Kull tifħir u glorja, nagħtu lilek, o Ġesù, ħaj u preżenti f’dan is-Sagrament Imqaddes; fejn kull min hu bil-għatx jiġi u jixrob mill-għajn tas-salvazzjoni. Waqt li ma nistax narak bis-sensi tiegħi, imma imqanqal bid-dawl tal-fidi, nemmen u nifraħ fil-Preżenza vera tiegħek, bħalma Xmun feraħ u tqanqal dakinhar li laqgħek fi ħdanu. (3 sek pawsa)
Ġesù, mill-Ewkaristija Mqaddsa, Int kontinwament tgħidli li tħobbni b’imħabba kbira, li tħobbni b’qalbek kollha. Ħallini, llum permezz ta’ Marija, noffrilek lili nnifsi, dak kollu li jien, u dak kollu li għandi: biex inkun kollni kemm jien dejjem tiegħek.
Silenzju/background music 3 min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 2:22-40
Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom, skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej, ‘Kull tifel li jitwieled l-ewwel wieħed, ikun ikkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad fil-Liġi tal-Mulej.
Kien hemm f’Ġerusalemm raġel jismu Xmun. Dan kien raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel, u l-Ispirtu s-Santu kien fuqu. U kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu li ma kienx sa jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu l-Mulej. Ġie mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri ġiebu t-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa ħadu fuq dirgħajh, bierek ’l Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel.” Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil Marija, ommu: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna.”
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Din kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena ma kinitx titwarrab mit- Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija, fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jimtela bl-għerf. U l-grazzja t’Alla kienet fuqu.
Il-Kelma tal-Mulej Inroddu ħajr lil Alla
Silenzju 1min
Ħsieb:
Nhar il-Ħadd li ġej, il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Il-liġi Lhudija kienet titlob, li 40 jum wara twelid tal-ewwel tifel, dan kellu jiġi ppreżentat fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, biex ikun ikkonsagrat lil Alla. Filwaqt li l-omm minn naħa tagħha, kellha toffri ħaruf, waqt li jekk tkun fqira toffri par ħamiem.
Marija u Ġużeppi, ħarsu dak li l-Mulej talab mill-poplu tiegħu, u telgħu Ġerusalemm. Marija fil-fatt ma toffrix ħaruf, mhux għax kienet fqira, imma għaliex il-Ħaruf vera kien f’idejha. Kienet l-istess tarbija tagħha, li aktar ‘il quddiem Ġwanni l-Battista kellu jsejjaħlu: “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Dan il-Ħaruf li ta ħajtu, sabiex bid-Demm Imqaddes tiegħu, aħna ksibna s-salvazzjoni tagħna.
Ejjew f’dan il-ħin, aħna wkoll, bħal Marija u Ġużeppi noffru lill-Mulej il-familja tagħna; noffru lil uliedna, il-ħbieb tagħna; ejjew noffrulu wkoll lil dawk li naqsuna, u weġgħuna. Ejjew nippreżentawlu dak kollu li qed itaqqal il-qalb tagħna.
Il-Mulej jisma’ u jilqa’ t-talba tagħna.
Silenzju 3 min
Dakinhar tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, l-Ispirtu ta’ Alla qanqal, u nebbaħ lil Xmun, “ir-raġel ġust u tajjeb”, fejn ħabbar lil Ġesù bħala Dawl: “Dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Israel” (Lq 2:32). Madwar tlettin sena wara, Ġesù stess jistqarr: “Jiena d-Dawl tad-dinja” (Ġw 8:12). (2 sek pawsa)
Fil-Magħmudija tagħna, aħna wkoll ħadna mid-Dawl ta’ Kristu, meta f’isimna, ġiet mixgħula x-xemgħa mill-Blandun, li jfisser Ġesù Kristu Rxoxt. Aħna ħadna mid-Dawl ta’ Kristu, biex ngħixu tassew marbuta miegħu. Dakinhar tal-Magħmudija, aħna rċivejna l-missjoni, li nħallu lilna nfusna nkunu mmexxijin mid-Dawl ta’ Ġesù, biex aħna stess, inkunu dawl għall-oħrajn, permezz tal-ħajja tagħna. (3 sek pawsa)
Ejjew f’dan il-ħin, infaħħru lill-Mulej, u nitolbuh biex ikun dejjem id-Dawl għall-ħajjitna, u li jmexxina dejjem fit-triq tas-sewwa.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunitá
Ejjew issa nressqu t-talb tagħna quddiem il-Missier, u nitolbuh bl-interċessjoni tal-Familja Mqaddsa, jilqa’ dawn it-talbiet.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, għinha biex tkompli xxandar il-Kelma tiegħek lil ġnus kollha. Nitolbu.
Agħtina grazzja Mulej, li aħna dejjem nagħrfuk bħala d-Dawl għall-ħajjitna, u nissieħbu miegħek biex inkunu aħna wkoll dawl għall-oħrajn fil-ħajja tagħhom. Nitolbu.
Agħti Mulej l-għajnuna tiegħek il-morda kollha, kemm dawk li qegħdin fl-isptarijiet jew fid-djar tagħhom, u dawk kollha li qed jagħtuhom is-servizz ta’ dak li jeħtieġu. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għal dawk kollha li kkonsagraw ruħhom lilek, biex jgħixu din il-konsagrazzjoni tagħhom b’fedeltà sħiħa. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għall-paċi fid-dinja, l-paċi fl-Ukrajna, u f’dawk il-postijiet fejn huma mifnija bil-vjolenza u bil-ġlied; u nitolbuk biex tgħin speċjalment lil dawk li huma vittmi tal-vjolenza, tal-mibegħda, tad-disprezz lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru