Ċelebrazzjoni Ewkaristika Animata; u aktar Mirakli Ewkaristiċi

minn Manwel Cutajar

Animazzjoni Liturġika

Qabelxejn, tajjeb ngħidu, li t-terminu animazzjoni ġej mill-kelma Ġappuniza アニメ (anime) li tfisser  azzjoni li ”tagħti r-ruħ”. Ukoll  il-verb Latin animare jfisser li jagħti r-ruħ, in-nifs, il-ħajja lil xi attività jew ċelebrazzjoni. Għaldaqstant, l-animazzjoni liturġika tfisser u tikkonsisti fl-għoti ta’ ħajja u espressjoni liċ-Ċelebrazzjonijiet Reliġjużi, fl-involviment ta’ dawk kollha li jiffurmaw il-miġemgħa nisranija fil-knejjes, fil-ħolqien ta’ ambjent ta’ talb u qima lil Alla.

Il-Liturġija hija l-għemil tal-Knisja.

Billi l-Isqof fil-Knisja tiegħu ma jkunx jista’ jmexxi hu nnifsu l-merħla kollha tiegħu dejjem u kullimkien,hu meħtieġ li jwaqqaf ġemgħat ta’ fidili, fuq kollox ragħajja mqegħdin fil-parroċċi  li jkunu minflok l-Isqof: għaliex dawn b’xi mod jagħtu xhieda tal-Knisja Viżibbli mwaqqfa fid-dinja kollha.

Għalhekk il-ħajja liturġika tal-parroċċa u l-għaqda tagħha mal-Isqof għandhom ikunu mdaħħla fil-ħsieb u fil-prattika tal-fidili u tal-kleru; u għandhom jaħdmu biex tissaħħaħ is-sens  tal-għaqda tal-komunità tal-parroċċa, l-aktar fiċ-Ċelebrazzjoni komuni tal-Quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd.(Il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija Sagra paragrafu.42).

Waqt li kien qed jindirizza lill-membri tal-Istitut Liturġiku Pontifiċju ta’ Sant’Anselmu fil-Vatikan nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju 2022, il-Papa Franġisku nnota li l-laqgħa tagħhom, “hi  bħala tweġiba għall-ħtieġa dejjem tikber tal-Poplu ta’ Alla li jgħix u jieħu sehem b’mod aktar intens fil-ħajja liturġika tal-Knisja”.

Il-Papa Franġisku kompla billi nnota tliet dimensjonijiet li joħorġu b’mod ċar mill-ħidma tal-Konċilju Vatikan għat-tiġdid tal-ħajja liturġika. Dawn huma: parteċipazzjoni attiva u produttiva fil-liturġija; komunjoni ekkleżjali animata miċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u s-Sagramenti tal-Knisja; u l-ispinta għall-missjoni evanġelizzanti mill-ħajja liturġika li tinvolvi lill-imgħammdin kollha.

“Ċelebrazzjoni Liturġika tintiseġ b’ħafna sinjali u simboli…”(Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika….KKK par.1145) “Għaliex il-bniedem min-natura tiegħu jrid jgħix ma’ bnedmin oħra (hu soċjevoli) jeħtieġlu sinjali u simboli biex ikun jista’ jikkomunika mal-oħrajn, permezz ta’ kliem, permezz ta’ ġesti, permezz ta’ għemil;ngħidu l-istess ħaġa dwar ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Alla.” (KKK par.1146)

Sehem attiv fil-ħajja liturġika

L-Animazzjoni liturġika hija attività li għandha l-għan li tarrikkixxi l-liturġija u tgħin lill-miġemgħa Nisranija miġbura fil-knisja għaċ-Ċelebrazzjoni tal-quddies jew Ċelebrazzjoni Ewkaristika oħra,bħal l-Adorazzjoni Ewkaristika,biex tieħu sehem b’impenn akbar, devozzjoni, ġabra, entużjażmu u ferħ akbar.

Għall-grazzja ta’ Alla fil-parroċċi kollha tagħna, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, hemm diversi gruppi li huma involuti fl-Animazzjoni tal-liturġija Ewkaristika  b’modi differenti.

Il-persuni li jagħmlu parti mill-grupp tal-animazzjoni liturġika:

Dawn l-persuni ġeneralment huma dawk li s-soltu jagħtu s-servizz tagħhom fid-diversi rwoli propji tagħhom, biex iċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġika, b’mod speċjali dik Ewkaristika, tkun aktar qaddisa u li tagħti l-ogħla qima lil Alla.  

Għalhekk, s’intendi qabel kulħadd hemm iċ-Ċelebrant (is-Saċerdot) ewlieni li jippresiedi iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika u d-Djaknu; il-Lettur/i li jaqraw l-lezzjonijiet; l-Animaturli waqt il-quddiesa  jaqra xi riflessjoni/introduzzjonijiet qabel kull qari, u jgħin lill-miġemgħa fil-kant tad-dħul, tal-offertorju, tat-tqarbin, tal-għeluq, u fil-vrus tas-Salm Responsorjali, u jaqra wkoll (preferibilment minn fuq l-ambone) il-Talba Universali, jew it-Talba tal-Fidili, kif kienet magħrufa fil-qedem, li fiha il-poplu Nisrani jwettaq is-saċerdozju tiegħu (is-saċerdozju “komuni” jew “tal-imgħammdin”) ujitlob għall-bnedmin kollha; il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin; l-Abbatini (subien u bniet); l-Organisti u Mużiċisti, u l-Persuni  li jagħmlu  parti mill-kor;  is-Sagristani li jħejju l-kalċi u l-offerti tal-quddiesa u jieħdu ħsieb jħejju l-altar b’kulma jkun meħtieġ; kif ukoll dawk li jieħdu ħsieb it-tindif u ttisbiħ u t-tiżjin tal-knisja.  F’dan il-kuntest nistgħu nsemmu wkoll il-Konfratellanzi tas-Santissimu Sagrament   u Konfratellanzi oħra li jieħdu sehem f’Ċelebrazzjonijiet u purċissjonijiet Ewkaristiċi .


L-Għan tal-Grupp ta’ Animazzjoni Liturġika 

Jum wieħed Sidna Ġesù qal parabbola lis-semmiegħa Tiegħu: “is-Saltna ta’ Alla hija bħal żerriegħa tal-mustarda li raġel ħa u żera’ fl-għalqa tiegħu” (Mattew 13.31). Ġesù kompla billi qal: “is-Saltna ta ‘Alla hija bħal ħmira żgħira li mara ħadet u ħaltet fi kwantità kbira ta’ dqiq,u f’ċertu punt l-għaġina kollha żdiedet.”(Mattew 13.33) .
Il-Grupp ta’ Animazzjoni Liturġika huwa bħaż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira moħbija li tiffermenta l-għaġina. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jiżgura li l-komunità tgħix l-ispirtu liturġiku b’mod intens. Il-membri tal-grupp ta’ Animazzjoni Liturġika huma ħmira meta jagħtu xhieda tal-Fidi tagħhom b’ħajjithom, meta jippreparaw u jirrevedu bir-reqqa ċ-ċelebrazzjonijiet, u meta janimaw l-azzjonijiet liturġiċi bil-preżenza parteċipattiva tagħhom.

Miraklu Ewkaristiku ieħor fl-Irlanda

Miraklu ieħor li seħħ fis-seklu 16 fl-Irlanda jikkonċerna lill-Imħallef Sir Richard Shee (1550-1608)  li kien bniedem għaref iżda mhux reliġjuż u li x’aktarx kien jieħu sehem f’ċerimonji sataniċi.

Waqt il-quddiesa tal-Ħadd kien joħroġ il-klieb tal-kaċċa tiegħu bil-ħsieb illi bl-inbieħ tagħhom itellef lil dawk li kienu qegħdin jitolbu.

Darba waqt purċissjoni, folla kbira ta’ nies kienet fit-triq tistenna lil Ġesù fl-Ewkaristija għaddej. Sir Richard resaq biż-żiemel u l-klieb lejn il-folla u pprova jgħaddi minn ġo nofshom, iżda iż-żiemel minflok li baqa’ għaddej niżel fuq irkopptejh man-nies u ma qamx qabel ma għadda s-Sagrament.

Sir Richard tant stagħġeb b’did-dehra li “biddel ħajtu  minn “waħda mqallba u mimlija tilwin” għal ħajja eżemplari. Irrikonċilja ruħu mal-Knisja Kattolika   u ħalla bħala wirt deheb u fidda f’ammonti kolossali għall-foqra kif ukoll qamħ u merħliet ta’ baqar ukoll għall-foqra”  (Silta mill-ktieb The Ten Civic Families of Kilkenny ta’ J.C.J. Murphy,1954, p.18).

Fl-1582 huwa waqqaf l-Isptar ta’ Ġesù ta’ Kilkenny, magħruf bħala Shee’s Alms House li għadu jeżisti sal-lum,għal  “irġiel  foqra, mhux miżżewġin u  nisa romol ta’ ħamsin sena jew aktar…”  ( Silta mill-ktieb Kilkenny ta’ John Bradley, 2000, p.6) Sir Richard Shee miet fl-10 ta’ Awwissu 1608.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading