Il-Papa Franġisku se jippresiedi ‘l-24 Siegħa għall-Mulej’

Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Marzu, l-Papa Franġisku se jiftaħ il-ħdax-il edizzjoni tal-inizjattiva tar-Randan ‘24 Siegħa għall-Mulej’. Skont stqarrija maħruġa mid-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, din is-sena se ssir fil-parroċċa Rumana ta’ San Piju V, mhux ‘il bogħod mill-Vatikan, u tibda fl-4.30pm.

Din qed tiġi osservata kull sena fid-djoċesijiet madwar id-dinja, u ssir lejlet ir-raba’ Ħadd tar-Randan, fejn tkun iddedikata għat-talb u r-rikonċiljazzjoni. Din kienet ġiet inawgurata mill-Papa Franġisku fil-bidu tal-pontifikat tiegħu. Din is-sena it-tema għall-avveniment hija “Mexxina f’Ħajja Ġdida”, meħuda mill-Ittra lir-Rumani, kapitlu 6. Il-fidili li jixtiequ jirċievu s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni se jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan, bil-Papa Franġisku nnifsu jisma’ l-qrar ta’ diversi penitenti.

Bi tħejjija għall-Għid, il-Ġimgħa filgħaxija u matul il-ġurnata tas-Sibt, il-komunitajiet ekkleżjali huma mħeġġa jipprovdu ftuħ straordinarju tal-knejjes, sabiex joffru lill-fidili l-opportunità li jersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar u jieqfu fl-adorazzjoni f’kull ħin. Mis-sena l-oħra, l-Qdusija Tiegħu, ddeċieda li jippresiedi l-’24 Siegħa għall-Mulej’ fi knisja differenti fi ħdan il-kapitali Rumana, sabiex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-parroċċa.

Id-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni jħeġġeġ id-djoċesijiet u l-parroċċi kollha, fl-Italja u madwar id-dinja, biex jiċċelebraw il-mument tat-talb u ta’ maħfra fil-komunità tiegħu stess. Bi tħejjija għall-avveniment, li din is-sena jaqa’ waqt is-Sena ta’ Talb, li l-Papa ddikjara dan l-aħħar, id-Dikasteru għamel disponibbli għajnuniet pastorali biex jgħinu fit-talb personali u ċ-ċelebrazzjonijiet komunitarji.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2024-03/vatican-releases-details-on-upcoming-24-hours-for-the-lord.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading