Il-Papa jfakkar fil-qagħda mwiegħra tar-Rohingya, u jappella għall-paċi hekk kif il-gwerer qed jikbru

“Ejjew ma ninsewx il-gwerer. Ejjew ma ninsewx l-martri Ukrajna, l-Palestina, l-Iżrael, ir-Rohingya u l-ħafna u ħafna gwerer mxerrdin ma kullimkien. Ejjew nitolbu għall-paċi”. B’dan il-kliem, il-Papa Franġisku għamel l-aħħar appell tiegħu waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa. “Il-gwerra”, saħaq, “hija dejjem telfa, dejjem. Ejjew nitolbu għall-paċi. Għandna bżonn il-paċi.”

Il-Papa Franġisku, li żar il-Myanmar kif ukoll il-Bangladesh fl-2017, semma leħnu kemm-il darba kontra t-tbatija tar-refuġjati Rohingya. R-Rohingya, li ilhom mċaħda miċ-ċittadinanza fil-Myanmar mill-1982, u ġew deskritti bħala waħda mill-minoranzi l-aktar ppersegwitati fid-dinja, u tul bosta deċennji ħarbu lejn pajjiżi ġirien jew bl-art jew bid-dgħajjes. Il-kolp ta’ stat militari fil-Myanmar li sar fit-2 ta’ Frar 2021 kompla żied il-vulnerabbiltà tagħhom.

Il-Papa Franġisku qal, “Għal tliet snin issa l-għajjat tal-uġigħ u l-ħoss tal-armi ħadu post it-tbissima li tikkaratterizza lill-poplu tal-Myanmar.” Hu qed isemma leħnu ma’ dak tal-Isqfijiet Burmiżi u jitlob biex “l-armi tal-qerda jinbidlu fi sturmenti biex jikbru fl-umanità u l-ġustizzja”. Filwaqt li l-Papa rrikonoxxa li l-paċi hija vjaġġ, stieden lill-partijiet kollha nvoluti “biex jagħmlu l-pass ta’ djalogu u jilbsu lilhom infushom b’fehim, ħalli l-art tal-Myanmar tilħaq l-għan ta’ rikonċiljazzjoni fraterna”. Il-Papa talab:

“Ħallu l-għajnuna umanitarja titħalla tgħaddi biex tiżguraw l-ħtiġijiet ta’ kull persuna”.

Il-ġlied fil-Myanmar kontra l-gvern militari li ħataf il-poter tliet snin ilu kiber sal-punt li ħafna jgħidu li l-pajjiż jinsab fi gwerra ċivili.    

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?