Il-Papa fuq il-gwerra tal-Art Imqaddsa: Mingħajr żewġ stati, l-paċi ver se tibqa’ mbiegħda

“Kien hemm il-ftehim ta’ Oslo – tant ċar – bis-soluzzjoni taż-żewġ stati. Sakemm jiġi applikat dak il-ftehim, il-paċi vera se tibqa’ mbiegħda”. Dan hu l-ġudizzju tal-Papa Franġisku dwar dak li qed iseħħ fl-Art Imqaddsa, wara l-attakki tal-Ħamas u l-gwerra li qed teqred l-ibliet fil-Medda ta’ Gaża. Il-Papa qasam il-ħsibijiet tiegħu ma’ Domenico Agasso, ġurnalist iffukat fuq il-Vatikan għall-gazzetta Taljana, ‘La Stampa’, li ġiet ippubblikata nhar it-Tnejn.

Meta jitkellem dwar il-ħafna kunflitti li għaddejjin, il-Papa Franġisku jistieden lil kulħadd biex jitolbu għall-paċi, filwaqt li jesprimi t-twemmin tiegħu li d-djalogu huwa l-unika triq lejn futur paċifiku. Huwa appella lill-partijiet kollha biex “immedjatament iwaqqfu l-bombi u l-missili u jtemmu l-attitudnijiet ostili. Kullimkien”. Il-Papa sejjaħ għal “waqfien mill-ġlied globali”, għax “qegħdin f’xifer l-abbiss”.

Il-Papa spjega l-oppożizzjoni tiegħu biex kull gwerra tiġi definita bħala “ġusta”, huwa jippreferi jgħid li huwa leġittmu li tiddefendi lilek innifsek iżda qal li jeħtieġ li jiġu evitati “gwerer ġustifikati, li dejjem huma żbaljati”. Huwa esprima l-biża’ tiegħu ta’ eskalazzjoni militari madwar il-Lvant Nofsani, iżda qal li għandu tama “għax qed isiru laqgħat kunfidenzjali biex jippruvaw jintlaħħaq ftehim. Tregwa diġà tkun riżultat tajjeb.”

Il-Papa Franġisku ddefenixxa lill-Kardinal Pierbattista Pizzaballa, l-Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm, bħala “figura kruċjali” li qed jipprova jimmedja bl-aħjar mod possibbli. Qal li kuljum qed jitkellem permezz ta’ video call mal-Parroċċa Kattolika tal-Familja Mqaddsa f’Gaża, u żied li “l-liberazzjoni tal-ostaġġi Iżraeljani” hija prijorità.

Dwar l-Ukrajna, l-Papa fakkar fil-kompitu fdat lill-Kardinal Matteo Zuppi, l-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Taljani. “Is-Santa Sede qed tipprova timmedja skambju ta’ priġunieri u r-ritorn taċ-ċivili Ukreni”, qal il-Papa Franġisku. “B’mod partikolari, qed naħdmu mas-Sinjura Maria Lvova-Belova, l-Kummissarju Russa għad-drittijiet tat-tfal, għar-ripatrijazzjoni ta’ tfal Ukreni meħuda bil-forza lejn ir-Russja. Xi wħud diġà rritornaw lejn il-familji tagħhom.”

Fl-intervista, l-Papa Franġisku fakkar li “Kristu jsejjaħ lil kulħadd interjorament”, b’referenza għad-Dikjarazzjoni ‘Fiducia supplicans’ li tippermetti t-tberik ta’ persuni f’koppji irregolari jew tal-istess sess. “L-Evanġelju għandu jqaddes lil kulħadd,” qal. “Naturalment, irid ikun hemm rieda tajba. U jeħtieġ li nagħtu struzzjonijiet preċiżi dwar il-ħajja Nisranija (nenfasizza li mhix l-għaqda li hi mbierka, iżda l-persuni). Imma aħna lkoll midinbin: għaliex għandna nagħmlu lista ta’ midinbin li jistgħu jidħlu fil-Knisja u lista ta’ midinbin li ma jistgħux ikunu fil-Knisja? Dan mhux l-Evanġelju.”

Dwar il-kritika tad-dokument, il-Papa nnota li “dawk li pprotestaw bil-qawwa jappartjenu għal gruppi ideoloġiċi żgħar”. Huwa ddeskriva l-Knisja fl-Afrika bħala “każ speċjali”, peress li “għalihom, l-omosesswalità hija xi ħaġa ‘kerha’ mil-lat kulturali; ma jittollerawhiex.” Madankollu, żied jgħid, “Jiena nafda li bil-mod il-mod kulħadd iserraħ rasu dwar l-ispirtu tad-dikjarazzjoni,” li “għandha l-għan li tinkludi, mhux tifred. Tistedinna nilqgħu u mbagħad nafdaw lin-nies, u nafdaw f’Alla.”

Il-Papa Franġisku ammetta li kultant iħossu waħdu, “imma xorta dejjem nistinka ‘l quddiem, jum wara l-ieħor,” żied jgħid li ma jibżax mix-xiżmi. “Fil-Knisja, dejjem kien hemm gruppi żgħar li juru riflessjonijiet ta’ natura xiżmatika. Wieħed irid iħallihom ikomplu u jgħaddu… u jħares il-quddiem.”      

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/pope-francis-interview-la-stampa-israel-hamas-war-two-states.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading