Imħabba li ma tistħoqqilniex

Il-Ħadd, 24 ta’ Marzu 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

San Mark, li qrajna l-Vanġelu minnu (Mk 14:1–15:47), huwa l-ewwel wieħed li kiteb fost l-evanġelisti. Allura aktarx li din is-silta li smajna kienet waħda mill-ewwel biċċiet tal-Vanġelu li nkitbet, qabel Mattew, Mark u l-bqija.

Kieku jkollna nirriflettu ftit, ninnutaw xi ħaġa stramba tassew li jrid jgħid San Mark lill-komunità tiegħu ħafna snin ilu, u lilna: dawk li kienu qrib ta’ Ġesù, li suppost kienu ħbieb intimi miegħu, li suppost baqgħu warajh u jaraw li ma jiġrilu xejn… dawn kollha telqu! Mhux talli telqu, talli Ġuda biegħu u Pietru qal li ma jafux. U allura nistaqsu: Min kien miegħu? Din iġġagħalna nirriflettu ħafna għax aħna, xi ftit jew wisq, inħossuna ftit qrib ta’ Ġesù… forsi l-knisja, il-katekiżmu, id-duttrina…

Min kien qrib tiegħu? Raġel, Xmun minn Ċirene, li ġie mġiegħel jerfa’ s-salib, li qatt ma kien iltaqa’ miegħu qabel! Kien jismu Xmun bħal Xmun Pietru, imma Pietru dabbar, u l-ieħor, li “ġie mġiegħel”, jgħidilna l-Vanġelu, refa’ s-salib ma’ u ta’ Ġesù, mexa miegħu. Ġesù kien qal: “Min irid ikun dixxiplu tiegħi, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (ara Mk 8:34). Jiġifieri Xmun minn Ċirene, mingħajr ma jaf, kien veru dixxiplu ta’ Ġesù.

Min kien iktar qrib tiegħu? Iż-żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Iċ-ċenturjun, bniedem pagan li qatt ma kien iltaqa’ miegħu, tant li fl-aħħar jgħid: “Dan kien tassew l-Iben ta’ Alla”, u allura jagħmel stqarrija kbira ta’ fidi. Ġużeppi ta’ Arimatija, membru tal-Kunsill, li qabel kienu kollha kontra tiegħu.

Dan iġagħalna nirriflettu ħafna, għax jista’ jkollna l-idea, forsi żbaljata, aħna l-qassisin l-ewwel, li aħna qrib tiegħu, qaqoċċa miegħu. U jekk aħna qrib tiegħu qaqoċċa, wisq probabbli ħa nagħmlu bħal Pietru, Ġuda, u l-għaxra l-oħra. Jekk aħna mingħalina li aħna qrib tiegħu, xħin niġu għad-deċiżjoni, indabbru. L-għaxra l-oħra kollha ħarbu!

Allura jien nixtieq li verament ilkoll kemm aħna, illum, dan il-Vanġelu hekk qawwi li għadna kif qrajna, aktarx l-ewwel silta li nkitbet u li tikxef din ir-realtà kollha, inħalluh iġibna f’sikitna. Ma nimliex rasi li jien ġust u tajjeb, għax inkella Ġesù jkun miet fuq is-salib għalxejn, għax jien inkun tlaqt u ħrabt xi mkien. Imma jekk jien inħossni veru mbiegħed, nibda niskopri u napprezza, u nkun sorpriż min hu dan Ġesù li lili jħobbni mhux għax jien inħobbu jew għax nimxi warajh, imma għax jien imbiegħed, mitluf u jridni fuq spallejh bħal dik il-ħarufa li fittex u ġera ’l hawn u ’l hemm biex sabha… u meta sabha għamel festa mal-ħbieb tiegħu (ara Lq 15:6).

Il-Mulej jagħtina li matul din il-Ġimgħa Mqaddsa ngawdu l-imħabba b’xejn ta’ Ġesù proprju għax aħna, jien l-ewwel wieħed, ma jistħoqqilniex.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading