minn Manwel Cutajar
Aktar tagħrif storiku
Kif għidna fl-ewwel parti ta’ dal-artiklu, dil-Arċikonfraternità twaqqfet bil-ħeġġa tad-dumnikan Tommaso Stella, fil-Knisja ta’ Santa Marija Sopra Minerva fis-sena 1539. Kienet ġiet approvata bil-Bolla Pontifiċja tal-Papa Pawlu III (1534-1549) li flimkien mat-titlu onorarju tal-Arċikonfraternità ġiet mogħnija wkoll b’Indulġenzi u privileġġi mill-Papa.
Din l-Arċikonfraternità tqegħdet bħala mudell għall-Konfraternitajiet kollha simili. Il-Konċilju ta’ Trento (1545- 1563) ħeġġeġ it-twaqqif tagħha f’kull parroċċa. L-indulġenzi ġew aktar tard imġedda mill-Papa Pawlu V (1605-1621).
Fil-bidu tagħha dil-Arċikonfraternità setgħet titwaqqaf fil-knejjes parrokkjali,u li dawn il-konfraternitajiet kollha setgħu jgawdu mill-Indulġenzi tal-Arċikonfraternità.
Dan il-privileġġ ġie kkonfermat mill-ġdid f’diversi żminijiet minn bosta Papiet oħra li esprimew ix-xewqa li l-isqfijiet jistabbilixxu dil-Arċikonfraternità kullimkien fil-knejjes parrokkjali kollha tad-djoċesijiet tagħhom.
Is-servizzi liturġiċi u reliġjużi
Dil-Arċikonfraternità għandha l-missjoni li tapprofondixxi fl-imħabba u l-qima tal-membri konfratelli tagħha lejn l-Ewkaristija Mqaddsa,billi trawwimhom u tħeġġiġhom spiritwalment permezz tal-Quddiesa u l-Adorazzjoni Ewkaristika, speċjalment nhar ta’ Ġimgħa fil-parroċċi, u tappoġġja l-manteniment u ż-żamma tas-Santwarji u l-knejjes permezz ta’ servizzi volontarji u appoġġ finanzjarju kull meta jkun hemm il-ħtieġa. Il-konfratelli għandhom id-dmir u d-dritt li jieħdu sehem sħiħ u attiv ukoll f’irtiri tar-Randan u rtiri oħra, attivitajiet reliġjużi u f’laqgħat ta’ talb u ta’ direzzjonijiet u formazzjoni reliġjuża u spiritwali mħejjija apposta għalihom u l-familji tagħhom matul is-sena.
Talba tal-Arċikonfraternità
Kull glorja, tifħir u Adorazzjoni Lilek,Mulej Ġesù Kristu,preżenti fis-Sagrament Mqaddes tal-Artal,fuq it-tron tas-Sema,u fil-qlub tal-poplu fidil tiegħek.Inħobbok.Jalla l-ħniena bla limitu Tiegħek tkun magħna u mad-dinja kollha. Ammen.
Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Santa Ġiljana Falconieri
Ġiljana twieldet fis-sena 1270 fil-familja Falconieri ta’ Firenze. Il-ġenituri tagħha kienu ffinanzjaw il-bini ta’ Santissima Annunziata, Firenze, il-knisja ewlenija tat-Terz Ordni reliġjuż tas-Serviti. Iz-ziju ta’ Ġiljana, Sant’ Alexis Falconieri (1200-1310), huwa wieħed mis-Seba’ Fundaturi tal-Ordni reliġjuż tas-Servi ta’ Marija. Kien strumentali ħafna fit-trobbija ta’ Ġiljana, peress li missierha kien miet meta kienet żgħira ħafna. Taħt id-direzzjoni ta’ zijuha, Ġiljana ddeċidiet li ta’ 15-il sena tgħix il-ħajja kkonsagrata u tagħti ħajjitha lil Sidna Ġesu Kristu fis-servizz Tiegħu. Ommha Riguardata xejn ma kienet kuntenta b’din id-deċiżjoni, iżda Ġiljana kellha rieda qawwija ħafna.
Wara l-mewt ta’ missierha, hija fis-sena 1285 irċeviet l-abitu reliġjuż tas-Servi mingħand San Filippu Benizi de Damiani (1233-1285), dak iż-żmien il-Pirjol Ġenerali ta’ dak l-Ordni baqgħet id-dar sal-mewt ta’ ommha kif kien ordnalha Benizi. Wara Ġiljana u diversi kompanji tagħha marru joqogħdu f’dar tagħhom fl-1305. Dan sar l-ewwel kunvent tas-Sorijiet tat-Terz Ordni tas-Serviti li kienet waqqfet Ġiljana. Hija kienet l-ewwel superjura tagħhom.
Ta’ min jgħid li l-libsa tas-sorijiet Serviti kienet tikkonsisti f’libsa sewda, mwaħħla b’ċintur tal-ġilda, u velu abjad. Minħabba li l-libsa kellha kmiem qosra biex tiffaċilita x-xogħol tagħhom ta’ għajnuniet fiżiċi u kemxejn diffiċi ta’ tqandil u ta’ tbatija li kienu jwettqu ma’ nies foqra u morda, in-nies sejħu lil dawn is-sorijiet tal-Ordni l-ġdid “Mantellate”.
Id-devozzjoni ewlenija tas-sorijiet Serviti kienet lejn il-Madonna tad-Duluri u l-attività ewlenija tagħhom kienet il-kura tal-morda, anzjani u foqra..Ġiljana flimkien mas-sorijiet tal-Ordni tagħha kienu ta’ kuljum jieħdu ħsieb il-morda fit-toroq, fid-djar, u fl-isptarijiet.
Hu magħruf li Ġiljana spiss kienet tgħaddi mumenti twal ta’ talb, f’Adorazzjoni Ewkaristika u saħansitra kien ikollha wkoll mumenti ta’ estasi..
Hija kienet devota wisq tal-Ewkaristija Mqaddsa.
Ġiljana mexxiet il-komunità tat-Terz Ordni tas-sorijiet tas-Serviti għal 35 sena sa tmiem ħajjitha. Madanakollu, kienet aktar qaddejja milli Superjura tas-sorijiet.
Il-Miraklu Ewkaristiku
Fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha, Ġiljana bdiet tbati b’marda fl-istonku tagħha, li maż-żmien saret aktar akuta, tant li ma kienet tista’ żżomm l-ebda ikel solidu fl-istonku tagħha. Dan żammha milli tirċievi wkoll l-Ewkaristija. Tnikktet ferm li ma setgħetx tirċievi lill-Mulej fl-Ewkaristija. Hi kkonvinċiet lis-saċerdot, Fr. James de Campo Reggio, biex iġib l-Ewkaristija ħdejn is-sodda tagħha biex tal-inqas tara lil Sidha Ġesu qabel ma tmut. Il-qassis aċċetta.Meta daħħal is-Sagrament Imqaddes fil-kamra, Ġiljana kellha xewqa kbira li tmiss l-Ewkaristija.Hi talbet lill-qassis biex iħalliha tbus l-Ostja Qaddisa. Għall-ewwel huwa rrifjuta. Hija stenniet ftit aktar. Iżda kien ovvju ħafna għal kulħadd li kienet waslet fit-tmiem ħajjitha. Talbet lill-qassis biex ipoġġi korporal fuq sidirha, u sempliċement iqiegħed l-Ewkaristija fuq sidirha imqar għal mument wieħed, qrib qalbha. Is-saċerdot, sabha diffiċli ħafna li jiċħad ix-xewqa tagħha, għalhekk Fr. James qiegħed korporal fuq sidirha, u poġġa l-Ewkaristija, kif kienet talbet Ġiljana. Hekk kif is-saċerdot poġġa l-Ostja din l-Ostja ftit wara għebet u ħalliet marka vjola fuq il-korporal,għall-istagħġib ta’ kull min kien miġbur fil-kamra.
Ġiljana għalqet għajnejha u tbissmet ferħana. Qatt ma reġgħet fetħithom. Bil-preżenza ta’ Sidna Ġesù fuq qalbha, ħajjitha kienet twettqet kif dejjem xtaqet, u marret ħdejH.
Juliana mietet fis-19 ta’ Ġunju1341 fl-età ta’ 71 sena.
Meta ġisimha kien qed jitħejja għad-difna, fuq qalbha ġiet skoperta marka ta’ ċirku daqs Ostja, b’immaġni tal-Kurċifiss fuqha. Fuq sidirha nstabet ix-xbieha tas-Salib bħal dik ta’ fuq l-Ostja Ewkaristika.
Għalhekk hi rappreżentata fl-arti u statwi b’Ostja fuq qalbha.
Immedjatament wara mewtha Ġiljana kienet meqjuża u meqjuma bħala qaddisa. L-Ordni tas-Serviti kien ġie approvat mill-Papa Martin V fis-sena 1420.
Hija ġiet ibbeatifikata fis-26 ta’ Lulju 1678 mill-Papa Innoċenz XI.
Il-Papa Benedittu XIII għaraf id-devozzjoni li kienet ilha tingħata lilha, u ta l-permess lis-sorijiet tas-Serviti biex jiċċelebraw il-festa tal-fundatriċi tagħhom.
Ir-relikwi ta’ Santa Ġiljana issa jinsabu fl-artal tal-kappella tas-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija fil-bażilka ta’ Santissima Annunziata ta’ Firenze.
Il-Papa Klement XII ikkanonizza lill-Beata Ġiljana fis-16 ta’ Ġunju 1737 f’Ruma, u estenda ċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-festa tagħha (19 ta’ Ġunju) għall-Knisja kollha.
Santa Ġiljana ġeneralment hi rappreżentata bl-abitu reliġjuż tal-Ordni tagħha b’Ostja fuq sidirha.
Santa Ġiljana hija l-patruna ta’ nies li jbatu minn kull tip ta’ mard kroniku.
L-istatwa ta’ Santa Ġiljana Falconieri tinsab fil-Bażilka ta’ San Pietru, Ruma, fil-belt tal-Vatikan.