Mat-tluq minn Disneyland Paris irħejnielha lejn Tours. Għadni niftakar li minn Pariġi kellna ngħaddu minn Bordeaux. Għadhom stampati sewwa f’moħħi dawk l-għelieqi kemm tagħtik il-viżta t’għajnejk, mimlijin bid-dwieli. Meta rajthom hekk għedt bejni u bejn ruħi: “X’ma jkollhomx inbid tajjeb il-Franċiżi u b’abbundanza! Dak l-ilma kollu u dik il-klima tal-ħolm! Mhux ovvja li se jagħtuk l-aqwa u l-iprem kwalità ta’ imbejjed!”
Imbagħad, wara xi ftit sigħat ta’ sewqan, wasalna Tours. Kuntrarju għall-mawra f’Pariġi, li bqajt niftakarha bir-reqqa kollha, miġjieti f’Tours kienet pjuttost imċajpra. Ma nafx. Forsi l-jiem f’Pariġi tant kemm kienu mimlijin avventuri ta’ kull xorta li qajla kien baqagħli enerġija nikkonċentra fuq Tours. Madankollu, il-kattidral ta’ din il-Belt baqa’ f’qalbi. Dan l-għaliex kien iddedikat lil San Martin!
San Martin! Li jġibli l-qastan u t-tin! X’tifkiriet sbieħ għandi ta’ dan il-qaddis! Niftakar lill-għażiża ommi Marija (jew kif kien iħobb isejħilha l-għażiż Missieri, Alla jaħfirlu, Marì), li kienet tagħmilli l-borża mas-sodda. Sewwa sew għat-tieni Ħadd ta’ Novembru. Kif nista’ qatt ninsa dik il-borża bajda bajda, irrigata b’linji vjola ċari? Għadni niftakar qisu issa li meta kont inqum kont insibha mimlija sa ruħ ommha bl-affarijiet! Ġewż, qastan, tin, larġina, tuffieħa u ħelu! U kemm inħobbu lil San Martin!
Ommi kienet tgħidli: “Din ġabhielek San Martin!”. U jien, ta’ tifel innoċenti li kont u nibla kollox daqs mazzun, lil ommi kont ngħidilha: “Imma Ma, lil San Martin qatt ma rajtu”. U ommi, ta’ għaqlija li hi, kienet tgħidli: “Għax dak jiġi meta int tkun rieqed. Hemm ara! Lestejnhielu x’jiekol u x’jixrob”. U veru tafux. L-għaliex fuq il-platt lewn il-fidda kienet tagħmillu tazza tal-vermut u miegħu jew naqra vermut inkella Whiskey. Imbagħad, fi platt ieħor, anki dan lewn il-fidda, fuq sarvetta tal-karti kienet tagħmillu l-gallettini. U jien, ta’ tifel ċkejken, moħħi kien imaħmaħ fuq kif San Martin kien se jidħol ġo darna. Kif kien jidħol mill-bieb u f’hiex ħin kien jiġi biex jimlili l-borża. Ħaġa naf: li meta kont insib il-borża imdendla mas-sodda, imballata bl-affarijiet tal-ikel, aqta’ kemm kont nifraħ! U, ngħidilkom is-sewwa, mhux l-ewwel darba li kienet taqbiżli xi demgħa ukoll! L-aktar meta kont nerfagħha. It-toqol tagħha kien ifakkarni fil-ġenerożità kbira ta’ San Martin. Kif tista’ ma tibkix quddiem dik il-qalb kbira?!
Għeżież ġenituri, għamluhielhom lit-tfal il-borża ta’ San Martin! Japprezzawha! Irrakkuntawlhom l-istorja tiegħu. Għax meta jikbru f’dawn il-ħwejjeġ se jibqgħu jiftakru. Huma dawn il-ħwejjeġ li se jġibu tama kbira u jimlew lil ħajjithom bil-ħlewwa tas-sema. U int, abbli tgħidli: “Patri, ma nafhiex l-istorja ta’ San Martin”. Tinkwieta xejn. Irrakkuntalhom jew aqralhom din l-istorja kif imħollija lilna fl-Ittri ta’ Supliċju Severu.
“Martin kien jaf ħafna minn qabel jum il-mewt tiegħu, u, meta wasal, qal lil ħutu li dan il-jum kien ħafna fil-qrib. Ġara li kellu jmur iżur id-djoċesi ta’ Candes minħabba l-firda li kien hemm fost il-kleru: għalkemm kien jaf li kien wasal fi tmiem ħajtu. Xtaq iġib il-paċi fosthom u ma beżax jagħmel il-vjaġġ: qies li jkun tmiem tassew sabiħ għall-ħajja tiegħu ta’ tjieba kieku kellu jħalli l-Knisja fl-hena tas-sliem.
Wara li qagħad ftit taż-żmien f’dak ir-raħal, jew aħjar f’dik il-knisja, fejn kien mar, u rnexxielu jġib il-paċi bejn il-kleru ta’ hemm, meta beda jaħseb biex jerġa’ lura lejn il-monasteru ħass tonqoslu s-saħħa ta’ ġismu, sejjaħ ’il ħutu u qalilhom li kien wasal biex imut. In-niket u l-biki ħakimhom ilkoll, u b’leħen wieħed, imbikkijin, bdew jgħidulu: ‘Għaliex, missier, se tħallina? Għaliex se titlaqna waħedna fin-niket tagħna? Ara, ilpup ħattafa se jaqbżu fuq il-merħla tiegħek: jekk ir-ragħaj ikun midrub, min se jeħlisna mill-qilla tagħhom? Nafu li int tixtieq ’il Kristu, imma l-premju tiegħek hu fiż-żgur u ma titilfux jekk tiddawwar biex tiksbu: ikollok, mela, ħniena minna lkoll, li se tħalli waħedna’.
Imqanqal minn dan il-biki, li ġiegħlu jagħdirhom kif dejjem għamel tul ħajtu kollha b’mogħdrija ġejja mill-fond tal-ħniena ta’ Alla, hu wkoll beda jibki – hekk qalulna – u dawwar wiċċu lejn Alla u, għall-kliem ta’ ħutu mbikkija, wieġeb biss b’dan il-kliem: ‘Mulej, jekk għadni meħtieġ għall-poplu tiegħek, ma rridx naħrab ix-xogħol: ikun li trid int’.
Raġel li jgħaġġbek, la nkedd mix-xogħol, lanqas reġa’ lura quddiem il-mewt; ma nġibidx la lejn naħa u lanqas lejn l-oħra; ma beżax mill-mewt, għalkemm ma ċaħadx li jibqa’ jgħix. Għajnejh u jdejh il-ħin kollu merfugħa lejn is-sema, ma kienx iħalli l-ispirtu qawwi tiegħu jehda mit-talb, u lill-qassisin li kienu madwaru, meta staqsewh iridhomx idawruh biex itaffulu l-uġigħ, weġibhom: ‘Ħalluni, ħuti, inħares lejn is-sema u mhux lejn l-art, biex ruħi tkun tħares lejn Alla meta tasal biex titlaq’. Kif qal dan, ra x-xitan maġenbu: ‘X’qed tagħmel hawn’, qallu, ‘bhima kollok dmija? Xejn ma ssib fija minn tiegħek, ja mejjet ħaj; jien sejjer fi ħdan Abraham’. Kif qal dan il-kliem ruħu ttajret lejn is-sema. Martin, kollu ferħan, intlaqa’ fi ħdan Abraham. Martin, fqir u umli, daħal għani fis-sema.”
Il-biċċa tal-qaddis San Martin fakkrittni wkoll f’esperjenza mill-isbaħ li ġarrabt f’Novembru tal-1998, meta kont għadni student mal-Kapuċċini. Niftakar li f’dawk iż-żminijiet il-Provinċja Kapuċċina Maltija kellha d-Dar tat-Talb f’San Martin, fil-Baħrija. Niftakar li l-Provinċjal, flimkien mad-definitorju ta’ dak iż-żmien, liema uħud mill-membri tiegħu illum m’għadhomx magħna, kienu iddeċidew li jien u żewġ studenti oħra inqattgħu xahar f’din id-Dar tal-ħolm. U meta taħsbu li morna nqattgħu dan ix-xahar? Mhux f’Novembru, għall-ħabta tal-festa ta’ San Martin, il-11 ta’ Novembru!
Mal-Patri u l-Fra li kien hemm diġà dik il-ħabta f’din id-Dar, niftakarna inqumu jumejn f’ġimgħa f’nofsillejl għat-talb. Imbagħad kellna wkoll orarju ta’ talb u formazzjoni matul il-jum. Fil-għaxija kien mument tassew sabiħ meta konna niltaqgħu għar-rikrejazzjoni biex nilgħabu l-UNO! Kemm konna nidħku! Xi żmien sabiħ kien dak! Filwaqt li qed insemmieh qed nimsaħ id-dmugħ li qed iġelben ma’ ħaddejja. Kemm kienu xorta oħra l-affarijiet! Intant! …
Inċident tassew ħelu li niftakar minn dak iż-żmien kien meta darba, wieħed mill-bdiewa tal- madwar, ġabilna tilar tal-ġbejniet friski friski. Dan il-proxxmu ġie sa ħdejna filgħaxija, eżattament wara l-quddiesa tas-sitta. Il-Patri qagħad jitħaddet miegħu. U aħna, ta’ studenti imqarrbin u imwġewħin, x’taħsbu li għamilna? Mhux ovvja! Ħadna t-tilar u ħallejna lil Patri jkompli mal-bidwi. Filwaqt li aħna, b’ġuħ ta’ kelb, morna għall-ħobż u kilna ikla ġbejniet issemmix. Ikla li għadni nilgħaq ilsieni kull darba li niftakar fiha. U meta l-Patri ġie biex jieħu xi ħaġa, miskin, baqa’ b’xiber imnieħer! Għax ma sab xejn! Rajtu li baqa’ imwerreġ bil-ħeffa li biha kilna, jew aħjar blajna, dawk l-imberkin ġbejniet! U int x’tistenna minn żgħażagħ bejn it-tnejn u għoxrin u s-sitta u għoxrin sena? Fl-aħjar tagħhom? Ngħidlek li aħjar iżżul minn nofs għax anki lilek u lili jieklu!
Esperjenza oħra mill-isbaħ fid-Dar tat-Talb f’San Martin kienet dik tas-Sibt 14 ta’ Novembru 1998, Festa tal-Franġiskan San Nikola Tavelić. Apparti li kien jum mill-aktar sabiħ u mimli xemx, f’dan il-jum konna ħsilna ħasla nobis l-eremitaġġ. Fost id-dulluvju ta’ ilma li tfajna fil-kmamar u fil-kappella ħalli nġibuhom xummiema, bqajt niftakar dak ix-xenarju li ma jintesa qatt li kellna warajna hekk kif konna qegħdin inbaħbħu z-zuntier bl-ilma. Għal waqt ħassejtni qiegħed f’Assisi, ħdejn Monte Subasio, fejn Missierna San Franġisk kien jirtira mal-patrijiet fl-għar ċkejken tiegħu biex jitlob.
U, la ġejna għax-xahar ta’ Novembru, lanqas ma nista’ ninsa l-festa ta’ San Martin li konna nagħmlu f’dan l-eremitaġġ. Kemm kienet tkun imżejna sabiħa l-Kappella b’dak il-lewn aħmar aħmar tal-qaddis Martin! Biex ma nsemmix ukoll dawk il-kandlieri lewn id-deheb u dawk it-trieħi, il-fjuretti u, fuq kollox, l-istatwa ħelwa ta’ San Martin. Imbagħad il-quddiesa tal-festa bit-tberik tal-annimali kienet tassew għaxqa. Għadni niftakar praspura li ma ninsieha qatt. Mela waqt it-tberik tal-annimali, żiemel daqshiex abjad inħasad mid-daqq u anki mill-ilma li l-Patri tefagħlu meta bierku. U, dan iż-żiemel abjad, li kien donnu tal-imperatur Ruman, daqskemm kien wieqaf u fuq tiegħu, bil-ħasda li ħa għal naqra ma faqax l-ispeaker minfejn kien ħiereġ il-ħoss tas-synthesizer. Allaħares ġara hekk għax kieku addijo il-quddiesa.
Anki San Martin jaf iġagħlek titbissem b’li jivvinta! …
Patri Mario Attard OFM Cap