L-għażla tal-Papa Benedittu XVI li jħalli l-pontifikat tiegħu kienet att erojku u ta’ mħabba lejn il-Knisja
Michael Caruana
L-għażla tal-Papa Benedittu XVI li jħalli l-pontifikat tiegħu ma kenitx, kif kien hawn min qal, nuqqas ta’ kuraġġ. Anzi kienet att ta’ mħabba għall-Knisja u att erojku. Dan isostnih l-Isqof Alfred Xuereb li għamel ħames snin u nofs fejn kien it-Tieni Segretarju Personali tiegħu fil-ktieb Il-Jiem tiegħi ma’ Benedittu XVI.
Dan il-ktieb issa nħareġ bil-Malti mill-Klabb Kotba Maltin u t-t-traduzzjoni mit-Taljan saret mill-kollega u ħabib Francesco Pio Attard. Il-ktieb inħareġ bit-Taljan minn Edizione San Paolo fl-2023.
L-Isqof Xuereb kien jagħmel parti minn dik li tissejjaħ “il-familja pontifiċja” u akkumpanja l-Papa fid-dimesjonijiet tal-ħajja tiegħu ta’ kuljum, inqas magħrufa għall-parti l-kbira tal-pubbliku. Il-ktieb hu frott tas-snin li l-Isqof Xuereb għamel mal-Papa Benedittu XVI u fih jaqsam mal-qarrejja t-tifkiriet personali tiegħu ta’ dak il-perijodu.
Fil-bidu tal-ktieb insibu żewġ preżentazzjonijiet: dik ta’ Patri Federico Lombardi, Ġiżwita, il-President tal-Fondazzjoni Joseph Ratzinger u ta’ Aldo Maria Valli, ġurnalista. Fihom dawn jiġbru fil-qosor ħafna l-fatti li jelabora l-Isqof Xuereb fil-ktieb, djarju, tiegħu.
Patri Lombardi jikteb li dawk kollha midħla tal-Vatikan jafu li l-Isqof Xuereb kien wieħed mill-persuni l-aktar li kien qrib tal-Papa Benedittu għall-parti l-kbira tal-pontifikat tiegħu. Permezz tal-kitba tiegħu nsiru nafu b’mod aktar sħiħ il-personalità tal-Papa Benedittu XVI u x-xhieda tal-Isqof Xuereb hi differenti mix-xhieda l-oħra u hi pjuttost prezzjuża. Hi ritratt iżjed veru, preċiż u ġenwin tal-Papa.
F’dan il-ktieb mhu se nkunu skoprejna ebda informazzjoni riservata li turina l-istorjografija ta’ pontifikat, imma se nkunu fhimna aħjar is-sensibbiltà u l-karatteristiċi – allura r-ruħ – ta’ Papa. Patri Lombardi jgħid li r-relazzjoni tal-Isqof Xuereb u l-Papa hi bla dubju waħda bejn iben u missier. Hi relazzjoni bejn żewġ persuni li għandhom komuni bejniethom atteġġjament naturali ta’ diskrezzjonijiet li fihom xorta nilmħu profondità ta’ sentimenti ta’ finezza kbira espressi kultant b’ċerta inġenwità li hi timbru ta’ awtentiċità serena u sħiħa.
Il-ktieb Il-Jiem tiegħi ma’ Benedittu XVI hu djarju partikolari, intens fl-emozzjonijiet u li fih il-ħwejjeġ iż-żgħar ta’ kuljum huma iżjed sinifikattivi minn dawk kbar. Il-ġrajjiet li l-aktar jagħmlu ħoss mhumiex nieqsa għal kollox. Huma, f’ċertu sens, jibqgħu fl-isfond. Id-djarju, l-Isqof Xuereb, ma żammux għal dawn. Iktar impurtawh id-dettalji tal-konverżazzjoni fuq il-mejda fil-jum normali; l-attenzjoni delikata tal-Papa għal dawk l-iżjed qribu fid-diversi waqtiet tal-ġurnata; ir-relazzjoni unika għall-aħħar ma’ ħuh kważi tal-istess età; u l-atmosfera ta’ lejlet il-Milied f’intimità ta’ familja pontifiċja ċkejkna.
Il-kitba tal-Isqof Xuereb tgħin lill-qarrej iħoss l-umanità sempliċi u, għanja fl-istess ħin, ta’ kuntest ta’ relazzjonjiet personali u spiritwali li sieħbu u għenu jum wara l-ieħor il-persuna ta’ Papa huwa u jġorr il-piż kbir ħafna tar-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-Knisja Universali. Dan hu aktarx l-aktar valur ta’ dan id-djarju profond u li jtul fiż-żmien.
Ir-rakkont, jissokta Patri Lombardi, jiżviluppa b’mod ordnat. Fih osservazzjonijiet fejn wieħed jilmaħ il-qawwa tal-impressjonijiet ġodda li l-Papa Benedittu XVI ħalla fuq ruħ l-awtur li mbagħad jistagħna bi kwotazzjonijiet mid-diskorsi u l-interventi tal-Papa mingħajr ma jtaqqal ir-rakkont. L-Isqof Xuereb għażel tajjeb it-temi u l-aċċenti li missewh l-aktar.
Ma jonqsux il-paġni li fihom l-Isqof Xuereb jesprimi l-partċipazzjoni tiegħu fil-mumenti diffiċli, ta’ tiġrib u ta’ tbatija fis-servizz ta’ Benedittu XVI. Iżda l-mumenti sbieħ, xi drabi minsija, li jerġgħu joħorġu, huma diskreti u fini minħabba s-saħħa dejjem tonqos tal-Papa. Dan hu mogħni b’emozzjoni kbira u meqjusa fil-paġni fuq ir-rinunzja. Minkejja dan, it-ton kontinwu hu ta’ serenità kbira, ta’ fidi li ngħexet fis-servizz u fit-talb.
Min-naħa tiegħu, Aldo Maria Valli jgħid li l-Isqof Xuereb jirrakkonta l-quddies ta’ filgħodu ċelebrati mill-Papa fil-kappella tal-Palazz Appostoliku xi drabi mogħnija b’omeliji mill-isbaħ; il-passiġġati fil-ġonna tal-Vatikan u f’dawk ta’ Castel Gandolfo; il-vjaġġi barra mill-Italja; iċ-ċelebrazzjonijiet kbar; l-ikliet ta’ nofsinhar u filgħaxija weħidhom jew ma’ mistiedna oħra; il-mumenti ta’ talb u dawk ta’ mistrieħ; il-laqgħat tal-Papa ma’ ħuħ Georg li tant kien iħobb; il-battuti li jnisslu tbissima; ir-rakkonti ta’ meta Joseph Ratzinger kien għadu żgħir; l-imħabba li kellu għall-annimali; u s-sigħat ta’ tensjoni u dawk ta’ ferħ.
Hu jgħid li ntqal u nkiteb ħafna dwar Benedittu XVI u għad irid jintqal u jinkiteb ħafna iżjed, iżda ħafna drabi Joseph Ratzinger ġie mfisser u rrakkuntat b’mod żbaljat. Ingħatat dehra mgħawġa tiegħu, pinġewh bħala sever, riġidu, bla emozzjonijiet, bħala persuna li kważi kważi ma tħoss xejn, u ħsiebha biss kif tikkontrolla d-duttrina t-tajba. Iżda l-Isqof Xuereb jaf li mhux hekk. Qatt ma kien hekk u jħoss il-ħtieġa li jirrakkonta r-realtà. Xtaq li anki l-għażla ta’ Benedittu li jħalli l-pontifikat tidher fid-dawl it-tajjeb. Ma kienx, kif kien hawn min qal, nuqqas ta’ kuraġġ, anzi kien att ta’ mħabba għall-Knisja. Dan, l-Isqof Xuereb rah b’għajnejh u jaf kemm kienet erojka din l-għażla.
Għal ħafna żmien, itemm Aldo Maria Valli, l-Isqof Xuereb baqa’ sieket qrib il-Papa, imma fl-istess ħin dejjem pass lura. Hekk kellu jkun u qatt ma xtaq jidher, iżda żamm dan id-djarju li fih niżżel noti dwar sitwazzjonijiet u sensazzjonijiet. Dan il-ktieb jikkontribwixxi biex irroddilna lura xbieha aktar vera, aktar preċiża u ġenwina ta’ Joseph Ratzinger bħala bniedem u Papa.
Il-ktieb Il-Jiem tiegħi ma’ Benedittu XVI jista’ jinxtara mill-Klabb Kotba Maltin, Santa Venera jew mil-librara ewlenin.
