Bħal għada tletin sena ilu (11)

Qabel inħalli l-belt ta’ Tours, imma mhux lil San Martin, li dejjem inġorru miegħi f’qalbi, nixtieq nagħti titwila storika lejn Bażilika iddedikata lilu, il-qaddis padrun ta’ din il-belt, li hi ukoll il-kapitali tat-taqsima Indre-et-Loire département.

Tajjeb ngħidu li l-Bażilika ta’ San Martin f’Tours hi knisja tabilħaqq importanti. Dan l-għaliex inbniet eżattament fil-post fejn San Martin ġie mifdun, fiċ-ċentru ta’ Tours. Anki l-istorja tagħha hi waħda mill-aktar interessanti għax imqallba għall-aħħar. L-ewwel nett, din il-Basilique de St Martin (il-Bażilika ta’ San Martin) għandha arkitettura neo-Biżantina. Fil-fatt, hi ġiet mibnija fuq is-sit li fuqu knejjes oħra ġew mibnija biex jonoraw lil San Martin, l-isqof ta’ Tours, tar-raba’ seklu. Dan juri biżżejjed kemm hu qadim il-kult lejn dan il-qaddis kbir. Barra minhekk, naraw ukoll li, bħalma ġara eżattament fl-Art Imqaddsa, l-Insara dejjem fittxew iqaddsu t-tifkira ta’ nies li ħabbew lill-Mulej billi bnew knejjes fuq il-post fejn dawn ġew midfuna. Hekk, il-knisja mibnija, li biż-żmien issir santwarju, tibqa’ tfakkar xogħol il-Mulej permezz ta’ dak il-qaddis u dik il-qaddisa.

Ma rridux ninsew lanqas li maġenb din il-bażilika illum wieħed jara żewġ torrijiet bl-istil Romanesk u kjostru li jmur lura għaż-żmien Rinaxximentali u li kien ġej mill-Bażilika ta’ qabel.

Kif nafu diġà, San Martin miet fis-sena 397 f’Candes. Kellu madwar 81, mela età pjuttost twila għal dawk iż-żminijiet fejn il-mediċina kienet għadha fi stat bikri fuq ċerti ħwejjeġ. Mal-mewt tiegħu l-ġisem tiegħu inġib f’Tours. Il-fdalijiet tal-ġisem ta’ San Martin ġew magħluqa f’sarkofagu tal-ġebel. Fuq dan is-sarkofagu s-suċċessuri tiegħu, San Britius u San Perpetuus, l-ewwel bnew kappella sempliċi u, aktar tard, bnew bażilika fis-sena 466 fejn tlestiet għal kollox fis-sena 472. San Ewfronju, Isqof ta’ Autun u ħabib ta’ San Perpetuus, bagħat għatu skulturat tal-irħam biex jgħatti l-qabar bih. Din il-Bażilika Nisranija tal-ewwel żminijiet sfat maħruqa flimkien ma’ għadd ta’ knejjes oħra fis-sena 988.

Bażilika aktar spazzjuża ta’ San Martin ġiet mibnija fl-1014. Imma anki din sfat maħruqa fis-sena 1230. Għalhekk sfat mibnija f’bażilika akbar fl-istil Romanesk fis-seklu 13. Tajjeb ngħidu li din il-bażilika saret iċ-ċentru ta’ pellegrinaġġi nazzjonali u kienet anki waħda mill-waqfiet lejn is-Santwarju ta’ Santiago di Campostella fi Spanja. Il-kult lejn San Martin kien popolari ħafna fiż-żmien tal-Medju Evu. Kienu ħafna l-knejjes u l-kappelli li ġew iddedikati lilu.

Fl-1582, l-Hugonotti (jiġifieri l-Kalvinisti Franċiżi) ħatfu l-Bażilika ta’ San Martin, serquha u kissru l-qabar bir-relikwi ta’ San Martin. Imbagħad, il-Knisja ġiet restawrata mill-kanonċi tagħha. Madankollu, kellha tgħaddi minn perjodu ieħor iswed u ta’ qsim il-qalb. Fil-fatt, fl-1793 sfat meqruda mir-Revoluzzjoni. Dak li kien baqa’ mill-Bażilika kienu ż-żewġ torrijiet li għadhom wieqfa sallum. Biex jassiguraw li l-Bażilika ma terġax tinbena mill-ġdid, il-muniċipat tal-estetika fetaħ żewġ toroq fuq dan is-sit.

F’Diċembru tas-sena 1860, it-tħaffir li sar wera fejn kien is-sit tal-qabar ta’ San Martin, li xi ftit frammenti tiegħu kienu instabu. Bażilika ġdida li fiha tqegħdu dawn ir-relikwi ġiet mibnija minn Mons Meignan, li kien l-Arċisqof ta’ Tours mill-1886 sal-1924. Il-qabar ta’ San Martin għadu post ta’ talb u pellegrinaġġi għall-Insara.

Din l-esperjenza tassew ħelwa li kelli f’Tours, ħdejn San Martin, stednitni napprezza aktar minn hu San Martin, l-aktar kif niċċelebrawh fil-liturġija tas-Sigħat. Nixtieq, qabel xejn, infakkar lil dan l-isqof kbir, kif jagħtihulna l-innu li nsibu fl-Uffiċċju tal-Qari f’nhar il-Festa ta’ San Martin, fil-11 ta’ Novembru:

“Nifirħu lkoll mal-Knisja f’din il-festa/ ta’ San Martin, li llum is-Sid sejjaħlu/ għall-ħlas ta’ dejjem, għax hu qdieħ fis-sewwa/ fil-għalqa tiegħu. Kien bniedem ħajtu kollha magħqud m’Alla,/ raġel tal-għaqal, twajjeb, umli w mistħi,/ għaraf jitrażżan u żamm ruħu safi, fis-sliem u sieket. Sikwit fuq qabru b’tama jersqu l-morda/ u jħossu x’qawwa għandu quddiem Alla,/ għax minn kull mard jeħlishom, u jroddilhom/ mill-ġdid is-saħħa. Għalhekk ninġabru llum, u b’qalb ferħana,/ inroddu ġieħ lil isqof kbir u ħlejju,/ sabiex bil-merti tiegħu nsibu dejjem/ għajnuna f’waqtha. Il-qawwa, s-setgħa, l-ġieħ, s-sebħ u l-għana/ lit-Trinità Qaddisa, Alla wieħed,/ li mit-tron għoli tas-smewwiet imexxi/ lill-ħlejjaq kollha. Amen.”

Il-Liturġija tas-Sigħat f’jum il-festa ta’ San Martin toffrilna t-tieni ritratt tiegħu. Dan hu l-ewwel innu, minn serje ta’ tnejn, li nsibu fit-Tifħir tas-Sbiħ il-Jum f’jum il-festa ta’ San Martin. Kliem l-ewwel innu jgħid hekk:

“Lill-Appostli Martin tixbaħ,/ għaliex bħalhom tajt ix-xhieda,/ u sabiex imħabbtek tgħarraf/ li tkun martri wrejt ir-rieda. Għalhekk waqt li ismek ngħollu/żomm ir-ragħajja f’triq is-sewwa,/

ħalli l-ġemgħa toktor f’ġieħha/ u bl-imħabba ttemm id-dnewwa. Għax int kont l-għaxqa tal-merħla,/ li Ġesù ħalla f’idejk;/ u bil-għemil u l-kliem tiegħek/ qalb kulħadd inġibdet lejk. Biex is-sebħ u l-ħidma tiegħek/ ma tidbielx maż-żminijiet,/ Martin, dawwal, ħeġġeġ, ħares,/  qaddes l-għadd tal-isqfijiet. ’L Alla wieħed sebħ ingħollu/ Tliet Persuni magħżulin;/ lil Martin, ħajr, għax bih ġejna/ fi twemmina imdawlin. Amen”.

It-tielet kwadru li l-Lituġija tas-Sigħat tagħtina dwar San Martin hu t-tielet innu. Fih għandna din l-istampa ta’ San Martin:

“Martin nagħtuk foħrija,/ int li b’qalb imħeġġa/ b’nirien ta’ mħabba għal ħutek,/ ridt tgħix jew tmut għalihom. Dawwal lil min imexxi,/ kif dejjem għamilt f’ħajtek,/ kattar il-ġieħ tal-Knisja,/ u xejjen qerq il-għadu. Int li ħennejt għal għajrek/ u qsamt ilbiesek magħhom,/ eħlisna minn ħtijietna,/ libbisna bil-ġustizzja. Ħarsilna lir-ragħajja/ tal-merħla mqaddsa t’Alla,/ kif kien għalik sa f’ħajtek/ il-ġieħ speċjali tiegħek. Agħmel li nfaħħru bħalek/ it-Trinità Qaddisa,/ u bit-talb qawwi tiegħek/ wettqilna l-fidi fiha. Amen.”

Dawn l-innijiet liturġiċi huma profondi u, fl-istess ħin, sempliċi u ħelwin, l-għaliex letteralment iqaxxru l-elementi qaddisa li kienu magħġuna sewwa ma’ dak il-qaddis u ma’ dik il-qaddisa partikulari. F’dan il-każ, xi elementi evidenti ta’ ħajja qaddisa li sawwru l-ħajja u l-ħidma ta’ San Martin, kif joħorġu minn dawn l-innijiet liturġiċi, kienu: iċ-ċaħda tiegħu innifsu, l-għożża tal-ħajja maqgħuda mal-Mulej fit-talb, l-imħabba lejn Kristu fil-foqra, it-twettieq b’imħabba u b’dedikazzjoni kbira tal-ministeru episkopali tiegħu, u l-ħeġġa li kellu lejn il-Mulej fil-poplu tiegħu. Kienu dawn l-elementi, fost ħafna oħrajn, li wasslu l-poplu tal-Mulej biex iqimu, jitlob il-ħarsien tiegħu, ibda’ mir-rgħajja u spiċċa f’kull membru tal-merħla ta’ Kristu.

Minn dan kollu ma nistgħux ma nikkondludux li t-talb liturġiku hu, minnu innifsu, tagħlim, jiġifieri katekeżi u anki forma ta’ direzzjoni spiritwali u tħeġġiġa tajba lilna l-Insara li nitolbuh biex nikbru fil-mixja tagħna lejn Ġerusalemm tas-Sema fuq l-eżempju ħaj u li jqawwi, iħeġġeġ, irawwem, iwissi u juri t-triq ta’ San Martin ta’ Tours. Kos hux kemm il-Liturġija tas-Sigħat taf tkun ħorġa daqshiex mimlija żrieragħ ta’ tama li int u jien tant għandna bżonn kemm għall-ħajjitna personali u kif ukoll għall-ħajja tal-oħrajn.

Ejjew issa nitolbu lill-Mulej bit-talb ta’ dan il-qaddis kbir, il-qaddis padrun tal-foqra u anki ta’ dawk li huma maħkuma mill-vizzju tax-xorb: “O Alla, l-isqof San Martin f’ħajtu u f’mewtu faħħar il-kobor tiegħek; ġedded fi qlubna l-għeġubijiet tal-grazzja tiegħek, biex la l-ħajja u lanqas il-mewt ma jaslu biex jifirduna minn imħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.”

Issa San Martin fetħilna t-triq għal għand is-Sinjura li għandha s-Santwarju tagħha f’Lourdes …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading