L-Adorazzjoni Ewkaristika (1) … u aktar Mirakli Ewkaristiċi

 Fit-Tagħlim tal-Knisja Kattolika

minn Manwel Cutajar

Għaliex Kristu nnifsu hu preżenti fis-Sagrament tal-artal, għandu jiġi miqjum bil-qima tal-Adorazzjoni. “Li żżur is-Sagrament Imqaddes hija, prova  ta’ ħajr, espressjoni ta’ mħabba, u dmir ta’ adorazzjoni li hija dovuta lil Kristu Sidna li hu preżent hemmhekk” ( Papa Pawlu VI, Enċiklika Mysterium Fidei, par. 66). (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika par.1418)

Mill-Istorja bikrija tal-Kristjaneżmu

Filwaqt li ż-żamma tal-Ewkaristija barra l-Quddies biex tingħata lill-morda u lill-moribondi jidher li kienet parti mill-prattika Nisranija sa miż-żminijiet bikrin tal-Kristjaneżmu, tant hu hekk li kemm San Ġustinu Martri (100-165 AD) kif ukoll Tertuljanu (160-240 AD) jirreferu għaliha. Madanakollu, il-prattika tal-Adorazzjoni Ewkaristika fil-Knisja Kattolika bdiet kemxejn aktar tard.

Filfatt, l-Adorazzjoni Ewkaristika ilha teżisti sa  mit-3 seklu meta l-eremiti tal-bidu (monaċi solitarji) kienu jżommu l-Ewkaristija Qaddisa fiċ-ċelel tagħhom. Hawnhekk ta’ min jgħid li l-eremiti Kristjani tal-bidu spiss kienu jgħixu f’ċelel iżolati jew eremitaġġ, kemm jekk kien ikun għar naturali jew abitazzjoni mibnija, li kienet tkun jew fid-deżert jew f’xi foresta.

L-iskop immedjat ta’ din il-prattika kien li dawn l-monaċi eremiti kienu jżommu l-Ewkaristija biex biha setgħu jitqarbnu peress li kienu jgħixu fid-deżert jew fl-għerien weħidhom.  Mhux biss kellhom l-Ewkaristija magħhom fiċ-ċelel tagħhom, imma kienu jżommuha ukoll fuqhom meta kienu jċaqilqu minn post għall-ieħor, anki meta kienu jmorru biex jaħdmu l-għelieqi tagħhom. L-ispeċi Ewkaristika kienet titqiegħed jew  f’reċipjent żgħir ( chrismal ) jew f’borża żgħira (perula) li jilbsuha mir-ras  u jdendluha  madwar l-għonq taħt il-ħwejjeġ tagħhom. 

Meta gruppi ta’ dawn il-monaċi, ddedikati għat-talb u l-meditazzjoni, bdew jiffurmaw f’komunitajiet, din il-prattika kompliet. Bil-ħerqa u l-premura kbira tal-Knisja, dawk l-insara li kienu jixtiequ aktar intimità ma’ Ġesù Ewkaristiku kienet ingħatatilhom din l-opportunità li “jgħixu Miegħu”, biex iqattgħu ħin,barra miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, ma’ Ġesù Ewkaristiku fl-Adorazzjoni.

Sa mill-Konċilju ta’ Niċea (325 AD)  l-Ewkaristija Qaddisa bdiet tinżamm fil-knejjes tal-monasteri u l-kunventi, kemm dawk tal-irġiel kif ukoll dawk tan-nisa.

Waħda mill-ewwel referenzi  għaż-żamma tal-Ewkaristija Qaddisa wara l-Quddiesa għall-Adorazzjoni tinsab fil-ħajja ta’ San Bażilju (330-379 AD). Jingħad li San Bażilju, meta kien jiċċelebra l-quddiesa fil-monasteru tiegħu, kien jaqsam l-ispeċi Ewkaristika fi tliet partijiet. B’parti minnhom kien jitqarben hu stess;wara b’parti oħra kien iqarben lill-patrijiet,u wara mbagħad kien iqiegħed t-tielet parti li jkun fadal f’kontenitur tad-deheb f’forma ta’ ħamiema li kien ikun imdendel fuq l-artal. Dil-parti tal-Ewkaristija San Bażilju  x’aktarx kien iżommha biex biha jqarben lill-morda fi djar tagħhom,peress li dawn ma kinux jistgħu jattendu għal-Liturġija Ewkaristika fil-knisja.

Madanakollu,l-ewwel referenza espliċita ta’ Adorazzjoni Ewkaristika nsibuha fil-bijografija tal-ħajja ta’ San Vittorjan ta’ Asan li kien ta’ oriġni taljana u kien jgħix madwar is-sena 560. F’din il-bijografija  miktuba  fit-VIII seklu, insibu l-ewwel rakkont espliċitu ta’ talb u Adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija,li kienet tkun ġiet merfugħa apposta wara l-Quddiesa, filwaqt li dan il-bijografu ddeskriva wkoll id-devozzjoni  li biha San Vittorjan kien  jiċċelebra l-Quddiesa bħala eremita-saċerdot li kien jgħix fil-grigal ta’ Spanja. L-istess bijografu jsemmi wkoll il-kappella li San Vittorjan kien bena qrib il-post tal-eremitaġġ tiegħu, ‘il“bogħod minn kull storbju qawwi tal- dinja,” u li fiha kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu,jitlob u jagħmel meditazzjoni quddiem l-Ewkaristija.

Eżempju bikri ieħor ta’ Adorazzjoni Ewkaristika jinsab fil-ħajja ta’ San Wenceslaus Martri (907-935 AD):“San Wenceslaus,Duka tal-Boemja, kien iqatta’ iljieli sħaħ quddiem l-Ewkaristija qaddisa fit-tabernaklu fit-talb u s-supplika għall-poplu tiegħu. Fl-iljieli l-aktar kesħin tax-xitwa kien  iżur lil Ġesù fis-Sagrament Qaddis u tant kien ikun imkebbes tal-Imħabba Divina li kienet tagħti s-sħana lil ġismu stess.”

Skond San Alfons Maria de Liguori: “… tenera tassew kienet id-devozzjoni li kellu San Wenceslaus, Duka tal-Boemja, lejn l-Imqaddes Sagrament. Dan is-sultan qaddis tant kien iħobb lil Ġesù hemm preżenti fl-Ewkaristija li hu… anke fix-xitwa kien imur bil-lejl iżur il-knisja li fiha kien jinżamm is-Santissimu Sagrament.”

Minħabba l-qdusija, il-qalb tajba tiegħu u l-karità li kien jagħmel dan il-qaddis hu l-personaġġ imsemmi fil-magħrufa għanja “Good King Wenceslaus” li ġeneralment titkanta f’Jum San Stiefnu, il-festa li tiġi ċċelebrata l-għada tal-Milied.

San Wenceslaus  kien ġie kkanonizzat bħala l-ewwel qaddis tar-Repubblika Ċeka fis-sena 938 AD, 3 snin wara mewtu.

Adorazzjoni – f’purċissjoni Ewkaristika

Hu magħruf ukoll li San Ulrich, Prinċep-Isqof ta’ Augsburg, kien jipprattika l-Adorazzjoni fil-forma ta’ purċissjoni Ewkaristika.Il-bijografu ta’ San Ulrich (890-973 AD) jitkellem dwar purċissjoni, “qaddisa bit-tradizzjoni”, bl-Ewkaristija li San Ulrich kien jagħmel  sal-knisja ta’ San Ambroġ, u wara jirritorna lura lejn il-knisja ta’ Ġwanni l-Battista  fl-Għid il-Kbir filgħodu. Minn kull fejn kienet tgħaddi dil-purċissjoni Ewkaristika l-insara kienu jinżlu għarkupptejhom u jaduraw l-Ewkaristija. 

L-Adorazzjoni Ewkaristika fil-forma ta’ purċissjoni, ilha teżisti sa mis-seklu Għaxra fl-Ingilterra u f’Cluny: “Sa mill-għaxar seklu ‘l quddiem,mill-monasteri kienet toħroġ purċissjoni solenni biex tinġieb l-Ewkaristija lill-morda u lill-moribondi. Ir-Regularis concordia tas-seklu Għaxra, direttorju tal-monasteri tal-Ingilterra attribwit lil San Ethelwold ta’ Winchester (904/9-984 AD) jitkellem dwar is-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija li kien  jinġarr akkumpanjat bl-inċens fil-purċissjoni lejn il-kmamar tal-patrijiet morda. Id-drawwa Benedittina Franċiża ta’ Cluny magħrufa bħala l-Liber tramitis (ċ. 1043) tordna li meta s-saċerdot  li jkun qed iwassal il-Viaticum fid-dar tal-marid,kull min ikun preżenti hemm għandu jinżel għarkupptejh quddiem. “il-Ġisem tal-Mulej”, inkluż il-marid innifsu,jekk s’intendi jkun jista’ jagħmel dan”.

Ġiet irrappurtata wkoll minn xi awturi l-Adorazzjoni Ewkaristika fost il-qaddisin tal-Gżejjer Brittaniċi: “Ta’ din id-devozzjoni Dun Bridgett jagħti lista twila ta’ eżempji qaddisin – Cuthbert, u Guthlac u Ulfric, Herbert u Godric, u ħafna qaddisin  nisa.” Skond Lawrence George Lovasik: “L-Anglo-Sassoni kien jagħtu l-ogħla qima lil Dak li kien ikun hemm fiċ-Ċiborju jew pissidi. Kienu isejħulu: “lOstja Adorabbli tal-Iben ta’ Alla.” Huma kienu jagħtu kull sinjal ta’ riverenza esterna lill-knisja li fiha kien ikun hemm l-Ewkaristija u lill-artal li fuqu kienet titqiegħed

Il-Mirakli Ewkaristiċi fil-ħajja tal-Qaddisin

Sant’Anton Marija Claret, (1807 – 1870) kien Arċisqof Kattoliku Spanjol u missjunarju li serva bħala Arċisqof ta’ Santiago de Cuba. Huwa waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ Ulied Missjunarji tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, komunement imsejħa l-Claretinjani. Huwa  kellu devozzjoni kbira ħafna lejn l-Ewkaristija. Hu stess stqarr li: “l-fidi li għandi meta nkun fil-Preżenza tas-Santissimu Sagrament hija tant qawwija li nsibha impossibbli li nesprimi dak li nħoss. … Meta jasal il-ħin li nitlaq,irrid nisforza lili nnifsi biex negħleb l-xewqa kbira li ntawwal il-waqfa tiegħi ma’ Ġesù Ewkaristiku

Ġesù onora x-xewqa tiegħu u fiżikament żamm il-Preżenza Ewkaristika Tiegħu fi ħdan Sant’Anton  sakemm jirċievi  t-Tqarbina li jmiss.

Din hi l-istqarrija ta’ Sant’Anton Marija Claret innifsu dwar dal-Miraklu Ewkaristiku hekk kbir:

Nhar is-26 ta’ Awwissu 1861,fis-7:00 ta’ filgħaxija waqt li kont qed nitlob fil-Knisja tar-Rużarju f’La Granja, il-Mulej tani l-grazzja kbira li nżomm l-ispeċi Sagramentali intatti fija u li jkolli s-Santissimu Sagrament dejjem preżenti,lejl u nhar, f’sidirti.Minħabba f’hekk irrid inkun dejjem devot spiritwalment. Barra minn hekk irrid nitlob u nikkonfronta l-ħażen kollha ta’ Spanja, kif qalli l-Mulej “Igglorifikaw u ġorru lil Alla f’ġisimkom” (1 Korintin 6:20). U wara, fl-għodwa tas-16 ta’ Mejju 1862  wara li ċċelebrajt il-Quddiesa, Ġesù Kristu qalli li tabilħaqq kien tani din il-grazzja li kien se  jibqa’ fija Sagramentalment.”

Il-Mulej ried li Anton Marija Claret  jiffaċċja, b’mod effettiv il-ħażen  fi Spanja u biex iwettaq din il-missjoni Kristu nnifsu tah il-grazzja u l-unur hekk kbir tal-Preżenza Sagramentali Tiegħu fis-26 ta’ Awwissu 1861 .

Sant’Anton Marija Claret miet fl-24 ta’ Ottubru 1870 fl-Abbazija de Fonfroide, Narbonne, Franza.

Sant’Anton Marija Claret kien ġie kkanonizzat fis-7 ta’ Mejju,1950  f’Ruma mill-Papa Piju XII.

Ir-relikwi tiegħu huma miżmuma fil-Bażilka ta’ Sant’Anton f’Padova , l-Italja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading