Minn D. Edward Vella.
Fis-soċjetà inġenerali l-bniedem iħossu mitluf, forsi biss numru, bla identità, iżda fil-gruppi ż-żgħar aħna jkollna l-possibiltà li nsiru nafu lil xulxin, li nifhmu u naċċettaw lil xulxin, anke li nikbru fir-relazzjonijiet tagħna u nitgħallmu naċċettaw opinjonijiet differenti. Il-gruppi ż-żgħar jgħinuna nibnu relazzjonijiet ta’ ħbiberija li jagħmlulna ħafna ġid. Meta l-gruppi jkunu fi ħdan parroċċa jew xi għaqda reliġjuza dawn jgħinuna nitolbu, nsiru nafu aktar lil Alla, u jkollna għajnuna biex nifhmu l-Kelma t’Alla. Tinnota li dawk l-insara li jagħmlu parti minn xi grupp ġeneralment ikollhom Fidi aktar b’saħħita.
Bħal kull ħaġa oħra iżda, meta wieħed jagħmel parti minn grupp irid joqgħod attent minn xi tentazzjonijiet: pereżempju piki, l-atteġġjament ta’ ‘aħna aħjar minn dawk jew l-oħrajn’, u allura nibdew nikkritikaw, jew forsi anke neskludu għal xi raġuni jew oħra. L-evanġelju tal-lum għandu ħafna x’jgħallimna dwar dan. ‘Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”.’ Anke l-appostli bħalna kienu jħossu t-tentazzjoni li jeskludu; iżda Ġesù jgħallem lilhom u lilna: ‘“La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.’ Fil-waqt li aħna l-bnedmin, k’ma noqgħdux attenti, niddakkru mill-mentalità li teskludi, u dan anke fejn jidħol Alla u r-reliġjon, Alla huwa bil-maqlub, huwa Missier li għandu jdejh dejjem miftuħa beraħ biex jilqa’ lil kulħadd, anke dawk li aħna sfortunatament ma nsibulhomx post fil-komunitajiet tagħna.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna kif Ġożwè, il-qaddej ta’ Mosè u dak li kellu jmexxi l-poplu t’Alla warajh, ried lil Mosè jwaqqaf liż-żewġ żgħażagħ li bdew jipprofetiżżaw il-barra mill-kamp, iżda Mosè jwissih; ‘“Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”. Alla jrid ixxerred bl-abbundanza l-imħabba tiegħu fuq kullħadd; huwa għandu l-preokkupazzjoni li din l-imħabba tasal għand il-bnedmin kollha. Kemm huwa importanti li filwaqt li nagħmlu parti minn gruppi, ikollna qalbna u idejna miftuħa għal kulħadd. Hekk aħna wkoll ikollna ftit minn dik il-preokkupazzjoni ta’ Alla li jrid imħabbtu u s-salvazzjoni tiegħu tasal għand il-bnedmin kollha.
Is-salm tal-lum qalilna: ‘Mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek, tħalliha qatt taħkimni. Imbagħad inkun bla ħtija u ħieles minn dnub kbir.’ Ħafna drabi wara l-mentalità li trid teskludi, hemm mentalità ta’ suppervja, jiġifieri li jien/aħna aħjar minn ħaddieħor: din hija mentalità li tagħmlilna ħafna ħsara għaliex hija kontra l-imħabba li aħna msejħin għaliha. U Ġesù fil-vanġelu tal-lum ikompli jgħidilna li fejn nħossu t-tentazzjoni għad-dnub, fejn nintebħu li aħna dgħajfin jeħtieġ li nagħmlu deċiżjonijiet li jgħinuna biex naħarbu t-tentazzjoni. Hemm saying bl-Ingliż li jgħid: ‘The way to hell is paved with good intentions’, dan għaliex dawn baqgħu intenzjonijiet u qatt ma seħħew fil-prattika. Il-bniedem li jrid jaħrab id-dnub iżda ma jridx jaħrab dawk il-persuni, postijiet u oġġetti li jqarrbuh lejn id-dnub, ikun qiegħed biss jidħaq bih innifsu. Nistaqsu lilna nfusna: Jien kemm nagħmel tiegħi l-preokkupazzjoni ta’ Alla li jrid imħabbtu u s-salvazzjoni tiegħu tasal għand kulħadd? Kemm nħalli ’l Alla jinqeda bija biex juri mħabbtu lejn dawk li niltaqa’ magħhom? Kemm naħrab l-okkażjoni tad-dnub, konxju li jiena bniedem dgħajjef u li jekk nittarraf niġġarraf?
Nitolbuk Mulej għenna ħalli nintebħu xi ħsara kbira jagħmlilna d-dnub, u li meta nċedu għalih int ma tkunx tista’ tinqeda bina biex twassal imħabbtek lejn l-oħrajn. Għenna Mulej ħalli fuq kollox qatt ma neskludu ’l ħadd, iżda b’kulma ngħidu u nagħmlu nfittxu li ndewqu lill-oħrajn is-sbuħija ta’ Mħabbtek. Ammen.