X’inhu (u x’mhuwiex) Sinodu?
Sinodu huwa meta dawk li jemmnu jinġabru flimkien sabiex jisimgħu dak li l-Ispirtu s-Santu qed jgħid lill-Knisja, sabiex hi tkun u tagħmel dak li qed jitlobha. Dawk miġbura jistgħu jkunu rgħajja mal-lajċi, isqfijiet ma’ ministri oħra li huma ordnati, il-Papa mal-isqfijiet, eċċ.
Il-Papa Franġisku jsejjaħlu “eżerċizzju fejn nisimgħu lil xulxin, mifrux fuq il-livelli kollha tal-Knisja u li jinvolvi lill-Poplu kollu ta’ Alla.” (Papa Franġisku, 18 ta’ Settembru 2021). Dan jinkludi li wieħed jiltaqa’, jisma’ u jiddixxerni.
Is-Sinodi ħadu ħafna forom fl-istorja tal-knisja u bħalissa huma pprattikati fil-livelli kollha tal-Knisja: ibda mil-laqgħat tal-Kunsill Pastorali parrokkjali sas-Sinodi Djoċesani, mill-Kunsilli Provinċjali sal-Konċilji Plenarji, mill-Assemblea sas-Sinodu tal-Isqfijiet u saħansitra sal-Konċilji ekumeniċi li fihom l-Isqfijiet. minn madwar id-dinja jinġabru f’Ruma mal-Papa. Id-drawwa li ninġabru flimkien biex nisimgħu lill-Ispirtu hija drawwa antika daqs il-Knisja nnifisha, kif juri l-“Konċilju” ta’ Ġerusalemm li jissemma’ fl-Atti tal-Appostli kapitlu 15. Metodi tat-tip sinodali (smigħ, djalogu, dixxerniment, deliberazzjoni) dejjem kienu użati fil-monasteri u fid-djar tar-reliġjużi meta jiġu biex jittieħdu deċiżjonijiet. Il-konklavi, meta l-kardinali jiltaqgħu biex jeleġġu l-papa l-ġdid, hija avveniment sinodali.
Il-Papa Franġisku fittex sa mill-bidunett tal-pontifikat tiegħu li jsaħħaħ u jaġġorna s-Sinodu tal-Isqfijiet biex dan isir aktar eżerċizzju ta’ smigħ u ta’ dixxerniment. Sa mill-għażla tiegħu fl-2013, ilu jgħallem lill-Knisja dwar is-sinodalità u jħeġġiġna biex insiru Knisja aktar sinodali f’kull livell. F’diskors importanti fis-17 ta’ Ottubru 2015, huwa qal li t-triq tas-sinodalità hija dik li Alla jistenna mill-Knisja fit-tielet millennju.
Il-kelma sinodu ġejja mill-Grieg synodos, li għandha t-tifsira ġenerali ta’ “mixja flimkien”. Is-sinodu juri l-Knisja bħala poplu pellegrin, li qed jikber u jiżviluppa f’mixja ta’ fidi; u din hija xbieha differenti ħafna minn dik tal-Knisja bħala istituzzjoni statika. Knisja sinodali tesprimi l-viżjoni tal-Konċilju Vatikan II li jara l-Knisja kif għandha tkun: il-Poplu ta’ Alla li fih l-imgħammdin kollha għandhom l-istess dinjità, u li d-distinzjoni essenzjali bejn lajċi, kleru, isqfijiet eċċ. hija differenza ta’ vokazzjoni u rwol, u mhux ta’ superjorità.
X’inhu dan is-sinodu, u għaliex huwa differenti?
Fl-imgħoddi, Sinodu kien jikkonsisti f’laqgħa (imsejħa “Assemblea Ġenerali”) ta’ Isqfijiet f’Ruma. Dan is-Sinodu jikkonsisti fil-proċess sħiħ tas-sinodu, li jibda bil-konsultazzjoni dinjija tal-insara kollha, ikun hemm Assemblea Ġenerali tal-Isqfijiet f’Ruma, u jispiċċa billi l-Poplu ta’ Alla fil-Knejjes lokali jirċievi l-frott tal-proċess kollu ta’ dixxerniment.
Għalkemm is-sinodi ta’ qabel bdew ukoll b’konsultazzjonijiet wiesgħa f’forma ta’ kwestjonarji, din hija l-ewwel darba li kulħadd ġie mitlub direttament jimpenja ruħu f’eżerċizzju ta’ smigħ fil-livell ta’ parroċċi u djoċesijiet.
Min jista’ jieħu sehem f’dan is-Sinodu?
Il-Papa Franġisku saħaq f’diversi okkażjonijiet fuq il-ħtieġa li s-Sinodu jinvolvi lil kulħadd, u li jilħaq kemm jista’ jkun nies. “Kulħadd għandu sehem x’jaqdi; ħadd mhu żejjed… Is-Sinodu huwa għal kulħadd, u huwa maħsub li jinkludi lil kulħadd… Jallla jkun hemm kulħadd… l-Ispirtu s-Santu għandu bżonnna. Nisimgħu lilu billi nisimgħu lil xulxin. Tħallu lil ħadd barra.” (Papa Franġisku, 18 ta’ Settembru 2021).
Huwa jisħaq fuq “l-involviment veru min-naħa ta’ kulħadd” u “li naġixxu b’mod li jkun hemm parteċipazzjoni vera…. Li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa huwa dmir essenzjali tal-Knisja! L-imgħammdin kollha, għax il-magħmudija hija l-karta tal-identità tagħna.” (Papa Franġisku, 9 ta’ Ottubru 2021).
L-imgħammdin kollha huma mistiedna b’mod espliċitu biex jieħdu sehem speċjalment fil-komunitajiet lokali tagħhom u ħadd ma għandu jitħalla barra. Id-Dokument Preparatorju u l-Vademecum saħqu wkoll fuq l-importanza li nilħqu lill-fqar, lil dawk li għandhom inqas vuċi. Dan jgħodd ukoll għall-parroċċi, li jridu jiżguraw li dawk in-nies li normalment ma jattendux għal-laqgħat ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom.
Minħabba li dan il-mod mhuwiex il-mod kif soltu taħdem il-Knisja, il-Papa Franġisku huwa ċar ħafna billi jgħid li dan jinvolvi bidla jew konverżjoni. “F’dan ir-rigward, għamilna xi passi ʼl quddiem, iżda għad fadal ċerta diffikultà u rridu nirrikonoxxu l-frustrazzjoni u n-nuqqas ta’ sabar li jħossu ħafna operaturi pastorali, membri ta’ korpi konsultattivi djoċesani u parrokkjali u nisa, li spiss jibqgħu fil-ġenb.” (Papa Franġisku, 9 Ottubru 2021)
Il-klerikaliżmu joħloq xkiel għall-parteċipazzjoni; meta jkun hemm attitudni ta’ riġidità u ta’ superjorità, din iżżommna lura milli nagħrfu l-missjoni ta’ kull wieħed mill-imgħammdin fil-Knisja. “Waħda mill-mardiet tal-Knisja, anzi perverżjoni, hija l-klerikaliżmu li jifred lis-saċerdoti u lill-isqfijiet min-nies, u jibdew iħossu li huma uffiċjali, u mhux rgħajja. Ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni f’isem Alla. Id-diskriminazzjoni hija dnub fostna wkoll, kull meta nibdew ngħidu: “Aħna safja, aħna l-magħżulin, aħna ta’ dan il-moviment li jaf kollox, aħna…” Le! Aħna l-Knisja, ilkoll flimkien.” (Papa Franġisku, 18 Settembru 2021).
X’inhija sinodalità?
Is-sinodalità hija stil, kultura, mod ta’ kif taħsibha u ta’ kif tgħix, li tirrifletti l-verità li l-Knisja hija mmexxija mill-Ispirtu s-Santu li jippermetti lil kulħadd joffri l-kontribut tiegħu għall-ħajja tal-Knisja. Dan il-proċess tas-sinodu jfittex li “jsaħħaħ il-kooperazzjoni” fl-oqsma kollha tal-missjoni tal-Knisja, biex isaħħaħ il-komunjoni, il-parteċipazzjoni u l-missjoni.
Filwaqt li “s-sinodalità hija espressjoni tan-natura tal-Knisja, tal-forma, tal-istil u tal-missjoni tagħha” il-Knisja fi żmienna hija mhix imdorrija tipprattika s-sinodalità. Dan hu li l-Papa Franġisku jistedinna neżaminaw u niddixxernu għall-futur.
Is-sinodalità tintwera wkoll fl-istil sinodali ta’ kif titmexxa, li fih in-nies jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jaqsmu r-responsabbiltà tal-missjoni tal-Knisja, u jikkooperaw u jikkollaboraw aktar fil-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja. Xi wħud isejħu din “ko-responsabbiltà”. Il-Knisja la hija monarkija u lanqas demokrazija. Il-Papa Franġisku għamilha ċara li s-sinodu mhuwiex parlament, jew konvenzjoni, jew tip ta’ stħarriġ biex naraw x’jaħsbu n-nies. Għalkemm għandu ħafna elementi familjari għal proċessi politiċi – nisimgħu, nitkellmu u nivvutaw – dak li jagħmel is-Sinodu differenti huwa li huwa l-proċess spiritwali li jseħħ fi ħdan il-Knisja. “Is-Sinodu huwa ġrajja ekkleżjali u l-protagonist tiegħu huwa l-Ispirtu s-Santu. Jekk l-Ispirtu ma jkunx preżenti, ma jkunx hemm Sinodu” (Papa Franġisku, 9 Ottubru 2021).
Xi jfisser li nsiru Knisja sinodali?
“Li nsiru Knisja Sinodali jfisser li nkunu Knisja li hija sagrament tal-wegħda ta’ Ġesù, li l-Ispirtu se jkun dejjem magħna” (Papa Franġisku 18 Settembru 2021).
Li nsiru Knisja aktar sinodali hija bidla li tippermetti lill-Knisja ssir aktar tassew dik li hi. Għall-Papa Franġisku jidher ċar li din il-bidla tinvolvi konverżjoni tal-mentalità u tal-kultura, iżda li se tirriżulta wkoll f’bidla strutturali. Jitkellem dwar “li nimxu mhux okkażjonalment imma b’mod strutturat lejn Knisja sinodali, pjazza miftuħa fejn kulħadd jista’ jħossu f’daru u jieħu sehem. (Papa Franġisku, 9 Ottubru 2021).
Il-Papa jiddeskrivi din li nsiru iktar Knisja sinodali bħala okkażjoni tajba sabiex insiru “Knisja li tisma’” u Knisja “li tkun qrib, li tagħder u li tħobb bi mħabba tenera” li tirrifletti aħjar l-“istil ta’ Alla”. (Papa Franġisku, 9 Ottubru 2021).
Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes
Aktar dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet …
CONTACT
Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu
Via della Conciliazione 34
00120 Città del Vaticano
Tel. (+39) 06 698 84821 / 84324
synodus@synod.va
MEDIA ROOM
media@synod.va
NEWSLETTER
Copyright © 2021 – 2024 Synodus Episcoporum – All rights reserved.
