L-atteġġjamenti ta’ Malta ta’ Pawlu

Il-Ħadd, 26 ta’ Mejju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Tuema fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa u l-Festa Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu. Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, Munxar.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Tuema

Inġbarna flimkien dalgħodu biex niċċelebraw il-magħmudija ta’ Malta: Malta li tegħreq fit-Trinità. Hekk tfisser magħmudija: li tgħerreq, li tgħammad, li tniżżel għalkollox f’xi ħaġa. U aħna l-ewwel eżempju li jiġina f’moħħna hu li tinżel fil-baħar, tegħreq fl-ilma. Fil-fatt il-Magħmudija nagħmluha bis-sinjal tal-ilma. Qegħdin niċċelebraw ukoll il-Festa solenni tat-Trinità Qaddisa. Allura dalgħodu tiġi weħidha l-mistoqsija li rridu nagħmlu lil kull wieħed u lil kull waħda minna: Kemm aħna tassew mgħarrqin fit-Trinità? Xi jfisser tinżel, tegħreq fil-baħar tat-Trinità? Xi tfisser għalina l-fidi f’Alla Wieħed fi Tliet Persuni?

Meta ġie fostna San Pawl ġab din l-aħbar hekk sabiħa u kbira li suppost tbiddlilna l-ħajja tagħna ta’ taħt fuq, ħafna għall-aħjar, u tagħmilhielna wisq aktar mimlija bil-ferħ, bil-pożittività, bl-ottimiżmu. Għax aħna suppost mgħarrqin f’dan Alla tagħna, l-ewwel u qabel kollox fil-Festa tal-lum tal-miġja ta’ Pawlu f’nofsna bin-Nawfraġju tiegħu, imma wkoll permezz tal-Magħmudija li rċevejna meta konna żgħar. Allura fiex aħna mgħarrqin? X’inhu dan l-ilma jew dan il-baħar li aħna mgħaddsin fih? Min hu dan Alla tagħna? Dan Alla tagħna Trinità huwa l-Imħabba.

Iżda dan mhux dejjem ikun faċli nifhmuh jew inħossuh. Imma kieku jkollna nħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna, nindunaw kif kollox hu marbut ma’ kollox. Il-pjanti, iż-żrieragħ u l-frott tagħna marbuta max-xemx, mal-arja, mal-ħamrija, max-xita. Kollox marbut ma’ kollox. Dan hu mod ieħor kif ngħidu li hemm l-imħabba f’kollox. L-imħabba hija r-rabta bejn kollox. Araw kif taħdem is-sistema ta’ ġisimna: kollox marbut ma’ kollox. Araw kif aħna marbutin anki flimkien. Ma nistgħux ngħixu weħidna – wieħed bilfors marbut mal-ieħor. Irridu u ma rridux, aħna mgħaddsin ilkoll flimkien f’dan l-univers, f’din id-dinja li qegħdin ngħixu fiha, u kollox hu marbut ma’ kollox. Fi kliem ieħor din hi l-imħabba: mod kif ħaġa tkun marbuta mal-oħra, b’xewqat sbieħ u pożittivi bejniethom, b’xewqa għall-aħjar tal-ieħor jew tal-oħra bejnietna.

Din hi t-Trinità li aħna mgħarrqin fiha. Mhix fantasija, mhix xi qlajja’ ta’ San Pawl li ġabilna hawn meta ġie f’nofsna, imma huwa mod ta’ kif naqraw ir-realtà li ngħixu fiha: kollox marbut ma’ kollox. Fi kliem ieħor, aħna ngħixu fl-Imħabba. Forsi ma aħniex konxji għax ma nafux nirriflettu, imma aħna ngħixu fl-Imħabba bħalma l-ħuta tgħix ġol-ilma, u ma tistax tgħix mingħajr ma tkun fl-ilma. Hekk ukoll kull wieħed u waħda minna ngħixu fl-Imħabba, fit-Trinità. Din hi l-Magħmudija li ġabilna Pawlu. Dan hu dak li għalih qiegħed isejħilna Pawlu llum.

Nixtieq nieqfu nirriflettu ftit fuq l-attitudnijiet tal-Maltin meta laqgħu din il-grazzja kbira. L-ewwel u qabel kollox tajjeb li nifhmu li din l-istorja tal-Atti tal-Appostli mimlija simboliżmi. Jiġifieri mhux biżżejjed li nifhmuha kif inhi, għax hemm wisq aktar minn dak li aħna nisimgħu u nifhmu kif naqrawha l-ewwel darba. Il-maltemp, l-erbatax-il ġurnata – in-numru erbatax fl-Iskrittura hu importanti għax hu sebgħa għal tnejn, mhux sebgħa għal tlieta li hi l-perfezzjoni, imma sebgħa għal tnejn, jiġifieri erbatax. Hu sinjal tal-ħajja li aħna ngħixu: sinjal tat-taqlib, tat-taħbit, tal-inkwiet, tal-problemi, tad-dlam li kull wieħed u kull waħda minna ngħixu fil-ħajja tagħna.

Dak il-ħobż li jaqsam San Pawl fuq id-dgħajsa, u li jqassam lil dawk li kien hemm fuq il-ġifen, hu sinjal tal-Ewkaristija li aħna niċċelebraw. Imma biex dak l-ikel niggustawh, irridu nkun rmejna kollox. Irridu npoġġu l-Ewkaristija bħala l-qofol, bħala l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Mhux il-flus, il-ġid, il-qamħ, il-munizzjon jibqa’ l-aktar importanti. Tarmi kollox ma jfissirx tiftaqar. Tarmi kollox ifisser tpoġġi kollox f’postu, fl-ordni. ‘Ma nismax quddiesa għax għandi x’nagħmel, imħabbat bix-xogħol’. In-nies ta’ fuq il-ġifen jarmu x-xogħol, jarmu l-qamħ: ipoġġuh fit-tieni post biex titla’ fl-ewwel post l-Ewkaristija. Imbagħad jaħbtu mal-gżira tagħna, u tinżel ix-xita – sinjal tal-Magħmudija; jiġi r-riħ – il-qawwa tal-Ispirtu Qaddis; u n-nar – li jfakkarna f’Pentekoste.

Ma ninsewx li huwa San Luqa li qed jikteb, u jikteb bis-sinjali biex ifehemna x’inhu jiġri. U allura diġà Luqa jippreżentalna komunità Maltija mimlija bl-Ispirtu ta’ Alla. Din il-komunità Maltija, li diġà mgħarrqa fl-Ispirtu ta’ Alla, għandha erba’ kwalitajiet:1.tilqa’ – tħobb il-barrani, filantropija tfisser tħobb il-bniedem; 2. għandha sens kbir ta’ ġustizzja – meta raw il-lifgħa mdendla ma’ id Pawlu, irraġunaw li dan il-bniedem ħelisha mill-għarqa imma l-ġustizzja ma ħelsithilux; 3. titlob – komunità fil-bżonn, li tmur fejn Pawlu u tgħidlu jfejjaqha, komunità li titlob bil-kapijiet b’kollox, għax Publiju jitlob lil Pawlu għal missieru; 4. trodd il-ħajr – kapaċi tirringrazzja, tant li meta kienu sejrin lura mlew il-ġifen b’dak kollu li kellhom bżonn.

Dawn huma l-erba’ kwalitajiet ta’ komunità mgħarrqa u mgħammda fit-Trinità, għax it-Trinità mhix għajr l-Imħabba: il-Missier li jħobb bi mħabba kbira tant li ħalaq l-univers, ħalaq kollox, hekk li aħna frott ta’ dan il-ħolqien; l-Iben li huwa l-maħbub, li ġie fid-dinja biex jgħidilna li aħna lkoll maħbubin, ġie bħala wieħed minna u ħuna biex aħna nkunu nistgħu wkoll inqisuna bħalu, magħżulin, maħturin, maħluqin biex inkunu maħbuba mill-Missier; u l-Ispirtu Qaddis li huwa l-Imħabba ta’ bejniethom. Il-Missier li jħobb, l-Iben il-maħbub, u l-Ispirtu Qaddis li hu l-Imħabba. U aħna l-komunità mgħarrqa f’dan Alla Trinità, Alla Familja, Alla Mħabba.

Komunità li tilqa’

L-ewwel kwalità ta’ din il-komunità hi li tilqa’: il-komunità li taċċetta lill-barrani, lil min hu differenti, li tilqa’ anki persuni li ma tifhimhomx, il-komunità li tirrispetta. Tant tirrispetta, li San Luqa jgħidlina: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2), bi ħlewwa li ma tistax tispjegaha – din hija t-traduzzjoni l-aktar letterali – bi mħabba li qatt ma nstemgħet bħalha. Din kienet l-imħabba ta’ dawk l-ewwel Insara, li bix-xita li kienet nieżla – bil-Magħmudija li rċevew meta wasal Pawlu fi gżiritna – imtlew b’din l-imħabba ta’ Alla: kienu mgħarrqa diġà f’din l-imħabba ta’ Alla.

Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna u ngħidu: Fejn hi l-imħabba tagħna lejn xulxin? Nibdew mid-dar. Fejn hi l-imħabba tagħna lejn il-persuni, ir-rispett sħiħ lejn kulħadd, anki lejn dawk li huma differenti minna? Fejn hi l-imħabba tagħna lejn dawk li ma naqblux magħhom? Fejn hi l-imħabba tagħna lejn il-familja jew lejn il-familji illi huma ta’ partit ieħor? Fejn hi l-imħabba tagħna lejn il-familja jew il-familji li huma ta’ parroċċa oħra? Fejn hi din l-imħabba li ġabilna Pawlu? Fejn hi din l-imħabba li hija frott li aħna negħrqu fit-Trinità? Jekk aħna din l-imħabba ma nerġgħux niskopruha, jekk din il-filantropija u dan ir-rispett lejn il-persuni ma ngħixuhomx, inkunu qegħdin nitbiegħdu u mhux noqorbu lejn il-Magħmudija li ġabilna Pawlu, inkunu qegħdin nitbiegħdu minnha u nagħmlulu għajb lil San Pawl, inkunu qegħdin ngħidlulu: ‘Inti ġejt għalxejn, għax aħna l-Magħmudija tagħna ma nikkalkulawhiex, għalina mhux importanti li aħna Kristjani, għalina l-importanti li nkunu l-aqwa, li aħna nkunu l-aħjar, li nimpikaw jew inpattuha lil ħaddieħor’. Hekk inkunu ngħidulu lil Pawlu.

Il-ġimgħa l-oħra, jien, l-Arċisqof u l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta konna l-Vatikan, u tkellimna mad-diversi Uffiċċji tas-Santa Sede fuq kif huma sejrin id-Djoċesijiet kemm ta’ Malta u kemm tagħna. Konna bgħatna rapport fuq iż-żewġ djoċesijiet minn xhur qabel b’mistoqsijiet li kienu għamlulna huma mill-Vatikan. U f’diversi Uffiċċji li aħna dħalna qalulna bis-sejħa li qed jagħmlilna l-Papa. Baqgħalna ħafna sabiħ u ħafna tajjeb, u ta’ dan il-Papa jroddilna ħajr u jrodd ħajr lil Alla, imma talabna wkoll biex nieħdu ħsieb il-festi tagħna. Il-Papa talabna biex il-festi tagħna nerġgħu nqajmu fihom l-Ispirtu ta’ Alla, għax forsi qegħdin nitbiegħdu bil-mod il-mod minn dik l-oriġni fejn il-festi tagħna kienu espressjoni tal-qima u l-imħabba tagħna lejn il-Vanġelu, lejn il-qaddisin tagħna.

Tant hu hekk illi t-tiżjin fit-toroq sabiħ, imma ma għadux iservi sempliċiment bħala sens ta’ akkoljenza lill-qaddis jew lill-qaddisa li tgħaddi mit-toroq tagħna. It-tiżjin tat-toroq tagħna m’għadux sempliċament espressjoni tal-ferħ li joħroġ mid-djar, għax fid-djar tagħna hemm dik il-problema jew l-oħra. It-tiżjin tat-toroq tagħna sar sinjal kultant ta’ pika, ta’ ‘m’hawnx min hu bħalna’, ta’ ‘m’hawnx min hu aħjar minna’. Qegħdin nitbiegħdu bil-mod il-mod mill-ispirtu veru tal-festa, mill-ispirtu ta’ dak li ġabilna l-Appostlu Missierna San Pawl. U flok noqorbu permezz tal-festi tagħna stess, kultant inkunu qegħdin nitbiegħdu. Jekk il-ħsejjes tal-murtali xi darba kienu jservu biex nistiednu lil dawk ta’ madwarna biex jiġu jifirħu magħna, biex kulħadd iħoss il-ferħ tal-festa li qegħdin ngħixu, b’xorti ħażina llum isiru sinjal ta’ prepotenza, aggressività, forsi sinjal ta’ gwerra kultant. Ma ninsewx li l-bombi huma sinjali ta’ gwerra u li l-murtali bdew proprju bħala sinjal tal-maqlub tal-gwerra – sinjal tal-paċi, sinjal tal-ferħ, sinjal tal-hena li tkun iġġarrab komunità. Dan ifisser tgħix mgħaddas fit-Trinità, mgħaddas fl-imħabba. Inkella l-festi tagħna, flok iqarrbuna lejn dak li hu ezzenzjali u veru, ikunu qegħdin ibegħduna.

Komunità b’sens ta’ ġustizzja

It-tieni kwalità tal-Maltin mgħammdin fit-Trinità hi s-sens tal-ġustizzja. Kemm għandna x’nitgħallmu mill-Maltin ta’ qabilna! “Il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix” (Atti 28:4). Għax dan bilfors għamel xi ħaġa ħażina, allura ħaqqu l-kastig. Fejn hu s-sens tal-ġustizzja tagħna? Fejn hu s-sens tal-verità tagħna? Kemm ngħawġuha l-verità, kultant anki taħt ħalf falz! Kemm ngħawġuha l-verità, anki magħna nfusna! Kemm ngħawġuha l-verità ma’ xulxin! Kemm nippruvaw nuru faċċata li mhix il-verità tagħna! Kultant fil-qrati tagħna x’inhu jiġri? Jirbħu l-aktar strateġiji fini tal-avukati u mhux il-kontenut tal-verità. Kemm hawn nies li batew inġustizzji anki mill-istess qorti! Iltqajt ma’ xi ħadd m’ilux, raġel fuq l-irġiel, u qalli: “Dun Anton, għadni kemm irbaħt kawża, iżda l-flus li rbaħt sejjer immur nagħtihom lil dak li tahomli, għax dawn il-flus mhumiex tiegħi”. Xi rġulija! Bniedem ta’ min jinżagħlu l-kappell, ta’ min ifaħħru, ta’ min jonorah. Kemm inġustizzji, kemm nuqqas ta’ rettitudni għandna f’dan il-pajjiż li suppost huwa mgħaddas għalkollox fit-Trinità, fl-Imħabba ta’ Alla!

Komunità li titlob

It-tielet kwalità tal-poplu Malti ta’ qabilna, tal-antenati tagħna, hija komunità li titlob. Dawn in-nies kienu kapaċi jagħrfu l-limiti tagħhom u jmorru jitolbu bil-kbarat b’kollox. San Luqa jippreżentalna sitwazzjoni ta’ Malta bħala vera komunità ta’ nies u ta’ min imexxihom kemm politikament u kemm ekkleżjastikament. Din hi l-istampa li jagħtina San Luqa fit-Tieni Qari (Atti 28:1ss) li għadna kif smajna: komunità fejn ngħixu flimkien għall-ġid ta’ xulxin. Wieħed ifittex il-ġid tal-ieħor, wieħed jgħin lill-ieħor, l-ispirtu ta’ nies li lkoll mexjin lejn direzzjoni waħda. Mhux min hu b’saħħtu ħafna u għandu ħafna poter, u min irid jinżel għarkupptejh jitkarrab għad-drittijiet u l-ġustizzja tiegħu! U sitwazzjoni bħal din aħna drajnieha, tant li ma nistennewx sitwazzjoni differenti. Kultant l-atturi jinbidlu, imma l-iskript jibqa’ l-istess, kemm fil-Knisja u kemm fl-Istat. Ejjew ikollna l-kuraġġ li nibdlu dan l-iskript, inbiddluh dan id-dramm tal-prepotenza, tal-klijenteliżmu, ta’ min jista’ u ta’ min irid jinżel għarkupptejh. Ejjew nibdluha, għax ilkoll kemm aħna nies fil-bżonn, ilkoll kemm aħna għandna bżonn tat-talb, kif il-Maltin flimkien mal-awtorità talbu l-għajnuna lil Pawlu għall-fejqan. Aħna qegħdin fl-istess sitwazzjoni tagħhom ilkoll kemm aħna.

Dan ifisser tkun mgħarraq fl-Ispirtu s-Santu, fit-Trinità, dan ifisser inkunu nafu min aħna tassew – nies fil-bżonn li nduru lejn Alla u ngħidulu lkoll kemm aħna: “Mulej, għinna”. Kemm hi sabiħa dik ix-xena tal-akkoljenza ta’ Publiju u ta’ missieru, l-akkoljenza ta’ Pawlu u tal-Kelma ta’ Alla! Dawn il-kapijiet tal-pajjiż jilqgħu lil Pawlu u l-Kelma ta’ Alla. Ma jilqgħux lil Pawlu għax hu xi bniedem speċjali, ta’ kwalitajiet partikulari, imma jilqgħu lil Pawlu għax qed iġorr il-Kelma, qed iġorr dak li jixtieq Alla mill-poplu tiegħu.

Komunità li trodd ħajr

Għidna li x-xita u n-nar u l-lifgħa li tinqered fin-nar mhumiex għajr il-frott tal-Magħmudija. Alla jgħammed lil Malta bl-Ispirtu s-Santu. U l-Ispirtu s-Santu qiegħed fin-nar li jeqred il-ħażin, il-lifgħa. L-aħħar kwalità ta’ dan il-poplu mgħammed hi li dan il-poplu għandu s-sens ta’ radd il-ħajr, il-kapaċità li jgħid grazzi, il-kapaċità li xi ħadd jirrikonoxxi li xi ħadd għamel il-ġid miegħu. Mhux poplu li jieħu kollox for granted, mhux poplu li ma jagħtix kas ta’ min jagħmel il-ġid miegħu. Kemm ngħiduha din anki għal uliedna stess! ‘Mhumiex rikonoxxenti, ma jagħrfux, ma jirrikonoxxux kemm inbatu għalihom, kemm nagħmlu sagrifiċċji għalihom’. Kemm ngħiduha din il-kelma! Aħna rikonoxxenti lejn xulxin? Aħna rikonoxxenti lejn Alla? Aħna rikonoxxenti lejn Pawlu ta’ Malta, li ġabilna don hekk kbir? Jew dan id-don imbagħad infarrkuhulu b’kull mod, dan ir-rigal tal-fidi nkissruh u kultant naħsbu li qed nagħtuh xi servizz, kultant mingħalina qegħdin nagħtuh xi qima!

Ejjew nitolbuh lil San Pawl illum, f’din is-Solennità tat-Trinità, biex il-mezzi u l-istrumenti li ħallielna, importanti għall-ħajja Nisranija tagħna, ma nwarrbuhomx fil-ġenb. Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla: ma ninsewx li fuq il-ġifen, qalb il-maltemp, Pawlu jqum bilwieqfa u jgħidilhom il-Kelma ta’ Alla. Ma ninsewx l-importanza tal-Kelma ta’ Alla. M’hemmx Insara mingħajr is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla kontinwa. Faċli li naqbdu triq oħra. U ma hemmx komunità li temmen mingħajr ma tiċċelebra l-Ewkaristija kull nhar ta’ Ħadd – mhux fil-Festa iżda kull nhar ta’ Ħadd, għax kull nhar ta’ Ħadd hija festa, kull nhar ta’ Ħadd niċċelebraw il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Jekk il-komunità Nisranija jonqsuha dawn iż-żewġ kwalitajiet, imbagħad bilfors sejra tkun diżastru fejn tidħol l-imħabba, fejn tidħol il-komunità, fejn tidħol il-komunjoni. Dawn huma t-tliet karatteristiċi ta’ komunità Nisranija: is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, u l-għajxien tal-karità, l-imħabba Nisranija. Jekk tonqos waħda minnhom, m’hemmx komunità Nisranija. Sejħilha klabb, għidilha assoċjazzjoni, grupp, tim, għidilha li trid… imma mhix komunità Nisranija. Jekk komunità Nisranija tonqosha waħda minn dawn it-tlieta li ġabilna Pawlu, li għammidna fihom, allura ma nkunux komunità ta’ Pawlu, imma komunità ta’ xi ħadd ieħor.

Il-Mulej jagħtina li kull festa li niċċelebraw tqarribna u ddaħħalna aktar fil-fond fil-Misteru tat-Trinità, tagħtina li ngħixu l-imħabba tassew – mhux għal Alla, għax hu m’għandux bżonna, mhux għal Pawlu, għax Pawlu qiegħed sew – imma għalina, biex inkunu bħalu u nsibu l-vera paċi tal-qalb. Din hija l-vera paċi tal-qalb, dan hu l-veru ferħ: m’hemmx ferħ jekk m’hemmx imħabba vera.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading