TE DEUM
ĊELEBRAZZJONI TA’ RINGRAZZJAMENT GĦALL-TMIEM IS-SENA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 31 ta’ Diċembru 1983
“Uliedi. Din hija l-aħħar siegħa” (1 Ġw 2, 18).
1. Ninsabu hawn miġbura, bħas-soltu, fil-Knisja “del Gesù” biex inħejju ruħna għal-laqgħa mal-aħħar siegħa tas-sena tal-Mulej 1983, u l-liturġija tiddirieġi l-ħsibijiet tagħna lejn Alla, li fih kull ma jeżisti jsib il-bidu u t-tmiem tiegħu.
Ejjew mela nmorru bil-Vanġelu ta’ San Ġwann, u ejjew induru lejn dan il-Verb li fil-bidu kien għand Alla.
Hawn hu l-Verb Etern:
“Kollox sar bih, u mingħajru ma sar xejn minn dak kollu li jeżisti” (Ġw 1, 3).
Mela, din is-sena wkoll, li tgħaddi bħala komponent taż-żmien uman u tal-mogħdija kożmika, “kienet magħmula” permezz tal-Verb Etern li “fil-bidu kien għand Alla” (cf. Ġw 1, 2) u li kien Alla (cf. Ġw 1, 1).
Qabel ma tgħaddi s-sena tal-Mulej 1983, nixtiequ nirreferuha għall-bidu assolut. Nixtiequ mill-ġdid insibu l-post tagħha fl-eternità li ma tgħaddix.
2. “U l-Verb sar bniedem u ġie jgħammar fostna” (Ġw 1, 14). Jiġri li qegħdin ngħixu tmiem is-sena ċivili fl-Ottava tal-Milied. Alla f’Ibnu Etern ta merħba liż-żmien uman tagħna u lill-passat kożmiku kollu. Huwa twieled fil-lejl ta’ Betlem mill-Immakulata Verġni Marija taħt il-protezzjoni tal-mastrudaxxa Ġużeppi ta’ Nazzaret. Huwa twieled fi stalla għaliex “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2, 7), għaliex “ niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1, 11).
Id-delużjonijiet, in-niket u t-tbatijiet kollha tad-dinja umana tagħna diġa huma nklużi sa ċertu punt f’dan it-Twelid ta’ Alla fuq l-art. U se jkunu nklużi għall-jiem kollha tal-pellegrinaġġ terren ta’ Ġesù ta’ Nazzaret sal-Ġetsemani u sas-salib. F’għaqda miegħu nistgħu ngħixu kull azzjoni tagħna fiż-żmien. Nistgħu insegwu bil-memorja u bil-qalb il-jiem u s-sigħat kollha tas-sena li għaddiet, b’mod speċjali dawk li l-iktar ġegħluna nbatu. Kristu huwa preżenti fihom b’mod partikolari. Huwa preżenti permezz tal-misteru tar-Redenzjoni.
3. Is-sena li se tgħaddi saret għall-Knisja b’mod speċjali is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, tal-Ġublew straordinarju. Ġesù Kristu, msallab u rxuxtat, li jinsab fil-glorja tal-Missier, jeżisti fl-istess ħin fil-Ġisem tal-Knisja tiegħu.
L-Uniġenitu, mimli grazzja u verità, jikseb il-glorja tal-Missier (cf. Ġw 1, 14) u, fl-istess ħin, permezz ta’ din il-grazzja u verità huwa magħna, u fil-Knisja tiegħu, għaliex “il-grazzja u l-verità se jiġu (għandna) permezz ta’ Ġesù Kristu” (Ġw 1, 17).
Din l-aċċettazzjoni tal-grazzja u tal-verità meta l-Verb sar bniedem, tiddetermina l-fatt li d-dinja u l-bniedem huma mkebba bil-misteru tar-Redenzjoni. Il-bniedem u d-dinja permezz ta’ dan il-misteru, b’mod ġdid, jeżistu f’Alla bl-opra ta’ Kristu-Redentur.
Fis-sena 1983, fis-sena tar-Redenzjoni, il-Knisja xtaqet b’mod ġdid, li togħdos fil”milja tiegħu” (Ġw 1, 16): fil-milja tar-Redentur tad-dinja biex tkun tistà tirċievi minn din il-milja “grazzja fuq grazzja” (Ġw 1, 16).
Il-lejla rridu għal dan kollu nkantaw it-“Te Deum” tagħna ta’ ringrazzjament. Imma rridu wkoll insewwu l-ħtijiet u n-negliġenzi tagħna: irridu nitolbu maħfra għaliex ma ħsibniex biżżejjed dwar ir-riżorsi ineżawribbli tar-Redenzjoni. Għaliex dawn ma kinux approfonditi biżżejjed, fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja, ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u mal-bniedem, il-konverżjoni u l-penitenza. Bil-maqlub fuq ix-xefaq tad-dinja umana tagħna reġa telà l-livell tat-theddid tal-waħx, li jġegħlna nibżgħu għall-futur tal-umanità.
4. Illejla nixtieq ukoll nerġa lura bit-tifkira fil-parroċċi Rumani kollha, li kelli l-pjaċir li nżur tul is-sena tal-Mulej 1983. Dawn kienu ebatax-il laqgħa mal-kimunitajiet parrokkjali li ġejjin: Santa Maria Regina Pacis, F’Monteverde Vecchio; San Barnaba alla Marranella; Santa Marcella fuori Porta San Paolo; Nostra Signora di Lourdes f’Tor Marancia; Santa Maria della Mercede u Sant’Adriano; San Giovanni Maria Vianney fil- Borghesiana; San Filippo Appostlu f’Grottarossa; Nostra Signora di Guadalupe; Santa Maria della Misericordia fil-Borgata Gordiani; Santa Monica f’Ostia; San Filippo Neri fil-Pineta Sacchetti; Santa Francesca Saverio Cabrini; San Camillo de Lellis u San Giorgio f’Acilia.
Irrid inżid li kull waħda minn dawn il-visti għandha għalija mportanza kbira. Infatti f’kull komunità parrokkjali tgħix u tevanġelizza l-istess Knisja apostolika mibnija fuq is-sies ta’ San Pietru u San Pawl. Permezz tal-ministeru pastorali u l-apostolat tal-lajċi jopera f’kull komunità l-misteru mpenetrabbli tar-Redenzjoni: u lkoll jirċievu mill-milja ta’ Kristu “grazzja fuq grazzja”. Għal dan il-għan ikun sabiħ ukoll li niftakru li d-dijoċesi tagħna tgħaniet fl-1983 b’sitt parroċċi ġodda u rreġistrat żieda fil-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Dan huwa għan ta’ konfort.
Barra l-visti li semmejt, irrid infakkar b’mod speċjali dawk magħmula fl-sptarijiet Kristu sultan u San Kamillu u fid Dar tal-mistrieħ tas-saċerdoti anzjani, bl-iskop li niltaqà ma’ dawk li qegħdin ibatu u biex dejjem iktar ninkuraġġixxi l-assistenza amoruża u ġeneruża lejn il-morda; u hekk ma nistax ninsa l-laqgħa mwettqa fil-Komunità terapewtika ta’ San Karlu, espressjoni ta’ għajnuna konkreta u ta’ solidarjetà lejn dawk li, mirbuħa minn sitwazzjonijiet drammatiċi, iridu iżda li jibdlu ħajjithom u jsalvaw.
Imma għadha wkoll issa ittimbrata profondament it-tifkira taż-żjara fil-Ħabs ta’ Rebibbia, fejn iltqajt ma’ ħutna u wassaltilhom il-kelma amoruża tal-fehim u tal-ħbiberija, u s-sejħa għat-tama u għall-fiduċja fi Kristu, li lil ħadd ma jabbanduna u jrid għal kulħadd ħniena u salvazzjoni.
5. B’konsolazzjoni kbira rrid ukoll nenfasizza li fid-dijoċesi ta’ Ruma kien hemm f’din is-sena li għaddiet impenn partikolari għaż-żieda tal-fraternità u tal-karità lejn il-foqra u lejn dawk fil-bżonn; il-“Caritas” wettqet il-ftuħ ta’ mejda ta’ elf platt kuljum; il-“Grupp servizzi anzjani” jiġbor iktar minn tlett elef persuna anzjana, imqassma f’sittin grupp parrokkjali, biex jagħmlu mod li huma jkunu jistgħu jkunu flimkien, billi jiksru s-solitudni u billi joħolqu rapport; il-volontarjat tal-lajċi favur il-foqra tal-borgati u tar-refuġjati żviluppa b’mod notevoli, billi mpennja żagħżagħ u adulti f’opra regulari, altament umana u nisranija.
Fl-aħħarnett, nixtieq nerġà nesprimi l-apprezzament ħaj tiegħi lin-numru kbira ħafna ta’ katekisti rġiel u nisa, li, iffurmati mill-Vigarju fl-istess parroċċi, jiddedikaw b’imħabba u b’passjoni għat-tagħlim tad-duttrina nisranija lit-tfal, lill-adoloxxenti, liż-żgħażagħ, bl-għajnuna u taħt id-direzzjoni tal-parroċċi rispettivi u assistenti ekkleżjastiċi. Din hija opra stupenda u tant meħtieġa, li hija soluzzjoni tal-bżonnijiet dejjem urġenti tal-komunitajiet għall-formazzjoni tal-kuxjenza u għall-eżerċizzju tal-karità.
6. Hekk mela issa qiegħda toqrob “l-aħħar siegħa” tas-sena tal-Mulej 1983. Ejjew inmorru niltaqgħu magħha billi nagħtu glorja lil Alla, fl-ispirtu ta’ radd il-ħajr u ta’ implorazzjoni ta’ maħfra.
Minn hawn u ftit ieħor se tgħaddi l-aħħar siegħa u flimkien magħha tintemm is-sena li aħna fiha, u tibda dik ta’ warajha.
Imma ma jgħaddux ugwalment il-grazzja u l-verità, li “ġew (għandna) permezz ta’ Ġesù Kristu” fil-misteru tar-Redenzjoni, din il-grazzja u l-verità se jkomplu jiggwidaw lill-bniedem u lid-dinja għal-laqgħa ma’ Dak “li hu, li kien, u li jiġi” (Ap 1, 8): għal-laqgħa ma’ Alla li huwa eternità u qdusija. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb