Il-Ħamis, 15 ta’ Awwissu 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Jum is-Solennità tal-Għid tal-Assunta. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Kull tiċrita tqanqal fina dehxa, weġgħa, u ħafna drabi din il-weġgħa, anki jekk taqta’ subgħajk, tinbidel malajr jew f’sens ta’ ħtija jew f’sens ta’ rabja, għal xi ħadd jew għal xi ħaġa, jew għalina nfusna. U meta din it-tiċrita ssir f’ġisimna, mingħajr ma nikkmandawh, ġisimna, normalment, jekk ikun mhux ħażin fis-saħħa, jibda jagħmel kulma jista’ biex dik it-tiċrita jirreparaha u jfejjaqha.
Imma hemm tiċritiet oħra, hemm firdiet oħra li jmorru lil hinn minn dawk tal-laħam, tal-ġilda tal-ġisem. Hemm it-tiċritiet fil-qalb tagħna. Nixtieq ħaġa u ssir oħra, kelli ideal u skop f’ħajti u ma lħaqtux, kelli relazzjoni illi kont qed nibni bil-mod ma’ persuna jew ma’ persuni, u dawn inkisru, ħtija tiegħi jew mhix. Tiċritiet fil-qalb, imma jistgħu jkunu wkoll tiċritiet fil-qlub, fir-relazzjonijiet. Araw x’jiġri meta jkun hemm ferita f’relazzjoni, meta tnejn li jkunu ħabbew lil xulxin għal tant snin, infirdu. Araw x’jiġri meta t-tfal jitilfu l-preżenza kontinwa ta’ xi ħadd jew ta’ tnejn mill-ġenituri. Kull tiċrita tħalli weġgħa, dehxa, u tinbidel f’rabja jew sens ta’ ħtija. U r-rabja u s-sens ta’ ħtija u l-weġgħa ma jħalluniex sew; ipoġġuna f’sitwazzjoni li aħna ngħidulha ‘tal-inkwiet’. L-inkwiet jiġi ħafna drabi mit-tiċrit, mhux tant mit-tiċrit tal-ġisem, mhux tant mill-firda fil-ġisem – dik ukoll – imma mill-firda fil-qalb jew bejn il-qlub. L-inkwiet jiġi bil-ġlied, mit-tilwim, mid-diffikultajiet, mill-kunflitti li aħna ngħixu fil-persuna tagħna jew li ngħixu ma’ persuni oħra.
Tgħiduli, dan x’għandu x’jaqsam mal-Festa ta’ Santa Marija? Għandu x’jaqsam ħafna, għax din il-festa ta’ Santa Marija, din il-festa ta’ din il-Mara kbira hija l-festa tal-għaqda, hi l-festa tar-restawr, hi l-festa tal-fejqan, tal-fejqan tal-firda bejn ir-ruħ u l-ġisem – Marija titla’ fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem, u ħafna mill-firdiet tagħna jsibu l-oriġini tagħhom proprju fil-firda bejn ir-ruħ u l-ġisem, imma hemm firda oħra, illi llum qed niċċelebraw il-fejqan tagħha, illi llum qed niċċelebraw solennità kbira – l-għaqda ta’ bejn il-bniedem u Alla. Marija li titla’ fis-sema, Marija meħuda fis-sema. Dawn huma żewġ firdiet illi aħna mingħajr ma nindunaw, li mingħajr ma nkunu nafu fil-ħajja tagħna, żewġ firdiet li jġibulna sitwazzjoni ta’ inkwiet, ta’ dwejjaq – il-firda bejn ir-ruħ u l-ġisem, bejn l-ispirtu, bejn ir-raġuni tagħna, bejn il-grazzja li tana Alla, bejn il-ġisem tagħna, ix-xewqat, l-ispirazzjonijiet u l-emozzjonijiet tagħna, u l-firda ta’ dan il-ġisem, ta’ din il-persuna kollha kemm hi, il-firda minn ma’ Alla, il-firda ma’ Alla.
Illum qegħdin niċċelebraw biċċa mill-art fis-Sema – Marija meħuda fis-Sema. Imma ma ninsewx illi l-Festa tal-lum hi possibbli għaliex Marija niżżlet is-Sema fl-art. Il-Festa tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema mill-art hi possibbli għax kienet hi li kienet mogħtija li tniżżel is-Sema fl-art. Fiha tnissel, kiber, tkabbar l-istess Iben ta’ Alla, Ġesù. Imma dak li jiġri lil Marija jiġri lilna wkoll, jekk aħna nagħżlu b’libertà, bil-persuna tagħna, bil-qawwa u l-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, illi nirreparaw, nirrikonċiljaw, ngħaqqdu flimkien ir-ruħ u l-ġisem, il-persuna tagħna ma’ dik ta’ Alla, biex mil-lum, bħal Marija, aħna wkoll inniżżlu biċċa mis-Sema fl-art.
Aħna ninsew, inbatu ħafna bid-dimensja, inbatu ħafna bl-amnesija, ninsew li aħna xbieha ta’ Alla, li f’kull wieħed u waħda minna hemm b’xi mod immarkata l-id, id-DNA spiritwali tat-Trinità. U meta aħna ninsew, meta ninfirdu mit-Trinità, mill-għajn, mis-sors tal-enerġija tas-saħħa u tal-ħajja tagħna, mingħajr ma nindunaw nieħdu dehxa, inweġġħu, inkunu rrabjati u ngħixu fil-ħtija, mingħajr ma nindunaw. Dawn huma l-ikbar u l-iktar żewġ sentimenti komuni fost il-bnedmin: ir-rabja u s-sens tal-ħtija li jiġu mill-biża’, b’mod speċjali ta’ dak li ma nafux, fejn tonqos il-perspettiva, fejn tonqos id-direzzjoni, fejn jonqos l-iskop u l-objettiv ta’ dawn l-erbat ijiem ħajja li għandna fuq din l-art.
Mela ejjew induru ftit lejn l-istorja ta’ Marija biex naraw kif hi għexet is-Sema fl-art, kif hi din ir-rabta, din l-għajn, dan is-sors tal-ħajja tagħna, it-Trinità, għexitha fil-ħajja tagħha ta’ kuljum, fl-istorja tagħha f’Nazaret, f’Ġerusalemm, f’postijiet konkreti tal-ħajja ta’ kuljum fid-dar, mal-ħbieb, mal-qraba, kif ngħixu aħna, għax Marija waħda minna. Hekk jgħid l-Isqof qaddis Tonino Bello: “Marija waħda minna”. U jekk hi waħda minna, aħna wkoll nistgħu nimitawha, ngħixu bħalha u rridu nħarsu lejha biex nitgħallmu aħna wkoll inħitu t-tiċritiet, nirrestawrar il-firdiet, infejqu l-feriti li jinbtu minn żmien għal żmien, mingħajr ma nindunaw kultant fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Hemm, iva, feriti li aħna ma nistgħux infejquhom, marbutin mal-kreaturalità tagħna, mal-fatt li aħna ħolqien, mal-fatt li aħna m’aħniex perfetti, mal-fatt li aħna m’aħniex allat. Imma hemm feriti oħra li nġibuhom b’idejna, li għandna kontroll fuqhom, li aħna nistgħu nirranġaw jekk inħarsu lejn Marija, jekk ngħixu aħna wkoll bħalha, bis-Sema fl-art, biex imbagħad, meta jasal il-waqt, ma jkunx diffiċli biex aħna wkoll nitilgħu s-Sema, bħalha, magħha. Tinsewx li l-impenn tagħna fuq din l-art hu li ngħixu s-Sema fl-art. Jgħiduhulna l-Ittri tal-Appostli, San Pawl b’mod speċjali: “Aħna pajżani tas-sema pajjiżna” (Fil 3:20). Tlabna fit-Talba tal-bidu ta’ din il-quddiesa: “Agħtina, Mulej, li naħsbu fil-ħwejjeġ tas-Sema”. U taħseb fil-ħwejjeġ tas-Sema ma jfissirx li tgħix fis-sħab, maqtugħ mill-art, jew toqgħod fil-knisja 24 siegħa kuljum. Xejn minn dan! Taħseb fil-ħwejjeġ tas-Sema jfisser tkun bniedem, tkun raġel u mara ta’ veru, tkun raġel u mara kollok kemm int, mingħajr ma titlef l-ebda parti mill-esperjenza umana tiegħek, tal-personalità tiegħek, la dik intra-psikika, la dik personali tiegħek, la dik interpersonali mal-oħrajn, la dik razzjonali-spiritwali ma’ Alla, mas-sors, mal-enerġija vera tal-eżistenza tagħna li aħna ħafna drabi ninsew.
L-atteġġjament ta’ Marija fil-mument tat-Tħabbira tal-Anġlu
Kif għexet Marija s-Sema fl-art f’ħajjitha? Fit-Tħabbira tal-Anġlu, Marija toqgħod biex tisma’ l-Kelma, forsi kif qegħdin aħna dalgħodu, li għadna kif smajna l-Kelma. Din il-Kelma li aħna nisimgħu – u għalhekk dak l-‘istorbju’ kollu mal-Vanġelu, għalhekk dik l-Hallelujah sabiħa li għadna kif smajna ftit ilu, għalhekk qomna lkoll bilwieqfa ma’ dak il-ktieb tal-fidda, għaliex hija l-Kelma ta’ Alla u hi importanti li tagħtina d-dawl għal ħajjitna, id-direzzjoni, ftit pożittività u ottimiżmu fid-diffikultajiet li ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U dan għexet Marija meta l-Anġlu jkellimha. L-anġlu huwa l-Kelma ta’ Alla, Alla li jkellem lill-bniedem. Ma kinitx esperjenza unika jew ta’ privileġġ għal din il-mara b’mod waħdieni, b’mod uniku, imma hija l-esperjenza li aħna nistgħu nagħmlu, kull wieħed u waħda minna, kull darba li aħna nisimgħu b’serjetà l-Kelma ta’ Alla u nħalluha tidħol fina.
U fuqiex kellimha l-anġlu lil Marija? “Se tnissel u jkollok iben” (Lq 1:31). Ikellimha fuq il-wild, fuq it-tnissil, fuq it-twelid, fuq tarbija. U r-risposta ta’ Marija xi tkun? Ma ninsewx li Marija kienet għażlet, almenu hekk tgħidilna t-Tradizzjoni tal-Knisja, li tibqa’ verġni. Li kien jiddependi minnha, kienet tibqa’ xebba, imma Alla, fil-ħsieb u l-pjan tiegħu, ħafna drabi jaġixxi b’mod kuntrarju, jaħsadna fil-mod ta’ kif jagħmel fil-ħajja tagħna ta’ kuljum… Alla għażel mod ieħor għaliha. Kif tant jiġri lili, lilek, lilna: kull ħasda li tiġrilna fl-istorja ta’ ħajjitna tista’ tkun bħal dik ta’ Marija. U Marija kif tirrispondi lill-anġlu? “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek” (v. 38). U hawn diġà għandna rabta bejn ir-ruħ u l-ġisem, bejn Marija u Alla, li ħafna drabi aħna nitilfu fl-esperjenza tal-ħajja tagħna.
Araw x’inhu jiġri fi żmienna fejn jidħol it-tnissil u t-twelid tal-ulied. Aktar milli lil Alla ngħidulu: ‘Ħa jsir minni skont kelmtek’, ngħidulu: ‘Ħażin għalik jekk ma tagħmilx kif irrid jien, għax dak li ma tagħtinix int, inġibu mod ieħor’. Ħafna drabi dan ifisser tiċrita minn dak li hu naturali, firda u ferita minn dak li hu tas-soltu, mill-mod kif jaħdem Alla, mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja ta’ kull bniedem. Imma l-problema vera mhijiex din, il-problema vera mhix l-IVF, mhix l-abort… il-problema vera qiegħda fil-fatt li lil Alla ngħidlu: ‘Hawn nikkmanda jien, hawn nagħmel li rrid jien, mhux li trid int’. Tgħiduli: ‘Jekk inkun solvejtha, ma tibqax problema!’. Mingħalik! Għaliex tibqa’ problema? Għax jekk int ma taħdimx fuqek innifsek, jekk int ma tindunax li qiegħed tagħmel dak li trid int u mhux dak li jrid Alla, int tibqa’ bl-istess attitudni f’kollox… mar-raġel, mat-tfal meta jikbru, ma’ ommok, ma’ missierek.
U x’jiġri jekk int trid tagħmel dejjem dak li trid int, u jekk qatt ma tgħid bħal Marija: ‘Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek’? It-tiċrita tkompli tikber u tkompli żżarrat bħal meta tiġbed ħajta. Għax il-problema mhix it-tfal jew li ma rridhomx, imma hi iktar fonda. Il-problema hi: ‘Hawn nikkmanda jien, hawn nagħmel li rrid jien, għandi l-flus allura nagħmel triq fil-baħar’. Dik hi l-problema, u t-tiċrita ma tfiqx, u jien nibqa’ bit-tiċrita, jien ngħixha l-firda ġo fija, jien ngħixha r-rabja, il-biża’ jew is-sens ta’ ħtija, u nipprova nifgaha b’mod jew b’ieħor.
Imma Marija tgħallimna wkoll li jista’ jkun hemm tiċrita fir-relazzjonijiet. X’tagħmel Marija wara li tisma’ lill-anġlu jkellimha? Titlaq u tmur għand Eliżabetta. Kemm nisimgħu b’relazzjonijiet foloz, li jkunu mimlijin b’apparenza, dak li jidher minn barra… ħafna kliem sabiħ quddiemek, imbagħad daqqiet tas-sikkina u stalletti wara dahrek. Kemm nisimgħu minn dawn ir-relazzjonijiet! Kemm relazzjonijiet li apparentement huma normali, imbagħad meta tidħol fil-fond issib li hemm ħafna għira, mibegħda, kompetizzjoni. Kemm relazzjonijiet bħal dawn!
X’tgħallimna Marija fir-relazzjonijiet biex is-Sema jinżel fl-art, ħalli mbagħad aħna wkoll nibdew ngħixu s-Sema diġà minn din l-art, u tkun naturali li aħna wkoll magħha nitilgħu fis-Sema meta jasal il-waqt? Is-sinċerità, l-imħabba, l-awtentiċità fir-relazzjonijiet tagħna. Il-ġlieda li aħna rridu nagħmlu magħna nfusna biex negħlbu ċerti sentimenti bħalma hi l-għira, b’mod speċjali bejn l-aħwa. Kemm għira bejn l-aħwa! Kemm għira bejn nies li jiġu minn xulxin! Marija tgħallimna. Hi li kienet tiġi minn Eliżabetta, kienet differenti minn minnha: hi kienet żagħżugħa u Eliżabetta kienet mara anzjani; hi kienet ġejja minn familja sempliċi u Eliżabetta minn familja tas-saċerdoti, minn familja ta’ klassi. Imma dawn it-tnejn ma joqogħdux jaraw id-differenzi ta’ bejniethom, imma jqisu lil xulxin b’rispett, bi stima. Kull persuna għandha d-dritt u jedd għal stima u rispett.
Imma jekk aħna nerġgħu nduru għall-ewwel episodju ta’ Marija, jekk aħna lil Alla ngħidulu: ‘Mhux kif trid, imma kif irrid jien’, allura nsewhom ir-relazzjonijiet awtentiċi, insewhom il-fejqan u r-restawrazzjoni fir-relazzjonijiet ta’ bejnietkom. Ħallu l-kompetizzjoni u l-għira tidħol, imma dawn lilna jpoġġuna f’infern minn din id-dinja! Altru li mhux is-Sema fl-art, imma l-infern fl-art! Marija tgħallimna kif ngħixu l-paċi u l-ferħ li jagħtina Alla meta nħalluh ikun il-ħabib u l-kumpann tagħna.
L-atteġġjament ta’ Marija fil-mument tat-Twelid ta’ Ġesù
Imbagħad niltaqgħu mal-episodju sabiħ tal-Milied – Marija li tiled lil Ġesù. Il-Vanġelu jgħidilna: “…fisqietu u medditu f’maxtura” (Lq 2:7). Dawn iż-żewġ kelmiet, għalkemm huma ftit, juru l-kura, l-attenzjoni, l-affett, l-imħabba kontinwa li mbagħad nerġgħu nibqgħu narawha fil-Vanġelu. Tmur bih fit-Tempju tippreżentah, għall-‘Bar mitzvah’, meta kellu 12-il sena, u nibqgħu narawha din il-kura ta’ Marija għal Ġesù.
Meta jien nitlaq bl-idea li ‘hawn li rrid jien, u mhux li trid int’, allura lit-tfal tiegħi ma nistmahomx bħala persuni. It-tfal tiegħi nkun kuntent bihom sakemm ġew fid-dinja. It-tfal tiegħi isiru oġġett tas-sodisfazzjon, tal-pjaċir tiegħi. It-tfal tiegħi ma jibqgħux persuni differenti minni, imma huma sempliċiment estensjoni tiegħi, sodisfazzjon ta’ bżonn li forsi kont nixtieq, imma issa ladarba ġie, ladarba jiena sodisfatt, issa m’għadux daqshekk importanti, u allura t-tfal tiegħi m’għadhomx daqshekk importanti. U allura ma jimpurtax jekk jien inħallihom għal ħin twil weħidhom, ma jimpurtax jekk jien insib elf mod ta’ kif inpoġġuhom hawn jew hemm, ma jimpurtax… l-aqwa li jien qiegħed sew. Ikun minni dak li rrid jien, mhux dak li trid int! Għalhekk id-dnub il-kbir.
Għalhekk Marija hija kbira, għax kienet kapaċi tissottometti l-libertà u r-rieda tagħha għal dak li jixtieq Alla, għal dak li Alla ried minnha. Kemm għandna bżonnha fid-dinja ta’ żmienna, fil-familji tagħna, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna din il-konvinzjoni u din il-verità! Kemm inkunu iktar kuntenti li kieku nitilqu lilna nfusna fil-providenza u r-rieda ta’ Alla, li jrid biss il-ġid lil kull wieħed u waħda minna! Imma aħna jiġrilna bħal Eva: kienet kuntenta fil-ġnien, imma kien hemm xi ħadd fesfsilha f’moħħha u qalilha: ‘Dak ma jridkomx kuntenti, ma jridkomx sew, dak qalilkom biex ma tiħdux mill-frotta biex ma tkunux bħalu’; u aħna ngħixu kontinwament b’din it-tfesfisa f’moħħna: Alla ma jridnix sew, ma jridnix kuntent, ma jridnix ferħan. Din hija l-konvinzjoni li aħna ngħixu biha kontinwament u li aħna rridu nikkumbattu. Dan hu d-dnub oriġinali: mhuwiex dak id-dnub li għamlu Adam u Eva ma nafx kemm ilu, imma huwa n-nuqqas ta’ fiduċja f’Alla, li aħna nġorru fl-esperjenza tal-ħajja tagħna.
Allura bilfors naħsbu fina nfusna, il-ħajja tagħna ssir kollha kemm hi difiża tagħna nfusna, kollha kemm hi reattiva, u qatt ma nkunu proattivi, qatt ma nimxu ’l quddiem, imma dejjem niddefendu (crisis management) fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Għax jekk m’hemmx perspettiva, jekk m’hemmx direzzjoni u għanijiet ċari, allura l-importanti li jien illum inkampa almenu mhux ħażin. Din hija l-loġika u r-raġuni li biha nimxu, allura ma jimpurtax jekk it-tfal ikollhom joqogħdu man-nanniet jew xi mkien ieħor għal ħin twil.
Marija tgħallimna l-attenzjoni għal kull persuna. Kull persuna hija x-xbieha ta’ Alla, kull persuna fiha t-timbru tat-Trinità. Kull persuna, meta narawha – hu min hu, intelliġenti jew mhux, fqir jew sinjur, għandu kemm għandu degrees jew m’għandux – hi ritratt, statwa ħajja ta’ Alla. U allura jixiriqilha dejjem kull rispett, l-ikbar rispett, l-ogħla rispett, iktar mix-xogħol, mill-flus, minn kull proġett jew pjan ieħor li aħna jista’ jkollna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U din hija ġlieda li rridu niġġieldu lkoll flimkien, favur il-bniedem. Għax xi ġralna? Meta naħsbu biss fina nfusna, meta l-persuni l-oħra jkunu biss sempliċiment oġġett, aħna nispiċċaw ngħaddu minn fuq kulħadd, mingħajr biss ma nindunaw. U dan hu żball kbir li forsi jien stess nagħmel fil-ħajja tiegħi: nibqa’ għaddej minn fuq dak li jkun, minn fuq ir-rispett u l-istima vera tal-persuna. U Marija tgħallimna biex aħna nistmaw lil kull bniedem daqslikieku kien l-istess iben tagħha.
L-atteġġjament ta’ Marija fil-mument tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju
Marija tgħallimna wkoll li kultant hemm bżonn li mmorru fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Kif nistgħu ngħixu s-Sema fl-art jekk aħna m’għandna l-ebda mkien, l-ebda post li jfakkarna, li jimliena bl-enerġija, l-ebda petrol station minn fejn nieħdu l-petrol, jew illum minn fejn niċċarġjaw il-batterija… jekk m’għandniex post li huwa l-knisja? Kif nistgħu aħna ngħixu s-Sema fl-art jekk ma jfakkarni ħadd li jien, li int, li lkoll aħna wlied il-Missier, aħna aħwa ta’ xulxin? Kif nistgħu nippretendu li nirrispettaw lil xulxin fil-familja – ir-raġel lil martu, il-ġenituri lit-tfal, it-tfal lill-ġenituri, l-aħwa lil xulxin – jekk aħna ma nitgħallmux, jekk xi ħadd ma jgħidilniex: ‘Isma’, intom ilkoll kemm intom ulied il-Missier, intom ilkoll ulied Marija, intom ilkoll għandkom l-istess valur, bid-differenzi kollha ta’ bejnietkom, intom ilkoll, midinbin u mhumiex, kulħadd għandu l-istess valur quddiem Alla’?
Alla jħobbna bi mħabba tal-ġenn! Kif nistgħu ngħixu bl-enerġija tal-Ispirtu jekk aħna mbagħad knisja ma mmorrux, jekk aħna l-Ħadd abbandunajnieha l-quddiesa, jekk aħna l-Ħadd bil-mod il-mod qed ngħidu: ‘Jekk ikolli ż-żmien immur il-quddiesa, l-ewwel nieħu t-tifel għall-futbol, imbagħad nieħu t-tifla, imbagħad immorru Malta għal dik l-attività, imbagħad jekk jibqa’ l-ħin immorru l-quddiesa!’? Tajjeb dak kollu, imma mingħajr il-quddiesa tirriskja li bil-mod il-mod taqagħlek il-batterija, tispiċċa timxi bil-qlib, timxi biss bl-emozzjonijiet, bis-sentimenti, tispiċċa tiddefendi lilek innifsek! U addio Sema fl-art! Allura hemm bżonn li bħal Marija mmorru t-Tempju. Marija marret tippreżenta lill-ewwel Iben tagħha flimkien mar-raġel tagħha Ġużeppi fit-Tempju ta’ Ġerusalemm.
Imma Marija tagħmel ukoll biċċa xogħol oħra importanti. Biex tgħinna ngħixu s-Sema fl-art, Marija trabbi lil Binha Ġesù fil-biża’ u fl-imħabba ta’ Alla. Kemm minna, jew forsi minn uliedna, għal kemm minna d-duttrina tat-tfal tiġi l-aħħar, jekk tiġi l-aħħar! Imbagħad immur għand il-Kappillan niġġieled miegħu, u ngħidlu: ‘Għax trid tagħmilhielu l-Griżma, trid tagħmilhielu t-Tqarbina’. Imbagħad immur għand il-Kappillan niġġieled miegħu u ngħidlu: ‘Għax trid iżżewwiġni’. Il-Kappillan jista’ jżewġek, jista’ jagħmillek it-Tqarbina, jagħmillek il-Griżma, imma t-tiċrita hemm baqgħet, inti jaħasra ma kbirtx, inti jaħasra ma fiqtx, inti ma approfittajtx minn din is-sejħa li qed tagħmillek il-Knisja – jew aħjar li qed jagħmlulek Alla u Ommna Marija permezz tal-Knisja, bid-difetti kollha li għandha l-Knisja. Elf difett għandha l-Knisja, għax hija umana, minbarra li hemm fiha l-Ispirtu ta’ Alla. Imma jekk inti ittraskurajt din is-sejħa, imbagħad bilfors nieklu lil xulxin, l-aħwa jiġġieldu ma’ xulxin fuq elf ewro, jew fuq roqgħa art.
X’se jgħallmek lilek tħobb, x’se jgħallmek lilek tqis il-persuna iktar importanti mill-oġġett, x’se jgħallmek lilek tirrispetta lil kulħadd għax kulħadd għandu l-istess dinjità? Tispiċċa tiddefendi lilek innifsek, tispiċċa mwerwer u tgħix kontinwament bl-armi ’l barra, għax tibża’ li xi ħadd se joqtlok. U b’xorti ħażina dan jiġrilha s-soċjetà mingħajr Alla, dan jiġri meta s-Sema ma jkunx fl-art. Jekk is-Sema ma jkunx fl-art, bil-mod il-mod din l-art tagħna ssir infern, mhux biss minħabba s-sħana li qed inħossu kollha kemm aħna, imma għax ma nibqgħux inkunu kapaċi ngħixu ma’ xulxin, nirrispettaw tassew lil xulxin, naħfru lil xulxin.
Jalla din il-Festa ta’ Santa Marija tqanqal fina, fija l-ewwel wieħed, ix-xewqa li ngħixu iktar is-Sema fl-art. Is-Sema ma jħassarx il-festi tal-art, assolutament! Anzi, jagħmilhom aktar awtentiċi u veri. Is-Sema ma jridniex imdejqin, anzi, ma ninsewx li l-ewwel kelma li l-anġlu jgħid lil Marija kienet: ‘Ifraħ, ja Sabiħa… κεχαριτωμένη (kecharitōménē), ifraħ għax inti Kbira, ifraħ għax inti Sinjura’. Sinjura mhux għax għandha l-flus, għax għandha l-imħabba. Sabiħa mhux biss minn barra, mhux sempliċiment minħabba l-fattizzi ta’ wiċċha jew il-ġisem tagħha, li ma nsibu l-ebda deskrizzjoni ta’ dan kollu fil-Vanġelu. Sabiħa għax taf tħobb, għax taf tħenn, għax taf tgħin, għax qaddejja.
Il-Mulej jagħtina li din il-Festa ta’ Santa Marija ma tkunx sempliċiment festa li nagħmlu bil-ġisem tagħna, bil-preżenza tagħna, imma festa li nagħmlu bil-qalb tagħna, festa li nagħmlu lilha u lilna nfusna, qalb magħquda ma’ ġisem, ruħ magħquda ma’ ġisem, u l-persuna sħiħa tagħna magħquda ma’ Alla, kif kienet tagħha, kif hi tagħha, u kif nittamaw li tkun tagħna.