Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-valangi fl-Etjopja

Il-Papa Franġisku jfakkar li l-gwerra hi dejjem telfa

Fi tmiem l-Angelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku offra t-talb tiegħu għall-vittmi tal-valanga kbira li ħakmet raħal fin-Nofsinhar tal-Etjopja. Qal li jinsab qrib in-nies li qed ibatu u dawk il-ħaddiema tas-salvataġġ li qed jipprovdu l-assistenza.

Sal-Ħadd nofsinhar il-vittimi li tilfu ħajjithom kien ilaħħaq il-257; imma dan in-numru kompla jiżdied, wara li seħħet valanga oħra devastanti f’Gofa Zone, fin-Nofsinhar tal-Etjopja, filwaqt li l-popolazzjoni milquta għandha bżonn iddisprat tal-għajnuna umanitarja. L-ewwel valanga fil-lokalità muntanjuża remota ta’ Kencho Shacha Gozdi, kienet ikkawżata minn xita qawwija fil-21 u 22 ta’ Lulju; u t-tieni waħda, għattiet lil dawk li kienu nġabru biex isalvaw in-nies.

Il-Papa rrimarka kif daqstant nies fid-dinja qed ibatu minħabba diżastri naturali u l-ġuħ; filwaqt li l-manifattura u l-bejgħ tal-armi qed ikompli jiżdied, u jrawmu gwerer kbar u żgħar, li qed jikkunsmaw r-riżorsi globali. Huwa sejjaħlu “skandlu” li l-komunità internazzjonali m’għandhiex tittollera, kif ukoll kontradizzjoni mal-ispirtu ta’ fraternità li jikkaratterizza l-Logħob Olimpiku li għadu kemm fetaħ f’Pariġi. Huwa saħaq li “l-gwerra hija telfa” għall-umanità.

Imbagħad il-Papa Franġisku fakkar fil-Jum Dinji għan-Nanniet u l-Anzjani, li din is-sena kellu t-tema “Tkeċċinix fix-xjuħija” mill-Ktieb tas-Salmi. L-Qdusija Tiegħu kkritika kif l-abbandun tal-anzjani huwa realtà ta’ diqa li trid tiġi ndirizzata, speċjalment matul is-sajf, meta s-solitudni ħafna drabi ssir piż tqir biex iġorr.

Talab lil kulħadd biex jisma’ l-leħen tal-anzjani li qed jgħidu: “Tabbandunawniex!” Ħeġġeġ ukoll li tissaħħaħ l-alleanza bejn in-neputijiet u n-nanniet, żgħar u kbar, u żied li lkoll ngħidu “le” għas-solitudni tal-anzjani, hekk kif il-futur tagħna jiddependi wkoll minn kif in-nanniet u n-neputijiet jitgħallmu jgħixu flimkien.

Bħala konklużjoni talab lil kulħadd biex jiftakru dejjem fl-anzjani u jagħtu ċapċipa lin-nanniet kollha.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-07/pope-prays-victims-ethiopia-landslides-recalls-war-a-defeat.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading