Il-Ħadd, 28 ta’ Lulju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ Santa Margerita. Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Sannat.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Għadna kif smajna fil-Vanġelu tal-lum (Mt 13:44-52) li d-dixxiplu ta’ Ġesù kapaċi jgħaqqad l-antik u l-ġdid. Jien naħseb li fl-okkażjoni tal-Festa li llum qegħdin nagħmlu lil din l-adolexxenti matura – forsi adolexxenti matura ħafna iżjed minna l-adulti – tajjeb li nirriflettu xi ftit fuq l-adolexxenza fi żmienna u naraw din il-qaddisa x’għandha x’tgħidilna llum, lilna li qegħdin ngħixu forsi f’epoka li nistgħu ngħidulha kollha kemm hi ta’ adolexxenza.
L-adolexxenza hi żmien ta’ tibdil, bejn wieħed u ieħor dik l-età bejn il-11 u (illum tasal anki sa) 25 sena. Huwa żmien li l-persuna ma tkunx taf fejn hi, u mhux biss hi ma tkunx taf min hi, imma anki dawk li jgħixu magħha. Filli għandhom quddiemhom persuna ta’ 14 jew 15-il sena li jaħsbuha żagħżugħa jew mara kbira, raġel kbir b’intelliġenza u b’sens li forsi lanqas aħna l-adulti m’għandna; u filli għandek quddiemek l-istess tifel u l-istess tifla li jagħmlu għażliet li jaħsduk, li ma tistennihomx minnhom. U jista’ jkun li aħna, is-soċjetà kollha kemm hi, qed tgħix l-adolexxenza: kollha kemm aħna ma nafux fejn aħna, ma nafux min aħna. Forsi kollha kemm aħna kultant nagħmlu għażliet ta’ persuni adulti, ta’ Kristjani misjurin, u kultant nagħmlu għażliet ta’ tfal iż-żgħar.
U allura din il-qaddisa tal-lum, Santa Margerita, għandha ħafna x’tgħidilna, għax fl-istess żgħożija tagħha rnexxielha tilħaq il-maturità, mhux biss umana, imma kif sejrin naraw, maturità Kristjana, tant li saret tixbah lil Dak li kien iħobbha u li hi kienet tħobb. Aħna nafu li l-imħabba tilħaq il-milja tagħha meta l-maħbubin jittieħdu minn xulxin u jsiru jħobbu lil xulxin, tant li kważi dak li jaħseb wieħed jaħseb l-ieħor, dak li tħoss waħda jħossu l-ieħor. Hekk saret Margerita mal-persuna ta’ Ġesù: laħqet il-quċċata tal-maturità umana u Kristjana tagħha.
Jgħiduli li meta jsiru kunċerti kbar għall-adolexxenti u għaż-żgħażagħ, li jkunu mimlijin u ppakkjati – kieku l-knejjes tagħna jkunu ppakkjati hekk, kieku jkollna nwaqqgħu dan u nibnu ikbar – ma jkunx hemm biss l-ambulanzi għal li jista’ jkun, għal xi ħadd li forsi jista’ jħossu ħażin, imma jkun hemm saħansitra psikologi, psikoterapisti, u social workers. Kważi kważi dawn il-kunċerti l-kbar, li huma mument ta’ pjaċir u divertiment, diġà huma pprogrammati li jħallu l-vittmi, li xi ħadd ser ilaqqatha; u mhux wieħed jew tnejn biss, kieku ma jkunx hemm dik l-organizzazzjoni ta’ terapija ma’ kull kunċert li jsir. Dawn saru parti mill-pakkett tal-assigurazzjoni: jekk inti ma jkollox lil dawn, l-assigurazzjoni lanqas tidħol, lanqas ikun jista’ jkollok il-permess għal kunċerti bħal dawn. Araw f’liema estremità wasalna!
Hemm imħabba u pjaċir li jwasslu għall-mewt: hemm pjaċir u mħabba li apparentement iwasslu għall-ħajja, li għal dak il-ħin iġagħluk tħossok ma nafx min u ma nafx kif, imma mbagħad bil-mod il-mod iwassluk għall-mewt, għall-vojt, għax-xejn, iwassluk saħansitra għan-nuqqas ta’ stima tiegħek innifsek, iwassluk biex issir oġġett, biex titlef il-boxxla u ma tibqax tirraġuna. Imma hemm imħabba u pjaċir li apparentement iwasslu għall-mewt, bħal dik ta’ Santa Margerita, imma fil-fatt hija dik il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut u minnha toħroġ il-ħajja u l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 12:24).
Imma b’xorti ħażina din mhix kwistjoni ta’ paroli u ta’ diskors. Nistgħu naqblu jew ma naqblux fuq dak li qiegħed ngħid. Mhix kwistjoni ta’ diskors, ta’ teoriji jew ta’ pariri li ssibhom fuq il-kotba, imma huma esperjenza ta’ ħajja. Hija l-esperjenza tal-ħajja li fl-aħħar mill-aħħar tgħidlek min għandu raġun: jekk hux l-imħabba, il-pjaċir li apparentement iwassal għal ħafna ħajja, eċċitament, kultant delirju, imma mbagħad fil-fatt iwassal għall-vojt u għax-xejn; jew inkella hix l-imħabba ta’ Santa Margerita, li apparentement hija mħabba li kif taraha taħsdek. Allaħares nirrealizzaw x’aħna nagħmlu: qegħdin nippreżentaw mudell ta’ persuna adolexxenti li kienet kapaċi tagħti ħajjitha u tmut, tant kemm kienet konvinta minn Min kien iħobbha! Tant kienet tħobb lil Dak li hija kienet konvinta li kien iħobbha, illi kienet lesta li tmut għalih. Mhux ċajta! Kieku kellna nirrealizzaw sewwa, naħseb li naqgħu kollha kemm aħna fi kriżi, l-ewwel wieħed jien.
X’kien hemm fil-mixja tal-ħajja ta’ Santa Margerita li lil din it-tfajla għenha tkun daqshekk matura u kbira, umanament u Kristjanament? Ma kellhiex problemi Santa Margerita? Għax illum l-adolexxenti tagħna jikbru f’familji mfarrkin. Ma kinitx familja mfarrka ta’ Santa Margerita? Ma kellhiex id-diffikultajiet tagħha? Tilfet lil ommha żgħira; ma nafux kemm kellha età, imma żgur li dak il-ftit żmien li kien hemm ta’ relazzjoni bejnha u bejn ommha kien xi ħaġa b’saħħitha tassew. Nixtieq inkellem lill-ommijiet żgħar, lill-ommijiet żgħażagħ: il-maturità umana ta’ żagħżugħ jew ta’ żagħżugħa ma taqax mill-ajru, imma tikber bil-mod il-mod mal-persuna u mal-ewwel passi, l-ewwel mumenti, l-ewwel xhur, l-ewwel żminijiet tal-ħajja, neċessarji, importanti, indispensabbli ta’ relazzjoni bejn l-omm u t-tarbija; jew ma’ persuna minflok l-omm – għax mhux kulħadd ikollu din ix-xorti li jkollu lill-omm fil-bidu tal-ħajja –, bħalma ġara fil-każ ta’ Santa Margerita: ġiet fdata lil persuna adulta li tieħu ħsiebha, li għaliha saret verament punt ta’ riferiment.
Biex ikollna nies maturi umanament u spiritwalment, hemm bżonn ta’ nies li jkunu tgħallmu relazzjonijiet veri u maturi sa minn meta għadhom żgħar. Din hija waħda mill-ikbar problemi li l-bniedem jista’ jibqa’ jġorr ħajtu kollha jekk ma jkollux bażi soda ta’ relazzjonijiet. Dan jitlobhulna l-Mulej innifsu: mhux biss Ġesù fil-Vanġelu, iżda saħansitra fil-ħolqien, meta għamel lill-bniedem xbieha tiegħu. X’jiġifieri ix-xbieha tiegħu? Jidħol f’relazzjoni, imma mhux biss qallu lill-bniedem: “Nisslu u oktru u imlew l-art, aħkmuha” (ara Ġen 1:28), imma għamel lil Eva, bniedma oħra, biex tkun ta’ għajnuna għalih. Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr relazzjonijiet. Allura l-bżonn ta’ relazzjoni kemm jista’ jkun stabbli, awtentika, fit-tul, b’mod speċjali fl-ewwel snin – fl-ewwel sentejn jew tlieta tal-ħajja – hu indispensabbli. Hekk għamilna l-Mulej, il-Ħallieq.
Santa Margerita kibret bejn missier illi kien saċerdot tal-allat pagani u din il-mara li bil-moħbi kienet Nisranija. Tiġi biex tagħżel, u dan il-missier jirrabja, ma jafx fejn jagħti rasu, għax din it-tifla tiegħu – jew almenu tiegħu bijoloġikament, għax milli jidher telaqha, iddistakka ruħu minnha, għax kieku kien ikun jaf x’inhu għaddej u x’inhu jiġri – ippretenda li tagħmel dak li jrid u jixtieq hu. Hawnhekk nidħlu għal element ieħor fundamentali fil-ħajja ta’ wliedna, b’mod speċjali fil-ħajja tal-adolexxenti tagħna. Kemm drabi aħna nippruvaw nimponu x-xewqa u r-rieda tagħna fuq ix-xewqa u r-rieda tal-adolexxenti tagħna, b’mod speċjali fejn hemm id-deċiżjonijiet għall-ħajja! ‘Għax jien irridek tistudja hekk; għax jien irridek ikollok relazzjoni ma’ dik jew ma’ dak; jew ma’ dak mhux sew u mal-oħra mhux sew’. Ma jfissirx li ma nagħtux pariri, li ma nippruvawx nuru t-tajjeb u l-ħażin kollu kemm hu. Anzi, dan hu fundamentali. Imma hemm bżonn li lil uliedna, wara li nkunu tajniehom il-pariri kollha, inħalluhom fil-libertà li jagħmlu l-għażliet tal-ħajja, b’mod speċjali jekk dawn l-għażliet tal-ħajja jkunu għażliet verament tajba. Nisma’ li xi ħadd ifixkel lil tfajla jew lil ġuvni milli jkomplu l-vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża tagħhom. Jista’ jkun li dan ġej minn ħafna biża’ u preokkupazzjoni; jista’ jkun li ma jkunx hemm fiduċja sħiħa fit-tifel jew fit-tifla. Veru. Imma kultant ikun hemm sempliċement projezzjoni, xewqat tal-ġenituri illi jiġu imposti fuq l-ulied. Mhux kulħadd għandu s-saħħa li kellha Margerita. Mhux kulħadd għandu l-kapaċità li jagħmel l-għażla tiegħu anki jekk ma taqbilx ma’ dik tal-ġenituri.
U Margerita tkompli turi l-maturità, il-kapaċità, l-identità tagħha. Imma minn fejn ġabitha din l-identità tagħha Margerita? Min fejn ġabitha din il-kapaċità illi mhux biss tagħżel il-fidi Nisranija, imma tkun kapaċi teħodha saħansitra kontra missierha? Mhux faċli li teħodha kontra r-rabta tad-demm, imma tasal biex tagħmel dan għax ir-rabta tagħha ma’ Ġesù kienet wisq akbar u wisq aqwa. Kienet it-trobbija matura u tajba li tatha dik il-mara, illi forsi mingħajr ma kien jaf missierha Edesju, fada lil bintu Margerita f’idejha. U b’liema mod din il-mara edukat lil Margerita b’tali mod li din saret perla? Nafu li isem Margerita jfisser perla, ġawhra prezzjuża, u nafu wkoll kif il-perla tifforma: permezz tat-tbatija, tal-prova, tad-diffikultajiet. Intom tafu li l-perla tifforma bejn il-qoxra u l-laħam ta’ annimal grostaċju fil-baħar, għax tidħol xi ħaġa forsi fl-imħara, jew annimal ieħor li għandu l-qoxra, u l-annimal minnu nnifsu jifforma l-perla biex jiddefendi ruħu, biex jintegra, biex jgħaqqad fih dik il-ħaġa li ġiet minn barra, dak il-ftit ramel, dak il-ftit żrar li ġie minn barra, u jbiddlu f’perla. Il-kriżi u t-tbatija tinbidel f’xi ħaġa sabiħa. Imma x’għenha lil Margerita ssir perla, xi ħaġa sabiħa? B’liema mod għenitha l-persuna li f’idejha kienet fdata?
Kien hemm żewġ elementi importanti. Nixtieq li intom ġenituri, b’mod speċjali ta’ tfal u adolexxenti, tħaddmuhom dawn iż-żewġ idejn fit-trobbija. Mhux waħda jew l-oħra, imma t-tnejn neċessarji flimkien. Din il-mara kellha l-ewwel u qabel kollox affettività, imħabba u rabta kbira ma’ Margerita, ma’ dik it-tfajla li ma kinitx bintha. U l-ewwel element importanti fit-trobbija tal-ulied, b’mod speċjali fit-trobbija tal-adolexxenti, hu li tibqa’ din ir-rabta ta’ mħabba, anki jekk l-adolexxenti jmeruna, anki jekk fil-karattru tagħhom imeru kulma ngħidu u jgħajruna li aħna skaduti, antikwati u ma nifhmux. Dik ir-rabta ta’ mħabba ma tista’ tieqaf qatt; trid tibqa’. Tant kienet qawwija f’Margerita din ir-rabta ta’ mħabba ma’ min kien jieħu ħsiebha, li din tatha l-qawwa li kienet kapaċi tgħid: ‘Missieri keċċieni. Ma jimpurtax, jiena nibqa’ miexja b’ħajti’. Kienet din il-fiduċja li kellha għal Margerita din il-mara li kienet tieħu ħsiebha.
Attenti intom il-ġenituri b’mod speċjali, meta l-adolexxenti tagħkom jagħmlu għażliet li ma jogħġbukomx, għax ħafna drabi mmorru fuq id-difensiva, immeruhom, nikkontradixxuhom, nirtiraw l-affettività, ma nibqgħux inħobbuhom. Imbagħad hi tispiċċa tintrabat iktar maż-żagħżugħ li int ma tridhiex tintrabat miegħu, mal-persuna jew persuni jew mal-grupp li inti ma tridhiex tintrabat magħha jew magħhom. U jien mingħalija qiegħed nagħmel xi ħaġa kbira, mingħalija qiegħed neduka, qiegħed nifforma! Jiġri fil-fatt bil-maqlub. Ma għandna nirtiraw qatt l-affettività u l-imħabba lejn uliedna. Jekk ma tħobbhomx int lil uliedek, jekk ma tħobbux int lil ibnek, b’mod inkundizzjonat, kif tista’ tippretendi li ta’ barra jħobbuh! Kif tista’ tippretendi li l-oħrajn jistmawha, jekk int ma tħobbhiex mingħajr l-ebda kundizzjoni?
Din hi l-formazzjoni li ħadet Margerita minn din il-persuna li kienet tieħu ħsiebha, imma mhux biss din. Li kieku kienet biss din, kien jiġrilha kif ġralu Olibriju, il-Prefett Ruman li ħa grazzja magħha meta raha tirgħa n-nagħaġ. L-imħabba importanti fir-relazzjoni, imma l-imħabba weħidha mhix biżżejjed. Olibriju, bl-imħabba kbira u tal-ġenn li kellu għal Margerita, ipprova jidħol f’relazzjoni magħha u jġagħalha tiżżewġu. Imma billi din l-imħabba ma kinitx edukata u ma kellhiex direzzjoni u valuri, Olibriju spiċċa biex jeqred lill-istess suġġett tal-imħabba tiegħu. L-imħabba weħidha, l-emozzjonijiet weħidhom, l-impulsi weħidhom – għax jien hekk inħoss, għax jien hekk nixtieq – jaslu biex jeqirdu dak li int qatt ma trid teqred, jaslu biex joqtlu saħanstira lil dak jew dik li tħobb. U għandna esperjenzi ta’ hekk madwarna, il-ħin kollu, meta l-imħabba mhix marbuta flimkien mad-direzzjoni, mal-valuri. Dan huwa t-tieni element.
Margerita żgur li rat ħafna direzzjoni, rat ħafna valuri, rat ħafna Vanġelu, rat ħafna lil Ġesù, rat ħafna raġunament u mhux biss emozzjonijiet. Żgur li din il-mara kienet titkellem magħha ħafna u fuq kollox, kienet titkellem magħha fiż-żgur fuq l-esperjenzi tal-ħajja. Ma kienx hemm esperjenza, kerha jew baxxa jew għolja, li fuqha Margerita ma setgħetx titkellem ma’ din il-persuna li kienet tieħu ħsiebha. U meta kienet titkellem, din il-persuna ma kinitx tgħidilha biss jekk għamlitx tajjeb jew ħażin, imma kienet tirraġuna u tipprova tikkonvinċiha x’jiġifieri timxi fuq valuri jew x’jiġifieri timxi fuq emozzjonijiet u dak li tħoss biss; x’jiġifieri timxi fuq prinċipji u x’jiġifieri timxi fuq l-aptit.
B’xorti ħażina, intom tafu bħali li qed ngħixu f’soċjetà li kontinwament timxi fuq l-aptit, fuq dak li fil-mument tħoss li hu l-aħjar għaliha. Tonqos id-direzzjoni, jonqos il-Vanġelu, jonqos Ġesù Kristu, u soċjetà li timxi biss fuq din l-imħabba għamja, mingħajr direzzjoni, fuq emozzjonijiet, tispiċċa biex tagħmel suwiċidju u toqtol lilha nfisha. Mhux qiegħed ngħid ħwejjeġ ta’ barra minn hawn. Ħarsu ftit meta tinqala’ separazzjoni: l-oġġett li darba kien ta’ mħabba – dik il-mara, dak ir-raġel – isir oġġett li kieku tista’, teqirdu, toqtlu, twarrbu minn quddiem għajnejk. Mhux qiegħed ngħid affarijiet ta’ barra minn hawn. Din hija r-realtà. Araw x’jiġri meta jkollok tifel jew tifla illi jmur kontra r-rieda tiegħek, kontra dak li tixtieq int: l-oġġett tal-imħabba jsir għalik oġġett ta’ aggressività, ta’ rabja. Araw x’jiġri meta ommok u missierek forsi jiffrustrawk għax ma ħallewlekx dak li xtaqt int jew kif xtaqt int: l-oġġett tal-imħabba mingħajr direzzjoni, mingħajr Vanġelu, mingħajr Alla, mingħajr Ġesù Kristu, isir oġġett ta’ mewt. Dan hu dak li jesperjenzaw iż-żgħażagħ tagħna. X’hemm isbaħ mid-divertiment? X’hemm isbaħ milli tieħu gost? X’hemm isbaħ milli tifraħ flimkien? X’hemm isbaħ milli tħossok kuntent? L-oġġett tal-imħabba jsir oġġett ta’ mewt: droga, xorb, sess bla rażan; oġġett ta’ mewt, għax mingħajr Ġesù Kristu.
Jiena naħseb li mhux iż-żgħażagħ u l-adolexxenti biss, iżda s-soċjetà kollha kemm hi f’dan il-mument partikolari tal-istorja trid toqgħod attenta. Irridu noqogħodu attenti aħna l-Insara li ma nittiħdux minnha. Ma rridx inkun profeta tad-dlam jew negattiv, iżda naħseb li kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu u kulħadd għandu widnejh f’rasu. Kollha kemm aħna naraw u nisimgħu. Għandna bżonn verament dik ir-rabta ta’ mħabba li kellha Margerita mal-persuna ta’ Ġesù u nifhmu kemm Ġesù jħobbna. Ara taħsbu li Margerita ħabbet lil Ġesù bil-ħila tagħha biss! Ara ma tmorrux taħsbu li Margerita kienet xi eroj partikolari illi tant kellha rieda soda u qawwa fl-ispirtu tagħha illi ma beżgħetx mill-mewt! Le. L-imħabba li Margerita kellha lejn Ġesù bdiet għax fehmet l-imħabba kbira li Ġesù kellu għaliha. Hawn jingħaqdu flimkien l-imħabba u l-valuri, l-imħabba u l-Vanġelu, l-imħabba u d-dixxiplina, fil-persuna ta’ Ġesù.
L-imħabba ta’ Olibriju hija mħabba li tasal saħansitra biex toqtol l-oġġett tagħha – kien iħobb lil Margerita, imma għalih innifsu mhux għal Margerita, tant illi qal: ‘Jew miegħi jew ma teżistix. Jew tiegħi jew ma teżistix’. Hi mħabba li ssir possessiva, imħabba illi mhi mħabba xejn, imħabba li tagħmel oġġett mill-persuna jew mill-persuni li tgħid li tħobb. Imma Ġesù jimxi mod ieħor: tant int importanti għalih! Hu dan li fehmet Margerita: mhux talli ma jużax lili, mhux talli ma jħobbnix u joqtolni, talli jħobbni tant li jmut għalija. Hawn qiegħda l-qalba fil-mentalità, fil-mod ta’ kif għandna nirraġunaw aħna l-Insara. Hawn hu l-mod ta’ kif għandna ngħinuhom jirraġunaw l-adolexxenti tagħna. Hemm imħabba li apparentement twassal għall-ħajja, imma titfgħek fl-infern bil-mod il-mod, mhux dak tad-dinja li ġejja imma tal-ħajja tal-lum, għax teqridlek ħajtek. Imma hemm imħabba li apparentement hija telliefa u twassal għall-mewt, għax tagħti lilha nnifisha, imma fil-fatt timliek bil-ħajja, timliek bl-enerġija kif imliet lil Santa Margerita. Din l-imħabba hija Ġesù!
Allura hawnhekk ma nistax jien bħala konklużjoni ma nħeġġiġkomx biex nidħlu lkoll iktar f’relazzjoni intima mal-persuna ta’ Ġesù. Għandkom il-Kappella tal-Ewkaristija hawnhekk ftit ’il bogħod. Hawn il-knisja. Għandna elf mod ta’ kif nibqgħu f’kuntatt, mhux biex inħobbu Lilu aħna, imma biex inħossu l-imħabba li Hu għandu għalina, biex nifhmu tassew li l-imħabba mingħajr direzzjoni u valuri, mingħajr Vanġelu, hi mħabba li teqred, hija mħabba tal-mewt.
Tant kienet konvinta minn dan Santa Margerita li saħansitra ddeċidiet li tibqa’ verġni. Mur tkellem fuq il-verġinità llum! Importantissma l-verġinità llum! Ħa ngħidilkom eżempju sempliċi: il-verġinità fiż-żwieġ. X’jiġifieri l-verġinità fiż-żwieġ? Illi jien inkun kapaċi, għax hekk hemm bżonn, għall-aħjar tal-persuna l-oħra, li nirtira, li nibqa’ lura: mhux il-mument, mhux il-waqt. Nibqa’ lura għax dik mhix pussess tiegħi, mhix oġġett tiegħi li nagħmel bih li rrid jien. Dik persuna! Neħħi l-kastità u l-verġinità miż-żwieġ, u dik il-persuna ssir oġġett, nużaha meta rrid, kif għandi aptit, kif irrid jien.
Neħħi l-kastità u l-verġinità mill-adolexxenza. Illum l-adolexxenti tagħna, mhux kollha imma ħafna minnhom, iħossu li jekk ma jidħlux f’intimità sesswali ma’ xi ħadd, mhumiex adolexxenti, mhumiex żgħażagħ. Imsieken! Għax qegħdin iħawdu r-relazzjonijiet, qegħdin iħawdu l-imħabba mal-pjaċir egoistiku. Tgħiduli: ma joħorġux minnha? Joħorġu minnha, u allaħares le, imma bit-tbatija, nikkumplikaw ħajjitna. Ma nitgħallimx illi l-intimità sesswali mhix għajr espressjoni ta’ għotja, ta’ mħabba, u mbagħad tkun iebsa iktar ’il quddiem biex ngħixha, għaliex inkun esperjenzajtha mod ieħor, bħala att egoistiku, bħala prova, bħala gost, bħala pjaċir personali. Għiduli intom kemm ibatu żewġ żgħażagħ li jibdew ir-relazzjoni tagħhom ibbażata fuq esperjenzi sesswali prekoċi! Ibatu biex jifhmu li xulxin, biex iħobbu lil xulxin tassew.
Ara taħsbu li l-Knisja hija antikwata meta tgħid: “Stenna ż-żwieġ biex tidħol f’intimità sesswali”. Għax is-sesswalità għall-Knisja hija importanti. Is-sesswalità mhix cheap għall-Knisja. Forsi kien hemm żmien li fih bir-raġun konna ngħidu li l-Knisja kienet tibża’ mis-sesswalità. Imma mhux biss. Il-Knisja żammitha fl-għoli s-sesswalità, għax hekk għamilha Alla. Is-sesswalità xi ħaġa kbira, u meta tnejn jidħlu f’intimità sesswali flimkien, dan jagħmluh mhux biex jieħdu mingħand xulxin, mhux biex jisirqu l-pjaċir mingħand xulxin. Tkun fqira wisq, iħossuhom użati t-tnejn, oġġetti t-tnejn. Il-Vanġelu u l-Knisja bl-intimità sesswali jifhmu u jixtiequ li wieħed jagħti lilu nnifsu totalment lill-oħra, waħda tagħti lilha nnifisha totalment lill-ieħor. Din tfisser l-intimità sesswali, u għalhekk hemm bżonn tal-verġinità ta’ Santa Margerita anki fiż-żwieġ.
Nitolbu lill-Mulej fl-Ewkaristija biex jgħinna tassew nifhmu x’jiġifieri li hu jħobbna, għax jekk ma nifhmux l-imħabba tiegħu, jekk ma nifhmux l-għotja tiegħu li ser isseħħ issa fl-Ewkaristija, ikun diffiċli għal kull wieħed u waħda minna biex inħobbu u biex nixbhu lil Santa Margerita.