Il-Ħadd, 23 ta’ Ġunju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal tal-Festa ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija. Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, Xewkija.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Il-Festa tal-lum tlaqqagħna ma’ familja li kellha diffikultà li fi żmienna hija attwali ħafna: il-problema tal-infertilità. Kemm koppji, familji, irġiel u nisa jinkwetaw minħabba li jkun hemm din id-diffikultà tan-nuqqas ta’ preżenza tal-ulied fil-ħajja tal-familja! U dawn it-tnejn min-nies, Eliżabetta u Żakkarija, “ġusti” – fil-fatt għalihom in-nies kienu jgħidu: ‘Kif jista’ jkun? Imma dawn ġusti, tajbin, u għandhom din il-problema?’ – kellhom din id-diffikultà. Dawn talbu lil Alla bil-ħerqa, u l-Vanġelu jgħidilna illi Alla tahom wild, tahom lil Ġwanni, dan it-tifel li mbagħad sar żagħżugħ, raġel, u li l-istorja tiegħu lkoll nafuha. Imma taħsbu intom illi meta Eliżabetta u Żakkarija kellhom lil Ġwanni, id-diffikultajiet tagħhom naqsu? Taħsbu illi ma kellhomx aktar problemi u diffikultajiet fil-ħajja tagħhom?
Jien niżgurakom illi d-diffikultajiet mhux naqsu iżda żdiedu. Żgur li t-tnejn li huma, Eliżabetta u Żakkarija, li kienu ġejjin mill-familja tas-saċerdoti, il-familja ta’ Aaron, immaġinaw li dan it-tifel tagħhom ser ikun saċerdot. Jiena nimmaġina illi Żakkarija kien ipprepara xi ħaġa tal-ħwejjeġ, bħalma kienu jagħmlu l-familji fl-antik, għax bilfors riedu li jkollhom saċerdot fil-familja. Forsi llum ma nippreparawx il-ħwejjeġ tas-saċerdot, imma nippreparaw il-flettijiet, il-kontijiet il-bank, affarijiet oħra għal uliedna, u b’xi mod nagħtuhom direzzjoni bħalma kienu jagħtu fl-antik. Jiġifieri, biex ngħidu hekk, ftit inbidlet l-istorja. Imma dan x’jagħmel? Dan flok saċerdot, jaħrab fid-deżert. Min jaf kemm qalu n-nies: ‘Dawn tnejn min-nies ġejjin minn familja tas-saċerdoti, it-tifel tagħhom suppost ikun saċerdot’. Għax hekk kienet bil-liġi ta’ Mosè: is-saċerdot skont it-tnissil, mhux bħalna, saċerdot skont il-vokazzjoni, skont is-sejħa, almenu hekk suppost jagħmel. Imma almenu skont it-tnissil missierek ried ikun qassis biex int tkun qassis; u dan kellu din ix-xorti, u flok sar qassis, sar xi ħaġa oħra, telaq lejn id-deżert. Min jaf kemm kienu qalu n-nies, bħalma ngħidu llum fuq xulxin!
Taħsbu intom illi Eliżabetta u Żakkarija solvew il-problemi kollha, anki meta dawn aċċettaw li dan binhom jitlaq daqshekk kmieni fid-deżert? Jekk kienu mill-familji tas-saċerdoti, dawn kienu tat-tajjeb dakinhar. U dan, jgħidilna l-Vanġelu, jaqbad u jitlaq fid-deżert, jilbes il-ġild, jiekol l-għasel selvaġġ, bil-ħżiem ma’ qaddu, u jipprietka. Aħna llum inħarsu b’mod sabiħ lejn San Ġwann, imma ppruvaw idħlu ftit fil-kuntest u fil-mentalità tal-familja tiegħu, ta’ Żakkarija u Eliżabetta, u tinnutaw li huma l-istess problemi u diffikultajiet tagħna tal-lum. U l-istorja tibqa’ sejra, problema waħda wara l-oħra.
Dan qegħdin ngħiduh għax l-istorja tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista tgħallimna xi ħaġa fundamentali ħafna: ix-xewqat tagħna qatt mhuma se jiġu sodisfatti għalkollox, id-diffikultajiet tagħna qatt mhuma ser ikunu solvuti għalkollox, għalkemm ngħixu b’din l-illużjoni: neħles minn din id-diffikultà ta’ saħħa, imbagħad ma jkollix problemi aktar! Ma ngħidhiex, imma nifhimha u nħossha żgur. Għax kieku ngħidha u kieku konvint minnha, din il-problema l-kbira li għandi tispiċċa waħda mill-ħafna problemi li għad irrid naffaċċja fil-ħajja. Imma din l-aktar importanti, għalhekk kważi kważi tiġi l-unika diffikultà, l-unika problema li nkun qed ngħix fil-ħajja.
Imma għalfejn ikollna dawn ix-xewqat fil-ħajja, dawn il-problemi li nkunu rridu negħlbu? Għax aħna bnedmin, veru. Għalfejn ix-xewqat li hemm fil-qalb tagħna kważi kważi qatt ma jkunu sodisfatti għalkollox? San Ġwann jgħidilna għalfejn: għax aħna magħmulin għal ħwejjeġ kbar, biex niltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù. San Ġwann hu dak li jindikalna lil Ġesù. San Ġwann hu dak li juri lill-Ħaruf ta’ Alla. Forsi l-qabża naqra kbira: mix-xewqa li nfiq għax għandi marda, mix-xewqa li jkolli tarbija għax m’għandix, għax-xewqa li jkolli lil Ġesù. Nifhem li l-qabża naqra kbira u forsi mhux lakemm nagħmluha, insibuha bi tqila. Imma jekk nirriflettu sew, jekk naħdmu sew fuqna nfusna, hemmhekk naslu, biex nindunaw li aħna magħmulin għal Ġesù.
Kemm hi sabiħa u kbira l-Festa li qegħdin tagħmlu, u hekk għandu jkun u hekk jixraq. Imma x’inhu l-aktar importanti f’din il-festa? Mhux x’inhu l-aktar li jogħġbok, imma x’inhu l-aktar importanti! Importanti n-nar? Sabiħ in-nar, u għandu jkun. Importanti l-armar? Sabiħ l-armar, u għandu jkun. Importanti t-tiżjin fid-dar? Sabiħ it-tiżjin fid-dar, u għandu jkun. Importanti l-ħwejjeġ li nilbsu? Sbieħ dawk, u għandhom ikunu. Imma x’inhi l-aktar ħaġa importanti? Dawk kollha li semmejna huma parti minn dawk ix-xewqat li qatt ma huma l-aħħar xewqa. Qatt ma ngħid jien, xħin rajt in-nar sabiħ, li issa qalbi strieħet, issa ħa nkun sew għal ħajti kollha. Qatt mhu se tagħmilha dik. U tista’ tkun xi tkun ix-xewqa li int tipprova tissodisfa u taqta’, għax il-qalb tagħna magħmula biex tiltaqa’ ma’ Ġesù.
Allura l-aktar mument importanti tal-Festa kollha kemm hi hu l-Ewkaristija. ‘Il-quddiesa l-aktar importanti? Dik drajnieha, nafuha bl-amment… ilbieraħ, illum, għada, dejjem l-istess!’. Dik l-aktar importanti. Ħafna drabi aħna dak li hu l-aktar importanti nidentifikawh ma’ dak li hu l-aktar uniku u rari, imma fil-fatt dak li hu l-aktar importanti hu dak li hu komuni u sempliċi. Il-qalb tiegħek tħabbat kontinwament, hekk li lanqas tinduna biha sakemm ma tagħtikx fastidju. In-nifs tiegħek dieħel u ħiereġ minn ġo mnifsejk, tant illi ma tagħtix kasu. Dak hu l-aktar importanti, l-aktar sempliċi u komuni. U dan tgħallimhulna l-familja ta’ Eliżabetta, Żakkarija u Ġwanni.
Xi tfisser il-kelma Żakkarija? Il-kelma Żakkarija tfisser ‘Alla jiftakar’, imma tip ta’ tifkira differenti minn kif nifhmuha aħna. Interessanti ħafna din il-kelma fl-Ebrajk. Alla jiftakar, mhux fil-passat, imma t-tifkira ta’ Alla hi preżenti. Tant hu hekk illi l-istess kelma zakar hija l-mod ta’ kif il-Lhud isejħu raġel. Raġel huwa zakhar, maskili. Żakkarija jista’ jfisser ukoll ‘ir-raġel ta’ Alla’, mhux biss li Alla jiftakar. Imma għalfejn din l-identifikazzjoni bejn dawn iż-żewġ tifsiriet? Għax f’kull wieħed u f’kull waħda minna, f’kull bniedem li jeżisti u jgħix, hemm it-tifkira ħajja ta’ missieru – zakar. Kull wieħed u kull waħda minna nġorru t-tifkira ħajja, dik iż-żerriegħa tal-missier tagħna. U allura kull wieħed u kull waħda minna mhux tifkira ta’ xi ħaġa tal-passat, imma hu tifkira ħajja, preżenti. Dan tfisser il-kelma zikaron, zakhar, Żakkarija.
Xi tfisser il-kelma Eliżabetta? Eliżabetta jfisser ‘Alla jżomm il-wegħda’, Elisheva, jew inkella Alla huwa sebgħa, sheva, kważi l-istess kelma tagħna, u allura shabbat, is-Sibt, in-numru sebgħa. X’għandhom x’jaqsmu l-wegħdiet man-numru sebgħa? Ħafna għandhom x’jaqsmu… bħalma għandhom x’jaqsmu t-tifkira mal-maskil f’Żakkarija. Kif Alla jżomm il-wegħda b’mod sħiħ u b’mod perfett? In-numru sebgħa fiex ifakkar lill-bniedem? Fis-sebat ijiem tal-ħolqien, meta Alla lesta kollox, u jżomm il-wegħda b’mod sħiħ. Mela l-wegħda u s-sebgħa flimkien.
Imma Alla meta jiftakar? Din it-tifkira ħajja ta’ Alla, din il-wegħda perfetta u sħiħa ta’ Alla, meta titwettaq? X’inhi l-wegħda ta’ Alla? X’inhi t-tifkira ta’ Alla? Illi Alla jkun magħna, miegħek, ma’ kull wieħed u kull waħda minna. U għalhekk l-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw hija l-ogħla, l-aqwa, l-ikbar mument li jista’ jeżisti fil-ħajja tal-bniedem. Din hi l-wegħda ta’ Alla, din hi l-ħalfa ta’ Alla, din hi t-tifkira ħajja ta’ Alla.
U Ġwanni l-Battista kif jidħol? Kemm hu sabiħ il-Vanġelu! Il-kelma Ġwanni, Yohannan, tfisser ‘Alla jagħmel ħniena’. Ġwanni jfisser il-ħniena ta’ Alla. Mela Alla llum jiftakar – Żakkarija; iżomm il-wegħda – Eliżabetta; u jagħmel ħniena magħna –Ġwanni.
Imma dan ma kienx biżżejjed, għax Ġwanni wriena lil xi ħadd li kellu jiġi warajh, li kien aqwa minnu: “Ġej warajja min hu aqwa minni” (Mk 1:7). Ġwanni jsejjaħ lilu nnifsu l-leħen, mhux il-Kelma: “Jien il-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (1:3). Ġwanni jsejjaħ lilu nnifsu l-ħabib tal-Għarus, mhux l-Għarus. Ġwanni jistqarr fuqu nnifsu li ma jistħoqqlux iħoll is-sandli ta’ dak illi ġej warajh, Ġesù. Ġwanni jgħid għalih innifsu li jgħammed bl-ilma, imma jiġi warajh ieħor li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. U allura Ġwanni, bħalma jiġri lili u lilek fil-ħajja tagħna, jurina li x-xewqat tagħna kollha kemm huma jindirizzawna lejn persuna waħda: il-Mulej Ġesù.
L-istorja ta’ Żakkarija, Eliżabetta u Ġwanni l-Battista turina li l-istorja ta’ kull familja li hawn hawnhekk u l-familji kollha li jeżistu fid-dinja tilħaq il-qofol u l-milja tagħha meta l-familja tiltaqa’ tassew mal-persuna ta’ Ġesù. Inkella jibqgħu x-xewqat u l-bżonnijiet. Intom araw, minn meta konna żgħar. Tkun għadek żgħir, tixtieq tikber; bħalma meta tikber, tgħid: ‘Żomm żomm, nippruvaw inżommu l-brejkijiet taż-żmien’, imma imbagħad ikun tard wisq. Tkun tixtieq tmur l-iskola; imbagħad tispiċċa l-iskola, tkun tixtieq tibda taħdem; imbagħad issib tfajla jew ġuvni u tgħid: ‘Nixtieq niżżewweġ, nixtieq ikolli dar’… u inti mingħalik li kull darba ħa tieqaf, kull darba ser tilħaq stat ta’ beatitudni, ta’ ferħ, ta’ hena, imma kull darba tinqala’ xi ħaġa. Imbagħad trid it-tfal, imbagħad inkwetat fuq it-tfal, imbagħad inkwetat fuq it-tfal tat-tfal, imbagħad inkwetat fuq saħħtek, u nibqgħu sejrin… Ġwanni jindikalna xi mkien ieħor is-sodisfazzjon tal-veru ferħ tagħna, il-milja tal-umanità tagħna: mhux fina, imma f’Ġesù Kristu.
Ġesù fl-Aħħar Ċena lill-Appostli tiegħu jgħidilhom kelma: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19). Bl-Ebrajk din hi zikaron (Żakkarija). “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”, ‘tifkira ħajja tiegħi, ħa nkun preżenti jien fid-dinja’, qed jgħid Ġesù, permezz tas-Sagrament tal-Ewkaristija. Kif kull wieħed u kull waħda minna aħna sinjal ħaj tal-preżenza tal-missier tagħna, tal-missirijiet ta’ qabilna, Ġesù huwa s-sinjal ħaj ta’ din il-preżenza f’nofs il-Knisja. U allura dak li qegħdin nagħmlu mhux tifkira tal-passat, imma dak il-passat qiegħed isir preżent, tifkira ħajja.
Għal-Lhud il-kelma tifkira jew memorjal hi differenti ħafna minn tagħna. Meta jiċċelebraw l-ikla tal-Għid li f’nofsha Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, il-Lhud ma jgħidux: “Missirjietna ħarġu mill-art tal-Eġittu”, imma jgħidu: “Illum jien ilsir, skjav taħt l-Eġizzjani”. Jerġgħu jgħixu dak li għexu missirijiethom fil-passat, bħallikieku qegħdin jgħixuh illum. U għalhekk il-Lhud – u aħna nafu għax nisimgħu fl-aħbarijiet – għandhom sens ħafna differenti minn tagħna ta’ x’jiġifieri tiftakar. Araw x’jagħmlu kull 27 u 28 ta’ Jannar biex ifakkru x-Shoah, il-jum illi fih ħarġu l-aħħar priġunieri permezz tas-suldati Russi mill-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz! Għalihom hu jum li għadhom jgħixuh sal-lum bħala jum tal-liberazzjoni tagħhom… mhux ta’ missirjiethom, imma tagħhom. Għax għalihom it-tifkira hi ħajja, zakar.
Hu f’dan il-kuntest li Ġesù waqqaf l-Ewkaristija. L-Ewkaristija mhix tifkira ta’ xi ħaġa tal-passat. Ġesù fehem, ried – u l-Appostli hekk fehmu – li kull darba li tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, jerġa’ jiġġedded u jseħħ dak li ġara fl-Aħħar Ċena. U dak li ġara fl-Aħħar Ċena ma kienx għajr prefigurazzjoni ta’ dak li kellu jiġri fil-Kalvarju: Ġesù jmut fuq is-salib u jqum. U hemm hi l-milja tal-umanità tagħna, ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Għalhekk lil San Ġwann ħafna drabi nippreżentawh bis-salib jew bil-ħaruf: il-Ħaruf tal-Għid, li huwa Ġesù Krsitu maqtul. Għalhekk San Ġwann juri b’subgħajh is-salib u l-ħaruf. Mhux lil Żakkarija jew lil Eliżabetta qed jurihom dawk, imma lili, lil kull wieħed u waħda minna llum.
Il-Mulej jagħtina illi nifhmu mhux biss is-sens tax-xewqat u tan-nuqqas tas-serenità tagħna. Ħafna drabi n-nuqqas ta’ serenità tal-qalb tagħna hu mibni ma’ xewqat mhux maqtugħa, ma’ problemi, ma’ diffikultajiet. Il-Mulej irid jurina mhux biss dan is-sens, x’jiġifieri tassew meta ma nkunux sew u ma nammettux, imma wkoll irid jurina fejn hi s-soluzzjoni. Il-Mulej irid jurina fejn hu s-sodisfazzjon veru tal-umanità, tal-ħajja, tal-fidi tagħna. Hu verament f’Ġesù Kristu, ħaj f’nofsna b’mod speċjali fis-Sagrament li qed niċċelebraw: l-Ewkaristija.