L-IMPATT TAL-KNISJA KATTOLIKA FUQ IL-LETTERATURA. p1

Mill-ktieb ta’ Mike Aquilina, Yours is the Church, how Catholicism shapes our world. Ħajr lil Joe Galea.

Xi darba, il-letteratura pagana kienet ħaġa glorjuża. Omero, Sofokle, Virġilju, Ċiċerun, kienu ismijiet li jibqgħu ħajjin, sakemm in-nies jibqgħu jaqraw il-kotba. Ma’ żmien Kostantinu, din il-letteratura ma baqgħetx li kienet. Madwar is-snin 300, il-letteratura kienet li jimitaw l-istil ta’ awturi ta’ qabilhom. Li tikteb fuq xi ħaġa li, ngħidu aħna, Ċiċerun ma kitibx dwarha, kien żvantaġġ. Iktar kien riċiklaġġ milli ikkupjar. Biex nieħdu eżempju, forma letterarja kienet dik imsejħa ‘Cento’, magħmula minn linji ta’ poeżiji oħra. Wieħed jaqbad versi mill-‘Iliade’  u jqiegħdhom f’ordni ġdid wara xulxin. Dan kien jitlob ħila kbira u enċiklopedija ta’ memorja. Imma l-punt kollu hu li kienu jevitaw xi ħaġa ġdida.

Kienu ħafna l-Insara li kibru bl-istess kultura tal-ġirien pagani tagħhom u kitbu bl-istess stil artifiċjali. Imma l-aqwa fost il-kittieba Nsara kellhom xi ħaġa x’joffru. Jekk dan kien li jivvintaw forma ġdida għal kollox ta’ letteratura, dan kien li kellhom jagħmlu.

Kittieba qaddisin

Il-lista’ ta’ awturi kbar mis-snin 300 sal-400 hi mimlija b’isimijiet ta’ nies Insara. Kien hemm San Ġwann Griżostmu, li l-prietki tiegħu kienu hekk memorabbli li kienu mfittxija f’Kostantinopli, hekk li lil Ġwanni laqqmuh ‘Fomm tad-Deheb’, kif ifisser l-isem Griżostmu.

Kien hemm San Ġlormu, mhux raffinat imma brillanti, li ttraduċa l-Bibbja mil-lingwi oriġinali għal-Latin u ħoloq il-verżjoni li għadna nużaw bħala ‘standard’ uffiċjali llum. Sab ħin ukoll biex jikteb ittri li għadhom jidhru bħala mudelli ta’ korrispondenza eleganti.

Imma mill-awturi kollha ta’ dak iż-żmien, l-aktar influwenti kien Santu Wistin. Il-kitbiet tiegħu ta’ teoloġija kienu hekk brillanti li San Ġlormu jżomm li “stabbilixxa l-fidi antika bħala ġdida”. Minbarra l-ittri u t-trattati fuq it-Teoloġija, għandu xogħol li kisiblu post bħala l-aktar ktieb stmat ta’ kull żmien, l-ewwel bijografija.

Hu miktub bħala stqarrija lil Alla. L-‘Istqarrijiet’ hu l-istorja tal-ħajja ta’ Santu Wistin mill-ġewwa tiegħu. Qatt qabel ma deher bħalu u probabbli lanqas jidher. Kien hemm bijografiji, fosthom dik ta’ Ġulju Ċesare, ktieb li kienu jitgħallmuh fl-iskola ta’ dak iż-żmien. Imma m’għandux il-valur tal-‘Istqarrijiet’, ukoll għax f’din il-bijografija Ġulju Ċesare m’għamel l-ebda żball f’ħajtu.

Dak li kien ġdid f’Santu Wistin kienet l-idea Nisranija tad-dnub. Wistin, Isqof ta’ Hippo, provinċja fl-Afrika, li hu ma kienx jippretendi li kien dejjem perfett għaliex l-Insara kienu jżommu li ħadd mhu ħieles middnub. Santu Wistin ħaseb b’attenzjoni kbira dwar ħajtu tal-imgħoddi. Jitlob lil Alla: “Ħenn għall-bniedem, għax int ma qegħidtx id-dnub ġo fih. X’kien id-dnub tiegħi?” (U jsemmi fejn naqas). “Dak iż-żmien ma ħassejtx il-ħażin li qed nagħmel.” “Tarbija li tgħir qabel ma bdiet titkellem; tgħir għal tarbija oħra li qed terda.” Jgħid: “L-ommijiet u l-infermiera jafu dan.”

Jgħid li mhix innoċenza li wieħed li hu għani ħafna u għandu funtana ta’ ħalib dejjem ġej, anzi jfur, ma jaħmilx ieħor li m’għandu xejn u li jista’ jsostni ruħu biss bl-ikel li jirċievi. Santu Wistin jgħid li dawn in-nuqqasijiet jibqgħu jsiru għax għalkemm huma ħaġa ħażina jintesew maż-żmien. Imma għalkemm jitħalltu ma’ ġrajjiet oħra, m’għandhomx jiġu tollerati meta wieħed jinduna bihom, issa li qed jikber. Santu Wistin qisu jqiegħed taħt mikroskopju t-tfulija tiegħu u kompla jimmaġina meta jara l-imġieba xejn tajba tat-tfal ta’ madwaru.

L-“Istqarrijiet” hu meqjus bħala xogħol modern. Fis-seklu 20 kien hemm min imitah imma ħadd mar tajjeb daqsu. Għadu jinbiegħ f’kopji iktar minn bijografiji ta’ awturi oħra. Saru ħafna edizzjonijiet u l-e-books tiegħu huma bla għadd.

L-‘Istqarrijiet’ hu l-istorja ta’ Santu Wistin innifsu. Daħal fil-fond ta’ ruħu u allura aħna naraw lil ruħu f’dan ix-xogħol. Il-ktieb illum għadu jagħmel konverżjonijiet, avolja 16-il seklu wara.

Dawl fid-dlam

Anke fis-Snin tad-Dlam, fl-Ewropa tal-Punent kien hemm xrar ta’ ġenji li jidhru fid-dlam. U fejn insibuhom, naraw li huma dejjem Insara. Qisu ma kienx hemm wisgħa għal-kitba x’inkien ieħor.

Il-Venerabbli Beda hu wieħed minn dawn ix-xrar. Kien monaku Ingliż minn Northumbria, monaku edukat b’mod straordinarju għal żmienu. Kien jaf il-Grieg u l-Latin, li jagħmluh wieħed mill-ftit fost l-iskulari tal-Grieg fl-Ewropa tal-Punent. Għamel traduzzjonijiet tal-Misssirijiet Griegi tal-Knisja. Kiteb ukoll xogħol ta’ teoloġija.

L-ikbar sforz ta’ Beda kien l-“Istorja Ekkleżjastika tan-Nazzjoni Ingliż”, l-ewwel storja tal-Ingilterra, li spiċċaha fis-731. F’Beda naraw l-istil Latin komparat ma wħud tal-aqwa kitbiet taż-żmien klassiku, u organizza l-istorja tiegħu b’mod intelliġenti u rrakkontaha b’mod interessanti u li jiġbed l-attenzjoni. Hu xogħol ta’ storja eċċezzjonali għal kull epoka.

Fi żmien Charlemagne (Karlu Manju) kien hemm qawmien fil-kitba klassika. Kien żmien li ġab għadd ta’ kittieba tajbin. Forsi l-aqwa kien il-ħabib kbir ta’ Charlemagne Eginhard, jew Einhard, li kiteb il-“Ħajja ta’ Charlemagne”, li tħabbatha mal-aqwa bijografiji klassiċi ta’ nies kbar. Eginhard kien edukat f’monasteru, għalkemm ma kienx patri. Fil-fatt iżżewweġ, għalkemm hu u martu ddedikaw ruħhom ‘il quddiem għal żwieġ ta’ ċelibat.

‘Il quddiem naslu għaż-żmien ta’ Albertu l-Kbir u Tumas t’Akwinu, meta ftit mill aktar ħsibijiet profondi ġew espressi f’lingwaġġ li hu mudell ta’ ċarezza għall-filosfi fejn jidħlu mistoqsijiet difiċli. Tumas t’Akwinu hu magħruf għall-filosofija u x-xjenza imma tajjeb ngħidu li kien ta’ ħila fil-proża ta’ tagħlim kif ukoll fil-poeżija liturġika.

S’hawnhekk, il-letteratura kollha tal-Ewropa tal-Punent, għajr ftit eċċezzjonijiet, kienet prodotta mill-Knisja jew minn nies viċini ħafna tal-Knisja. Imma forsi l-aktar interessanti li naraw x’ġara meta l-letteratura sekulari bdiet tikkompeti għall-attenzjoni.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading