Jekk mhux mill-bieb nidħlu mit-tieqa. Kitba ta’ Dun Frans Bonnici
Fl-4 ta’ Ottubru 2023 beda is-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan. Konna ilna sentejn jew aktar nisimgħu bih.

Din hija is-Sittax l-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu fuq is-suġġett Sinodalità.
Il-Papa Franġisku fetaħ is-Sinodu l-Erbgħa, 4 ta’ Ottubru 2023 b’quddiesa fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan.
Il-perijodu tas-Sinodu huwa ta’ erba’ ġimghat u jispiċċa fid-29 ta’ Ottubru 2023. Imbagħad ikompli fl-2024.
L-istorja riċenti tas-sinodu tmur lura fi żmien San Pawlu VI u baqa’ jiltaqa’ regolarment sal-lum.
Avveniment f’ħajti li ma ninsieh qatt huwa meta fl-1990 is-Segretarju tas-Sinodu il-Kardinal Jan Pieter Schotte sejjaħli biex nieħu sehem bħala Uditur tas-Sinodu li kien se jiddiskuti is-suġġett tal-Formazzjoni tas-Saċerdoti u stedinni biex fl-4 ta’ Ottubru tal-1990 nagħmel diskors fuq il-pastorali tal-vokazzjonijet saċerdotali f’Malta.
Għalhekk meta jiena naqra fil-Vatikan News ċerti ismijiet kemm ta’ organizzazzjoni u wkoll ta’ persunaġġi li għandhom x’jaqsmu mas-Sinodu, il-fantasija tiegħi timraħ mill-ġdid fuq dak l-avveniment.
Pereżempju il-laqgħa tal-Isqfijiet kollha flimkien waqt is-Sinodu tissejjaħ: Kongregazzjoni Ġenerali: l-Isqfijiet u parteċipanti kemm saċerdoti kif ukoll lajċi jiltaqgħu kollha f’sala waħda. Din id-darba, għall-ewwel darba, il-Kongregazzjoni Ġenerali ltaqgħet fis-Sala San Pawlu VI u mhux fl-Awla tas-Sinodu. U flok kulħadd iħares lejn il-mejda tal-Presidenza, kulħadd kien madwar mwejjed tondi, kif jidher ir-ritratt.
Din il-laqgħa kienet indirizzata mill-Papa li qal li l-Protagonista tas-Sinodu huwa l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jrid li s-sinodalità tidħol fil-ħajja tal-Knisja.
Indirizzaha s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, il-Kardinal Mario Grech li qal li dan is-Sinodu beda b’xi diffikulatjiet li huma stess għenu biex il-Knisja timxi ‘l quddiem, tikber fil-ħeġġa u teduka fl-esperjenza sinodali billi nimxu flimkien.
Tkellem ukoll il-Kardinal Jean-Claude Hollerich li huwa r-Relatur Ġenerali tas-Sinodu. Huwa spjega ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar tliet snin fi proċess sinodali li nedhieh il-Papa Franġisku fl-2021. Minn dakinhar bdew jiċċaqalqu l-insara tal-komunitajiet fil-parroċċi fid-djoċesijiet tad-dinja kollha, jagħmlu esperjenza ta’ sinodalità sakemm illum u kulħadd għandu f’idejh l-Instrumentum Laboris jew “working document” li hu ispirazzjoni għall-parteċipnati tas-Sinodu f’dawn il-ġranet.
Indirizza l-Kongregazzjoni Ġenerali il-President Delegat, il-Patriarka Ibrahim Isaac Sidrak tal-Knisja Kopta Kattolika ta’ Alexandria, fl-Eġittu li tkellem fuq Alla li juri imħabbtu fil-Knisja. Din hija ċ-ċentralità u l-qalba tas-sinodiltà.
Il-parteċipanti fis-Sondu, Isqfijiet u parteċipanti, saċerdoti u lajċi, jitkellmu kulħadd min imissu kemm fil-Kongregazzjonijiet Ġenerali kif ukoll fi-Circuli minores li huma grupp żgħar.