’ Alla. Alla lili tant ħabbni li għoġbu joħloqni. Tgħiduli: ‘Kif? Alla jħobbni qabel ma joħloqni?’. Iva, Alla jħobbna qabel ma ħalaqna. Alla qisu dak il-pittur jew artist li qabel ma pitter materjalment dik il-pittura, qabel ma għamel dik l-istatwa, kien diġà raha sabiħa f’moħħu, kien diġà ħabbha f’moħħu u f’qalbu, qabel ma seta’ jmissha.

Ġesù salva lil kulħadd

Issa jista’ jiġri li minħabba dak li ġrali f’ħajti, nibda naqta’ qalbi u ħlief diżgrazzji jien ma narax, ħlief problemi jien ma mmissx, ħlief tbatija jien ma niftakarx. Hawnhekk jerġa’ jagħtina dawl l-Evanġelju tal-lum. Fil-ġenealoġija ta’ Ġesù għandna diversi persunaġġi li kienu famużi u importanti fl-istorja ta’ Iżrael: Abraham, David… Nies kbar u importanti. Imma f’dan l-arblu tar-razza ta’ Ġesù, fl-istorja tan-nisel ta’ Ġesù, għandna wkoll nies kriminali, midinbin, bi problemi kbar, li madwarhom għamlu ħerba. Għandna slaten li kissru, għaffġu, u li ma mexxewx sewwa. X’jurina dan? X’Aħbar tajba u sabiħa għalina! Ġesù verament hu s-Salvatur ta’ kulħadd, ta’ kull bniedem; mhux ta’ dawk li huma tajbin biss, mhux ta’ dawk li mingħalihom ma għamlux affarijiet gravi jew ħżiena biss. Ġesù hu s-Salvatur ta’ kulħadd, b’mod speċjali ta’ dawk l-aktar li jħossuhom midinbin, l-aktar li jħossuhom fil-bżonn. Allura, jekk int tħares lura lejn l-istorja tiegħek u tara l-iżbalji tiegħek, jew tara żbalji ta’ dawk ta’ qablek, agħmel kuraġġ, tiġġudikax lilek innifsek kif jiġġudikawk l-oħrajn, kif b’xorti ħażina aħna niġġudikaw lil xulxin, imma ħares lejk innifsek bl-għajnejn ta’ Ġesù, ta’ Alla, li ma jurux għajr imħabba u ħniena. Ma ninsewx din il-verità tal-bniedem il-ġdid, tal-Għimmanu-El, ta’ ‘Alla magħna’… din il-verità li ħabbret ħafna minn kmieni Marija bit-twelid tagħha.

Il-verità hi li Alla jobogħdu d-dnub, imma jinnamra mal-midneb! Alla jobogħdu d-dnub, imma jħobb bi mħabba tal-ġenn lill-midneb, anzi, nazzarda ngħid li jħobbu iktar lill-midneb milli jħobb lill-bniedem li baqa’ fil-maqjel, bħal dawk id-99 (ara Lq 15:7). Jekk inti ġenitur, meta tifel jew tifla jidhirlek li żgarraw mit-triq, titfa’ iktar l-attenzjoni tiegħek fuqhom. Jekk int, ġenitur, tagħmel dan, taħseb int li l-Missier tagħna tas-Sema ma jippruvax jagħmel kulma jista’ biex jitfa’ l-imħabba kbira tiegħu fuq dawk il-persuni, li forsi aħna bil-moħħ żgħir tagħna niġġudikaw li ħarġu ’l barra mit-triq? Dan ifisser li Ġesù hu verament is-Salvatur tal-istorja tagħna. M’hemm xejn f’ħajtek li għandek tistħi minnu; m’hemm xejn f’ħajtek li għandek tħares lejh bl-ikrah; m’hemm l-ebda persunaġġ tal-istorja tiegħek li ma jidħolx fil-pjan tas-salvazzjoni, u li allura int ma għandekx taċċetta, tħobb, tilqa’. Alla għandu l-kapaċità li anki b’dawk id-dgħufijiet, id-difetti, id-dnubiet tiegħek u tal-bnedmin ta’ qablek, jagħmel il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu.

Għandna msemmijin in-nisa. Rari fil-ġenealoġiji li nsibu fil-kotba tal-Ġenesi u tal-Levitiku, f’kotba oħra tal-Iskrittura, rari li tissemma l-mara. Imma San Mattew idaħħal fil-ġenealoġija ta’ Ġesù erba’ nisa. Marija hija l-ħames waħda. Għal liema raġuni jsemmihom lil dawn in-nisa San Mattew? L-ewwel u qabel kollox, jekk hawn xi ħadd minna jaħseb li l-fidi tagħna ma tirrispettax u ma tistmax lill-mara, ħarsu llum lejn dak li qegħdin nagħmlu: lejn il-Bambina! Araw lil min qegħdin nagħtu l-qima tagħna! Araw lil min aħna nqisu bħala l-bniedma per eċċelenza… jekk hix raġel jew jekk hix mara! Araw għal tant sekli ta’ Kristjaneżmu, tant nies li emmnu u li ġew qabilna, lil min faħħru, lil min ħabbu, u lil min infaħħru u nħobbu aħna! Huwa żball meta ngħidu li l-fidi tagħna ma tirrispettax lid-dinjità tal-mara. Bil-maqlub! U San Mattew proprju ried jenfasizzah dan. In-nisa li jsemmi fl-Evanġelju tiegħu, fil-ġenealoġija li smajna, huma nisa partikolari, li ma jidħlux fin-normalità, li nistgħu nsejħu wħud minnhom midinbin, uħud minnhom barranin, li ma kinux jagħmlu parti mir-razza pura tal-Lhud. Għandna lil Rut il-Mowabita, għandna lil Raħab li kienet minn Ġeriko u ma kinitx parti mill-poplu magħżul ta’ Alla… Imma dawn in-nisa qegħdin hemm, fl-Evanġelju ta’ San Mattew; dawn in-nisa li huma eċċezzjoni, li huma strambi f’din il-ġenealoġija, qegħdin proprju hemm.

Il-valur taż-żewġ sessi

San Mattew irid jurina l-importanza u l-valur kemm tal-mara u kemm tar-raġel. Fil-mentalità Orjentali r-raġel kien dak li jagħti l-identità kemm lit-tifel u kemm lit-tifla, u forsi għadu sal-ġurnata tal-lum. Almenu hekk jgħidulna ħafna mill-psikologi. Dan aħna b’xi mod inħossuh mill-bogħod, billi ħafna drabi t-tfal jieħdu l-kunjom tal-missier u mhux tal-omm; għalkemm illum id-drawwa qed tinbidel, imma għal raġuni oħra. Imma dan il-fatt, li nieħdu l-kunjom tal-missier u mhux tal-omm, ġej mill-fatt iktar profond li l-figura tal-missier, tar-raġel, hija dik li tgħin lit-tifel u lit-tifla jkollhom l-identità tagħhom femminili u maskili.

Qed ngħixu f’soċjetà fejn, kif għidna, irridu nilqgħu, naċċettaw u nħobbu lil kulħadd. Din il-verità l-Papa tennieha kemm-il darba – hawn uħud minnkom iż-żgħażagħ li kienu hemm fil-Portugall għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ – li l-Knisja ta’ Kristu tilqa’ lil kulħadd: ‘todos’. ‘Todos’ mhux tinżel fil-baħar, ‘todos’ tfisser kulħadd. Jien nirrepetiha mal-Papa, nirrepetiha llum f’din il-Festa, fejn Marija fil-ġenealoġija tagħha tiġbor lil kulħadd, lil dawk kollha ta’ qabilha. Ma jistax ikun hemm Knisja jew fidi li hija magħluqa għal xi ħadd. Mela l-persuni ħaqqhom dejjem u kullimkien kull rispett. Imma mbagħad il-fidi tagħna tgħallimna l-mod ta’ kif aħna nistgħu ngħixu l-maskulinità u l-femminilità tagħna. Dan jgħodd għalina li nemmnu. Ma nippretendux, aħna li nemmnu, li niddettaw lil dawk li ma jemmnux x’għandhom u ma għandhomx jagħmlu. Imma għalina li nemmnu, l-orjentamenti, il-pariri u l-ideat tal-Evanġelju huma ċari, mingħajr ma nippretendu li nikkontrollaw jew nobbligaw lil ħaddieħor jagħmel kif irridu jew kif nixtiequ aħna. Imqar jekk nemmnu li dak li jgħid l-Evanġelju huwa l-aħjar għall-bniedem, huwa l-ogħla mod ta’ kif aħna nistgħu ngħixu l-umanità tagħna.

Splużjoni ta’ ħajja u għotja

Allura ma nistgħux illum, f’dan l-Evanġelju li huwa splużjoni kontinwa ta’ ħajja – dak nissel lil dak, imbagħad nissel lil dak –, ma nfaħħrux, ma nkabbrux din l-idea tal-ħajja. Meta aħna mmaqdru l-ħajja, inkunu qed immaqdru lilna nfusna. Meta aħna l-miżżewġin Insara nagħlqu r-relazzjonijiet tagħna għall-ħajja – ‘Le ta, tfal ma rridx’ – inkunu qegħdin niddisprezzaw il-ħajja tagħna, lilna nfusna. Dan l-Evanġelju, splużjoni ta’ ħajja, ma nistgħux aħna ma nħalluhx idawwal il-ħajja tagħna, aħna li ngħidu li nissejħu Nsara.

Imma l-Evanġelju, li huwa l-aħjar mod ta’ kif għandu jgħix il-bniedem, jurina wkoll kif aħna nistgħu ngħixu s-sesswalità tagħna bl-aħjar mod. Kif inkunu realizzati sesswalment, almenu aħna li nemmnu fl-Evanġelju, meta nużaw din il-kapaċità sabiħa li tana Alla? Tant hi sabiħa din il-kapaċità, li forsi għal tant żmien aħna qisnieha bħala tabù, bħala xi ħaġa kerha. Tant hi sabiħa li fil-Ktieb tal-Ġenesi, meta Alla ġie biex joħloq lill-bniedem, qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna” (1:26). Għamlu fuq xbieha tiegħu, raġel u mara, bis-sesswalità tagħhom, maskili u femminili. Dik l-unjoni bejn ir-raġel u l-mara, dik l-imħabba u qawwa vera li toħroġ minn din l-unjoni, Alla riedha tkun ritratt u xbieha tiegħu nnifsu. Araw il-kobor u s-sbuħija tas-sesswalità! Altru li s-sesswalità għalina mhux tabù. Imma Ġesù Kristu lilna lkoll jgħallimna li din il-kapaċità tagħna, dan ir-rigal li tana Alla, irridu kemm jista’ jkun inħaddmuh biex inħobbu lill-oħrajn tassew. Issa din hija biċċa xogħol diffiċli, dan huwa impenn diffiċli. Għax aħna ħafna drabi nħaddmu din il-kapaċità tagħna mhux biex inħobbu lill-ieħor jew lill-oħra, imma biex inħobbu lilna nfusna. Qed nitkellem għalina, aħna l-Insara, aħna li għandna dawn il-valuri.

Allura l-Aħbar it-tajba llum għalina trid tkun li kemm jista’ jkun inħaddmu din il-kapaċità li Alla tana, f’din id-dinja li qed tagħtina messaġġi totalment opposti u kuntrarji dwar is-sess u dwar is-sesswalità. L-istedina tiegħi, ma’ dik ta’ Ġesù, tkun biex aħna kemm jista’ jkun nitħabtu, nistinkaw, niġġieldu – il-ħajja tal-Kristjan mhix ħajja sempliċi jew faċli – biex is-sesswalità tagħna ngħixuha bħala sinjal, bħala lingwaġġ, bħala komunikazzjoni ta’ mħabba vera lejn il-persuna l-oħra. Mhux infittex lili nnifsi, imma nfittex li nqiegħed sewwa l-persuna l-oħra, li nħobb lill-persuna l-oħra, li nagħti lili nnifsi kollni kemm jien lill-persuna l-oħra.

Ħafna drabi liż-żgħażagħ tagħna, meta jiġu biex jiżżewġu, aħna stess ‘tal-Knisja’ nibdew ngħidulhom: ‘Isma’, żomm il-kontijiet ta! Għax ma tafx x’se jiġri! Tiegħek għalihom u tagħha għalihom. Ara ma jfettillekx dik il-biċċa art tiktibha fuqha wkoll! Anzi, iktibha qabel ma tiżżewweġ, ħalli tibqa’ tiegħek, u tkun tiegħek’. Jien inħobb ngħidilhom hekk lill-għarajjes, u se ngħidha hawn lilkom, ħafna minnkom ġenituri ta’ għarajjes: ‘Jien kapaċi nagħtik ġismi u ngħidlek: “Ħu u agħmel li trid bih ġismi fiż-żwieġ”, imbagħad mhux kapaċi nagħtik flusi’. Mela flusi iktar importanti minn ġismi? Flusi għandhom iktar valur mill-persuna tiegħi? Araw l-Evanġelju kemm jeħlisna u jagħtina l-libertà ta’ veru, kemm jgħinna nirraġunaw ta’ bnedmin ta’ veru!

Bir-raġun allura llum niċċelebraw din is-Solennità ta’ Marija Bambina, għax hi bħal dak is-sebħ, bħax-xemx tielgħa, bħal dak id-dawl f’nofs ta’ lejl, li bil-mod il-mod jibda jiddi u jgħinek tara madwarek. Hekk għamlet Marija Bambina, hi li ġiet qabel il-Mulej Ġesù biex turina u tagħtina verament lill-Awtur tal-ħajja, lil dak li hu s-Salvazzjoni tagħna, lil dak li lili u lilek jgħinna ngħixu ta’ bnedmin maturi. Dan Ġesù qiegħed hawn f’nofsna dalgħodu fil-komunità; kien hawn f’nofsna permezz tal-Kelma tiegħu, u se jkun hawn f’nofsna permezz tal-Ewkaristija. Ejjew nagħmlu l-esperjenza ta’ Marija, li kienet tqila bih għal disa’ xhur. Ejjew aħna wkoll inħossu u nagħmlu l-esperjenza ta’ din it-tqala, billi nixtiquh tassew, mhux biss biex nitqarbnu, imma nixtiquh tassew li jsir parti mill-ħajja tagħna, li hu jkun kollox għalina, li aħna nidħlu fih u hu jidħol fina, u li xi darba nippruvaw inlissnu, anki jekk mill-bogħod, dik l-espressjoni ta’ Pawlu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda Kristu li jgħix fija” (Gal 2:20).

Leave a Reply

%d bloggers like this: