Katekeżi tal-Papa Ljun XIV dwar is-sena liturġika

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa 12 ta’ Awwissu 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
II. Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
6. Is-sena liturġika

Għeżież ħuti,

Il-ħames kapitlu tal-Kostituzzjoni konċiljari Sacrosanctum Concilium (SC) hu ddedikat lis-sena liturġika, tema li fuqha llum nixtiequ nieqfu, biex infissru l-valur tagħha fil-ħajja ta’ kull min jemmen.

Qabelxejn hu dmir tagħna nfakkru li dan il-mod ta’ kif niddefinixxu ċ-ċiklu tal-festi Nsara bħala “sena liturġika” nxtered fil-lingwaġġ ekkleżjali grazzi għall-ħidma tal-Qaddej ta’ Alla l-Abbati Prosper Guéranger (1805-1875).

Fl-Enċiklika Mediator Dei, il-Papa Piju XII stqarr li din mhix “rappreżentazzjoni kiesħa u bla ħajja ta’ għemil tal-imgħoddi, lanqas tifkira sempliċi u bla tiżjin ta’ ħaġa li saret fi żminijiet oħra. [Is-sena liturġika] hi għall-kuntrarju Kristu stess, li jgħix dejjem fil-Knisja tiegħu u li jkompli t-triq ta’ ħniena bla qies li beda […] f’din il-ħajja fuq l-art […] biex iqarreb erwieħ il-bnedmin lejn il-misteri tiegħu, u jġiegħelhom jgħixu bihom: misteri li huma dejjem hemm u jaħdmu” (III Divinum Officium et Annus Liturgicus, II Cyclus Mysteriorum). Għalhekk is-sena liturġika għandna nifhmuha bħala attwalizzazzjoni kontinwa tal-opra tas-salvazzjoni, li Kristu jwettaq fl-istorja tagħna. Fil-mixja ta’ dan iċ-ċiklu ta’ żmien, il-Knisja tibqa’ f’kuntatt mal-azzjoni feddejja tal-Mulej, biex hekk il-fidili kollha jimtlew bil-grazzja tagħha (ara SC, 102c). Il-laqgħa ma’ Ġesù, li miet u rxoxta għalina, hija l-għan li l-Knisja dejjem timxi lejh, hija u tqiegħed fiċ-ċentru ta’ kull mument iċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja tal-Għid.

Għalhekk il-Padri konċiljari jqisu bħala “s-sies u l-qalba tas-sena liturġika kollha” sewwasew il-Ħadd, “l-ewwel jum ta’ festa” (ara SC, 106). F’diversi lingwi moderni, l-isem tiegħu jixhed li hu d-“dies Domini”, “jum il-Mulej”. Anki f’dawk il-lingwi li fihom ipprevala r-riferiment għal “jum ix-xemx” (Sunday, Sonntag) nistgħu nilmħu r-rabta ma’ Kristu: Kristu huwa l-vera “xemx tal-ġustizzja” li ddawwal lil kull bniedem!

San Ġwanni Pawlu II, fl-Ittra appostolika Dies Domini (31 ta’ Mejju 1998), jgħallem li l-Ħadd hu jum il-Mulej, jum il-Knisja, jum il-bniedem u, fl-aħħar, “il-jum tal-jiem kollha”: “Għaliex il-Ħadd hu l-Għid ta’ kull ġimgħa, li fih jiġi mfakkar u jseħħ il-jum li fih Kristu qam mill-imwiet, hu wkoll il-jum li juri x’inhu ż-żmien. […] Il-Ħadd Nisrani, li joħroġ mill-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, jgħaddi minn nofs iż-żmien tal-bniedem, mix-xhur, is-snin u s-sekli, bħal vleġġa li turihom it-triq u tmexxihom lejn il-mument tat-tieni miġja ta’ Kristu. Il-Ħadd hu xbieha minn qabel tal-aħħar jum, tal-Parusia” (n. 75), meta kulħadd għad jerġa’ jqum.

Biex inqaddsu l-jum tal-Ħadd huwa fundamentali li niċċelebraw l-Ewkaristija. Is-smigħ tal-Kelma u s-sehem fil-Ġisem ta’ Kristu jġibu magħhom, skont il-Padri konċiljari, il-convenire in unum (ara SC, 106), jiġifieri l-laqgħa flimkien u kollha ferħ tal-fidili. F’din il-ġemgħa l-komunità Nisranija tagħmel viżibbli l-komunjoni tagħha mal-Mulej u tagħti xhieda tal-appartenenza tagħha għal Kristu u l-fedeltà tiegħu għall-Knisja. Din il-ġemgħa ma tistax teħdilha postha preżenza sempliċiment virtwali, lanqas tista’ tirriduċi ruħha għal laqgħa sempliċiment passiva. Fil-fatt il-ġemgħa liturġika sseħħ fis-sehem attiv tal-aħwa, imsejħa flimkien biex “iroddu ħajr ’l Alla li ‘wellidhom mill-ġdid għal tama ħajja, bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet’ (1 Piet 1:13)” (ibid.).

Dwar dan, insejjaħ lil kulħadd biex ifittex l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jieħu sehem fil-Quddiesa, anki lil dawk li l-Ħadd ma għandhomx il-possibbiltà li jħallu x-xogħol.

Għeżież, is-sena liturġika, bir-ritmu li jagħtuha l-Ħdud, għandha storja interessanti, li fiha jintisġu flimkien il-fidi u d-devozzjoni tal-Knisja. Fil-fatt, sa mis-seklu 2, maċ-ċelebrazzjoni tal-Għid ta’ kull ġimgħa żdiedet dik tal-Għid ta’ kull sena, “fl-akbar solennità” (SC, 102), imwessgħa għall-“ispazju l-aktar hieni” ta’ ħamsin jum, li jilħqu l-qofol tagħhom f’Għid il-Ħamsin, u mħejjija miż-żmien tar-Randan bil-karattru penitenzjali tiegħu (ara SC, 109). L-iżvilupp taċ-ċiklu tal-Milied, li seħħ aktar tard fuq il-mudell ta’ dak tal-Għid, għen sabiex jingħaxu mill-ġdid il-misteri tal-inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla, tat-twelid tiegħu u tal-manifestazzjoni tiegħu lid-dinja. Il-Knisja mbagħad daħħlet fid-diversi żminijiet il-qima lejn il-Verġni Mqaddsa Marija, “li hi marbuta b’mod li ma jinħallx mal-opra tas-salvazzjoni tal-Iben tagħha” (SC, 103), u “t-tifkira tal-martri u tal-qaddisin l-oħra li […] qegħdin jieħdu sehem fis-sema fl-għamla ta’ tifħir perfett lil Alla u jitolbu għalina” (SC, 104).

Hekk is-sena liturġika tipproponi mill-ġdid f’għamla sagramentali l-pedagoġija tal-istorja tas-salvazzjoni, u tmexxi lill-fidili mill-istennija tal-Messija għall-milja tal-misteru tal-Għid u għall-antiċipazzjoni tal-glorja futura. Fiha l-Knisja tiċċelebra l-attwalità salvifika tal-misteru ta’ Kristu, u tippermetti lil min jemmen li jieħu sehem fiha b’mod dejjem iktar profond. Għalhekk is-sena liturġika hija l-prinċipju li jnebbaħ u l-qafas ta’ riferiment essenzjali għal kull azzjoni pastorali.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading