Kristu huwa l-Ġublew tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Hemm bżonn nistennew l-2025 biex niċċelebraw il-Ġublew?

“Ġublew kuljum! Tħalli lil Ġesù jimxi miegħek. Tistiednu jkun il-kumpann ta’ kuljum.”  Hekk kitbitli persuna, bi tweġiba għal waħda mill-emails tiegħi dwar il-ġublew.

Dak il-ħin għadda dal-ħsieb minn moħħi, “Jekk dak li kitbitli huwa minnu, allura hemm għalfejn nistennew l-2025 biex nibdew niċċelebraw il-ġublew?”

Forsi ma kienx ġublew għal Indri u sieħbu, dakinhar li huma t-tnejn imxew wara dak li l-għammiedi kien uriehulhom bħala l-Ħaruf, biex imbagħad saħansitra daħlu għandu u baqgħu miegħu? (ara  Ġw 1:29-34)

Forsi ma kienx ġublew għal Levi, il-mument li minn wara l-mejda tat-taxxi fejn kien jahdem, wasal f’widnejh dak il-lehen li stiednu, “Int, ejja warajja.”! (ara  Lq 5:27-32

Forsi ma kienx ġublew għax-xwejjah Nikodemu l-lejl li fih mar għand Ġesù u dakinhar skopra lil dak li waħdu biss setgħa jwelldu mill-gdid! (ara  Ġw 3:1-21)

Forsi ma kienetx ġublew għall-mara mis-Sammarija, id-diskursata li kellha maġenb il-bir ta’ Ġakobb, mnejn mimlija ferħ telqet twassal ma’ niesha l-aħbar it-tajba tal-laqgħa li kellha! (ara  Ġw 4:4-30, 39-42)

Forsi ma kienx ġublew għal Marta u oħtha Marija dakinhar li laqgħu f’darhom lil Ġesù ta’ Nazaret u lid-dixxipli li kienu miegħu! (ara  Lq 10:38-42)

Forsi ma kienetx ġublew għall-pubblikan Żakkew, il-festa li għamel f’daru għar-Rabbi ta’ Nazaret u li għaliha stieden ukoll lil ħbiebu kollha! (ara  Lq 19:1-10)

Forsi ma kienetx ġublew għal Marija ta’ Magdala, il-laqgħa li kellha mal-ġardinar, meta hija ntebħet li dak li kien mejjet, issa rxoxta! (ara  Lq 24:1-12)

Forsi ma kienetx ġublew il-mixja li ż-żewg dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws kellhom ma’ dak il-barrani, u li wara li huma stednuh jidħol f’darhom, għarfuh huma u jaqsmu ħobżhom miegħu!

U allura l-ġublew li elfejn sena ilu, dawn il-personaġġi kellhom fil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, ma jistax illum stess isir tiegħi ukoll?  Forsi hemm bżonn nistenna l-2025? 

Għal aktar għajnuna tista’ tfittex filp-paġna tal-Lectio Divina li hemm fil-Laikos …    https://www.laikos.org/ld/

%d