Lejn sens ta’ appartenenza, direzzjoni u kodiċi ta’ etika

Il-Ħadd, 2 ta’ Frar 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Ġwann Bosco, l-Oratorju Don Bosco, Victoria u fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Oratorju Don Bosco, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

L-Evanġelju li qrajna (Lq 2:22-40) huwa tat-2 ta’ Frar, il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Allura ħabtu żewġ festi flimkien: il-Festa lil San Ġwann Bosco u din il-festa li ngħidulha tal-Gandlora, il-festa tad-dawl.

F’din il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej isir ġest – jew aħjar, il-Lhud kienu jagħmlu ġest, u forsi aħna llum b’xi mod għadna nirrepetuh – li hu sinifikattiv ħafna. Il-koppja li kien ikollha tarbija kienet tmur fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u tippreżenta t-tarbija li jkollha lil Alla. Imma x’jiġifieri tippreżentaha? Dan hu ġest li lilna għandu għaliex jgħallimna ħafna. Tippreżentaha kien ifisser li l-koppja kienet tagħraf li dik it-tarbija mhix tagħha. Din diġà xi ħaġa qawwija: dik it-tarbija mhix tagħha, imma hija don li Alla fada f’idejn dik il-koppja. Ħalli mbagħad dak li jkun, jinsa dan il-ġest, u tifel jew tifla jagħmilhom proprjetà tiegħu! Dan il-ġest aħna wkoll nagħmluh, ħafna drabi meta mmorru Ta’ Pinu nippreżentaw it-trabi tagħna lill-Madonna. Imma aħna nippreżentaw it-trabi lill-Madonna mhux bl-istess sinifikat illi bih kienu jippreżentaw it-trabi tagħhom il-Lhud. Il-Lhud kienu jippreżentaw it-tarbija u kienu jgħidulu lil Alla: ‘Din tiegħek. Aħna ħa nippruvaw nieħdu ħsiebha, imma din mhix tagħna, imma tiegħek’. Aħna, mill-banda l-oħra, immorru ħdejn il-Madonna, u ngħidulha: ‘Isma’, ħsiebek hemm, ara ma jfettillekx tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lilna. Trid tagħmel preċiż kif ngħidulek aħna’. Immorru nitolbuha biex it-tarbija tagħna tkun preċiż kif nixtiequ aħna, skont x’se jkunu l-istruzzjonijiet li nagħtuha. Imbagħad dawn l-istruzzjonijiet iduru f’talb: ‘Agħmel li jsir hekk…’.

Din il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fiha verità qawwija ħafna: ħadd ma jagħmel lilu nnifsu b’idejh, imma kollha kemm aħna rigal, ġejjin minn Alla. Allura s-sens ta’ appartenenza tagħna, jekk aħna ġejjin minnu, jekk aħna m’aħniex tal-ġenituri tagħna, dan jiddependi minn Alla. Aħna ta’ Alla! Jekk aħna don tiegħu, hu dak li lilna mhux biss tana lilna nfusna, imma tana lil dawk ta’ madwarna. Huwa hu l-kuntest tal-appartenenza tagħna. Imma mhux biss! Jekk għamilna hu, għamilna biex nerġgħu mmorru għandu, għalih. Din id-direzzjoni ma nistgħux ninsewha f’ħajjitna: li aħna ġejjin minnu u msejħin biex immorru għandu, irridu jew ma rridux. Dawn huma veritajiet li ma għandniex għalfejn nemmnuhom, imma din hi verità li nħossuha, li jekk nieqfu nirriflettu, ngħidu li hekk hu. Aħna nitwieldu b’xejn u nitilqu minn hawn b’xejn. Allura m’għandna xejn tagħna, lanqas it-tfal. Ngħidulhom tagħna, imma mhumiex tagħna. Ħlief Alla… Alla biss huwa tagħna, u aħna biss tiegħu. Din hi l-verità għarwiena, imma din hi l-verità li kultant forsi tagħtina fastidju.

U allura matul it-triq aħna rridu nsibu l-aħjar mod kif ngħixu din il-ħajja fil-milja tagħha, kuntenti. Illum qegħdin nagħmlu l-Festa ta’ San Ġwann Bosco. Proprju xtaqt li nibda b’din il-premessa importanti, għax Don Bosco dak li pprova jagħmel f’ħajtu. Ma ninsewx li hu kien jgħix f’epoka fejn ħafna żgħażagħ kienu mitluqin fit-triq; allura ma kellhom l-ebda sens ta’ appartenenza, ħlief għat-triq. Mhux biss! Ħafna żgħażagħ kienu jgħixu mingħajr ebda tip ta’ kodiċi ta’ etika. L-uniku kodiċi ta’ etika kien l-istint ta’ sopravivenza. Ħafna żgħażagħ kienu jgħixu mingħajr direzzjoni, mingħajr futur. U meta int m’għandekx futur, int m’għandekx preżent. U allura naqgħu fid-dipressjoni, naqgħu fil-vojt, naqgħu fl-istress, naqgħu fil-kummiedji u fil-kompensazzjonijiet kollha li l-moħħ tal-bniedem jista’ jimmaġina biex jidħak bih innifsu, ħalli jagħti sens lil dak li hu bla sens.

Jien inħoss illi b’xi mod, jekk ma noqogħdux attenti, il-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna tal-lum tkun tixbah ħafna lil ta’ dak iż-żmien li fih kien jgħix San Ġwann Bosco. Kultant nistaqsi: għandhom sens ta’ appartenenza ż-żgħażagħ tagħna llum? Mhux tort tagħhom. Qed noħolqulhom ambjent u klima fejn huma jħossu li jistgħu jistrieħu, li jistgħu jserrħu u jgħidu: ‘Hemm id-dar, hemm il-ma u l-pa, hemm il-familja, hemm xi ħadd li huwa direttur spiritwali li f’ħajti jagħtini pariri, direzzjoni, kuraġġ’?

Għandhom ma’ xiex iserrħu ż-żgħażagħ tagħna? Il-biża’ tiegħi hu li kultant qed noħolqulhom wisq punti ta’ riferiment. Immaġinaw tifel ta’ 10  jew 11-il sena: mela għandu parti kbira tal-ħin l-iskola, imbagħad wara jrid imur jew il-futbol jew il-klassi tal-arti, jew il-privat, jew id-duttrina. Xħin dan it-tifel ikun id-dar ma’ ommu u ma’ missieru? Ejjew nistaqsu bis-serjetà: kemm sigħat jagħmlu tifel jew tifla llum fid-dar ma’ missierhom? Lil min jappartieni? Lill-iskola, lill-privat, lin-nursery, lill-iskola tal-arti, lill-attivitajiet oħra extra-kurrikulari li għandu? U minħabba f’hekk it-tfal tagħna jispiċċaw diżorjentati. Qishom dak it-tifel li għandu elf ġugarell madwaru; imbagħad jaqbad wieħed, iħares lejh, ipoġġih mal-art; u jaqbad ieħor ta’ maġenbu, iħares lejh, ipoġġih mal-art; u jaqbad l-ieħor ta’ maġenbu; imbagħad jegħja u jaqbad u jitlaq ’il barra mill-kamra. Ma jistax jaqbad tarf, hu diżorjentat. Imma għaliex diżorjentat? Għax ma hemmx dan is-sens veru ta’ appartenenza. Noqogħdu ftit attenti.

Is-soluzzjonijiet ma jiġux billi ntawlu l-ħinijiet tal-iskola, kif ħafna b’xorti ħażina qegħdin jipproponu. Is-soluzzjonijiet jiġu billi nsibu bilanċ bejn id-diversi aspetti tal-ħajja tat-tfal u taż-żgħażagħ tagħna, il-bilanċ li sab San Ġwann Bosco. Iż-żgħażagħ tagħna, bħal dawk ta’ żmienu, huma żgħażagħ mingħajr direzzjoni. L-unika direzzjoni hi li naqilgħu l-flus. It-triq għal din id-direzzjoni hi kemm jista’ jkun l-inqas tbatija. Dan huwa l-messaġġ li kontinwament qegħdin ngħaddu minn fuq s’isfel lil uliedna, li huwa messaġġ gidba, messaġġ falz, għax ilkoll kemm aħna nafu li mingħajr tbatija ma jsir xejn.

Ġesù Kristu għalhekk kien persuna realistika, għax ippreżentalna s-salib u qalilna: ‘Dan tridu taċċettawh bħala parti mill-ħajja’. Min jitbiegħed minn din ir-realtà ta’ Ġesù – li flimkien mal-ferħ, mas-suċċessi u mal-pjaċir hemm ukoll il-falliment u t-tbatija – ikun qiegħed jidħak bil-bniedem, ikun qiegħed jipprova jieħu xi ħaġa mingħand il-bniedem u jbellagħlu xi ħaġa biex jixtrih. U din hija l-ordni tal-ġurnata tal-lum. Ma ninsewx li l-loġika tal-pubbliċità u tar-reklami saret il-loġika tal-ħajja. Għal ħafna minna l-loġika ta’ ħajjitna saret il-loġika tar-reklami: allura dak li jidher, kemm ħa tiggwadanja, kemm ħa taqla’, kemm ħa tkun sew int, u tiġi u taqa’ u tqum minn ħaddieħor, l-oħrajn ma jeżistux; l-oħrajn jeżistu biss sempliċiment għalik, biex inti tkun sew fuqhom u minn fuq darhom. Din hija l-loġika tagħna, loġika li kulma jmur aħna qegħdin nitgħallmu u nikbru fiha.

Iż-żgħażagħ tagħna mhux biss ma għandhomx direzzjoni, imma ma jafux x’se jagħmlu. Impressjonatni esperjenza ta’ għalliem tat-tfal tal-Forms 3 u 4, u l-mistoqsija kienet: ‘X’se tagħmel meta tikber?’. Tafu x’kienet ir-risposta tal-parti l-kbira minnhom? ‘Immur naħdem mal-Gvern’. M’iniex qiegħed nigdeb; nixtieq li l-għalliem li qalhieli qiegħed hawn. X’hemm warajha din? Jien mhux għall-espressjoni li ‘mmur naħdem mal-Gvern’, imma dawn it-tfal imsieken, diżorjentati: ma għandhomx direzzjoni, ma jafux lejn fejn sejrin, ma jafux xi jridu. Tant għandhom madwarhom! Jien naħseb li s-soċjetà għandha bżonn tieqaf u tirrifletti b’mod serju fuq din ir-realtà li qegħdin ngħixu. Naf li mbagħad hemm żgħażagħ u nies oħra li mhumiex f’din is-sitwazzjoni, biex inkunu bbilanċjati.

Għidna li m’hemmx sens ta’ appartenenza u direzzjoni; imma lanqas hemm kodiċi ta’ etika. X’inhu l-uniku kodiċi ta’ etika llum? Li nkun sewwa issa. Jekk issa nkun sew billi npejjep il-ħaxixa, allura issa rrid inpejjep il-ħaxixa; jekk issa nkun sew billi nixrob, allura issa nixrob; jekk issa nkun sew billi nitlob u mmur il-knisja, mela mmur il-knisja u nitlob. Il-kodiċi tal-etika huwa wieħed: inkun sew issa! Jiena naħseb li għandna bżonn ta’ bilanċ importanti, li San Ġwann Bosco, fl-intelliġenza tiegħu, ta liż-żgħażagħ ta’ żmienu, għas-sens ta’ appartenenza li ma kellhomx. Hu ta l-proposta tal-logħob, jiġifieri l-preżenza. Biex tilgħab, trid tkun preżenti. Illum m’għandniex għalfejn… illum agħtih mobile jew tablet f’idu, u dak jilgħab mhux ġurnata jew tnejn, imma 48 siegħa wara xulxin! Mhux se jtellfek, mhux se jgħidlek ‘ma’ jew ‘pa’. Imbagħad x’ma jitkellmux bl-Ingliż biss it-tfal tagħna! X’ma tintilifx il-lingwa Maltija tat-tfal tagħna! Ma ninsewx li San Ġwann Bosco ma kienx biss ifittex li żagħżugħ ikun Nisrani tajjeb, imma anki ċittadin tajjeb. Allura San Ġwann Bosco, għal din il-problema tan-nuqqas ta’ sens ta’ appartenenza li kellhom iż-żgħażagħ ta’ Turin, qalilhom: ‘Ejjew nilagħbu u noqogħdu flimkien’.

Għan-nuqqas ta’ direzzjoni tahom it-talb. Fejn sejrin? Minn fejn ġejjin? Hekk għedna fil-bidu tal-omelija. Alla fejn hu fil-ħajja tagħna, fil-ħajja taż-żgħar u tal-familji tagħna? It-talb fejn hu fil-ħajja tal-familji tagħna? Jekk aħna rridu nagħtu direzzjoni lill-familji u liż-żgħar tagħna, liż-żgħażagħ tagħna, infittxu t-talb. Mela San Ġwann Bosco, għan-nuqqas ta’ direzzjoni, jagħti t-talb. Dan lilna li qegħdin hawn jitlobna li nieħdu xi tip ta’ deċiżjonijiet f’ħajjitna, li nagħmlu xi tip ta’ għażliet f’ħajjitna. Il-ftit li nistgħu. Ma nistgħux noqogħdu ngħidu: ‘Għax il-Gvern… għax l-Oppożizzjoni… għax is-soċjetà… għax l-Ewropa… għax Trump…”. Imma jien x’nista’ nagħmel? Jien, isqof, x’nista’ nagħmel? X’nista’ nagħmel jien f’din is-sitwazzjoni, għall-aħjar ta’ dan iż-żagħżugħ, mhux hekk fl-ajru? Għal dawn jien x’nista’ nagħmel?

Għall-kodiċi ta’ etika, għat-tħarbit ta’ żmienu, għat-tfal jiġru jisirqu, x’soluzzjoni sab San Ġwann Bosco? Ix-xogħol minn meta jkunu għadhom żgħar. Araw x’bilanċ fl-għaqal ta’ dan il-bniedem! Aħna ngħidu: ‘Noqogħdu attenti, għax ma tistax tabbuża, ma tistax tħaddem it-tfal iż-żgħar’. Imma li tirresponsabbilizza lit-tfal iż-żgħar, li kapaċi jlesti mejda tal-ikel (jekk għadna nieklu fuq il-mejda!), li kapaċi jaqbad xkupa u jiknes fid-dar, li kapaċi jnaddaf, li kapaċi jiġbor u jirranġa s-sodda tiegħu, li kapaċi jiġbor il-kamra tiegħu… irid ikollna l-paċenzja bħal ta’ qabilna – għax forsi ma baqagħlniex paċenzja nirresponsabilizzaw lil uliedna – biex huma wkoll iħossu r-responsabbiltà li jagħtu s-sehem kbir jew żgħir tagħhom tax-xogħol. Ix-xogħol ifisser dinjità, mhux biss meta nkunu adulti, biex naqilgħu l-flus, imma x-xogħol meta jien żgħir, u naf li kapaċi nagħmel xi ħaġa anki żgħira biex nikseb sens ta’ stima tiegħi nnifsi. Hekk jien nikber fis-sens ta’ utilità fis-soċjetà, u mhux biss fil-familja.

Ejjew nitolbuh lil San Ġwann Bosco! Ma għandux bżonn ta’ festi San Ġwann Bosco, imma ta’ nies li bħalu jxammru l-kmiem u jaħdmu maż-żgħażagħ. Għandu bżonn ta’ koppji u ta’ familji li bħalu jagħrfu x’inhu l-veru ġid taż-żgħażagħ, ħafna drabi b’sagrifiċċju tagħna nfusna. Jien biex it-tifel jew it-tifla tiegħi jkunu sew, irrid nissagrifika milli ngħaddi l-ħin ’l hawn jew ’l hemm, jew milli nibagħtu ’l hinn jew ’l hemm, neħles minnu għal siegħa jew sagħtejn – skużawni l-kelma, imma kultant hi vera – ħalli jkolli ċans nagħmel dak li għandi nagħmel, għax mhux qiegħed ġo saqajja. Nissagrifika jien mill-kapriċċi tiegħi, mill-interessi tiegħi, għall-ġid veru tal-persuni. Don Bosco kien kapaċi jwarrab ħajtu, mhux tiegħu biss, imma anki ta’ ommu, u ġidu, saħħtu u l-intelliġenza tiegħu, għall-ġid tal-oħrajn.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading