Il-logħba divina. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tas-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh. (Lq 5:1-11)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.

Tidher logħba intriganti.
Alla jagħmel passi kbar biex joqrob lejn il-bniedem.

Imma xħin in-nies tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla
Ġesù jitla’ fuq dgħajsa u jieħu ċertu distanza.

Hemm qawwa fil-kelma ta’ Alla li tattira u toħloq relazzjoni
imma hemm ukoll distanza meħtieġa biex tmexxina hi
(mhux nimmansawha aħna)!

Irrifletti:
• B’liema mod tħalli l-Kelma t’Alla tkellmek b’mod dejjem ġdid?

ii. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”.

Hemm mumenti fejn ma nkunu qbadna xejn
u d-diżappunt ikun qawwi:
tmut xi ħaġa fina u
t-toqol jimblokka kull inizjattiva.

Pietru jibda minn hemm
imma il-Kelma t’Alla iċċaqlaq xi ħaġa fih:
nista’ nafda, nista’ nerġa nibda!
.
Irrifletti
• Ġib il-memorja ta’ Kelma li nisslet tama fik?

iii. Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Lura għal-logħba tal-bidu.

Pietru jagħraf id-distanza enormi li hemm
bejn iċ-ċokon tiegħu u l-kobor t’Alla
bejnu bħala midneb u l-qdusija t’Alla.

Ġesù jissorprendi mill-ġdid:
fuq dgħajsa waħda id-distanza issir koperazzjoni
il-Kelma ta’ Ġesù tibdel lil Pietru:

minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies
int ukoll ittella’ lil oħrajn mid-diżappunt għall-ħajja
int ukoll tnissel tama f’min irrassenja ruħu.

Is-Saltna t’Alla qrib: erġa itfa x-xbiek!

Irrifletti

• Fejn mistednin nerġgħu nitfgħu ix-xbiek? Għandek xi sitwazzjoni f’moħħok?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading