Omelija tad-29 Ħadd matul is-Sena B

BIN IL-BNIEDEM MA ĠIEX BIEX IKUN MOQDI IMMA BIEX JAQDI!

Minn Fr Michael A. Galea

Doctor Lloyd kien tabib minn Oklahoma fl-Amerika. Ħafna mill-pazjenti tiegħu kienu joqogħdu fil-kampanja, ‘il-bogħod miċ-ċentru u biex iżurhom kien ikollu jsuq biċċa sewwa għax dawn il-pazjenti ma kellhomx mezzi ta’ trasport. Kienu fqar u xi drabi lanqas kien ikollhom biex iħallsuh. Meta kellu xi 45 sena dat-tabib għamel cheque-up l-isptar u skopra li kien qed ibati minn cancer terminali. Beda jaħseb f’uliedu li kienu għadhom żgħar wisq biex jifhmu dak li ried jgħidilhom. X’għamel? Xtara ftit cassettes u irrekordjalhom dak li xtaq jgħidilhom. Wieħed minn dawn il-cassettes kien jittratta l-karriera tal-mediċina. Fost affarijiet oħra qalilhom hekk: “Mela jkun lejl xitwi, ksieħ ixoqq il-għadam, iċemplilkom it-telephone għax xi ħadd ma jkunx qed iħossu tajjeb u intom ikollkom toħorġu mill-friex sħun tas-sodda u ssuqu għoxrin mil biex tmorru taraw pazjent. Fl-istess ħin tkunu tafu wkoll li dal-pazjent huwa fqir wisq u mhux se jkollu flus biex iħallaskom…” Ikompli jirrekordjalhom Doctor Lloyd: “Jekk kapaċi twieġbu ‘iva’ għal dan li għadni kif għedtilkom, allura go ahead : tistgħu taqbdu t-triq tal-mediċina!”

Ħa niġu għall-vanġelu li għadna kemm smajna… Se nagħmel erba’ riflessjonijiet…

L-ewwel riflessjoni. L-ambizzjoni ta’ Ġakbu u ta’ Ġwanni. Nibda billi ngħidilkom li Ġesu’ kien tiela’ lejn il-Belt ta’ Ġerusalem fejn se jiġi ittradut, miċħud u maqtul imsammar ma’ salib. Għad li qal b’dan lill-appostli tiegħu, dawn l-appostli kellhom bħal għamad quddiem għajnejhom. Ironikament, moħħhom kien fuq ħwejjeġ mondani, jew fuq ħwejjeġ ta’ din id-dinja.

Jgħidilna San Mark: Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejn Ġesu’ u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. Naħseb b’ħafna ħlewwa, Ġesu’ staqsiehom: “Xi triduni nagħmlilkom?” Huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Innutaw ftit l-ambizzjoni tagħhom. U ngħid jien: “Aħna m’għandniex ukoll xi ftit minn din l-ambizzjoni! (hekk pereżempju aħna nixtiequ li ħajjitna tkun suċċess u nibżgħu ħafna mill-falliment tagħna jew ta’ wliedna…) Pero’ Ġesu’ jgħidilhom: “Ma tafux x’intom titolbu!”

It-tieni riflessjoni. Jien naħseb li dawn iż-żewġ appostli għadhom ma fehmu xejn mill-missjoni ta’ Ġesu’ li ġie fid-dinja biex isalvana. Jekk ikolli ngħid, f’moħħhom kellhom Sultan li jagħmel ħerba mir-Rumani u minn flokom ijiddomina dan Ġesu’ li warajh kienu mexjin. Kittieb Taljan jgħid: “Dawn iż-żewġ appostli qegħdin jitolbu imma kienu qegħdin jitolbu ħażin; huma jemmnu f’Ġesu’ imma mhux kif jixtieqhom Hu!” Il-loġika tal-appostli u l-loġika ta’ Ġesu’ huma inkompatibbli, jigifieri ma jaqblux bejniethom. In-nuċċali tagħna mhuwiex in-nuċċali ta’ Ġesu’. Ħafna drabi aħna naħsbuha mod u Ġesu’ jaħsibha mod ieħor. Fil-vanġelu ta’ San Mattew għandna d-diskors sabiħ imsejjaħ “id-diskors tal-muntanja”. Għal ma nafx kemm-il darba, Ġesu’ jgħid: “Smajtu x’intqal, imma jien ngħidilkom…”

It-tielet riflessjoni. Ġesu’ jgħid lill-appostli: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom…Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” Naħseb insibuha diffiċli ħafna biex inkunu qaddejja ta’ xulxin! In-natura tagħna l-bnedmin sikwit terfa’ rasha, għax (biex nerġa’ nikkwota l-kittieb Taljan li semmejt ftit ilu) “Id-dinja għandha għatx kbir għall-poter!” Niġu pereżempju għall-familja: ir-raġel irid jikkmanda l-mara, il-mara trid tikkmanda lir-raġel, il-ġenituri jridu jikkmandaw lil uliedhom, saħansitra llum, it-tfal iridu jikkmandaw lill-ġenituri tagħhom…Meta kulħadd irid jikkamanda, anki fiċ-ċellula żgħira tal-familja jkollok gwerra jew taqbida. U ngħid jien: “Mhux hekk qed jiġri fuq skala ikbar kif qegħdin u naraw permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni? Ir-Russja kontra l-Ukraina, l-Israel kontra l-Palestina u l-lista ma tispiċċa qatt!” Jekk se nibqgħu nagħtu n-nar il-gwerra ħa ssir ħuġġieġa li b’xejn ma tintefa! Don Angelo Comastri, illum kardinal, ġieli semmejtulkom f’xi omelija, jgħid hekk: “Iltqajt ma’ soru missjunarja li għal tlieta u tletin sena ilha taħdem l-Afrika fi sptar għal dawk morda bil-lebbra u staqsejtha: “Għaliex għażilt din it-triq?” Irrispondietni u qaltli: indunajt li meta taħseb fl-oħrajn u taqdihom b’kull mezz possibli, qalbek timtela bil-ferħ!”

L-aħħar riflessjoni. Għadhom kemm fetħu l-iskejjel tagħna. Fetħet ukoll l-universita’ tagħna. Mijiet u eluf ta’ studenti bdew jew qegħdin jistudjaw biex ‘il quddiem isibu xogħol għal qalbhom. Nawgurawlhom biex isseħħ il-ħolma tagħhom. Dan kollu tajjeb, pero’ min jaf kieku ma’ dak li għandhom f’moħħhom li jitgħallmu, jitgħallmu wkoll biex jaqdu!?

BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA

“Qrajt diversi kotba ta’ Patri Gauthier, saċerdot li ħalla t-tagħlim universitarju u mar il-Palestina biex jgħin familji fqar u qegħdin jgħixu fil-miżerja: qegħdin jgħixu fuq il-bankini jew fl-għerien. Ħsibt fuq li ħsibt kif nista’ ngħin lil dan is-saċerdot fil-ħidma tiegħu. Waqqaft assoċjazzjoni li issa tinsab imxerda mal-Italja kollha.” Dan id-diskors qalitu Rosanna Benzi, minn Genova, illum mejta, li għal 25 sena sħaħ għexet f’pulmun tal-azzar; il-marda tal-polio ħaditilha l-kapaċita’ li tieħu n-nifs b’mod normali.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading