Minn Fr Michael A. Galea
ĦUK KIEN MEJJET U REĠA’ QAM, KIEN MITLUF U NSTAB!
Alla, għani fil-ħniena, jagħmel festa kbira lill-bniedem midneb li jindem minn ħtijietu u jerġa’ lura għandu. Se nibda l-omelija tiegħi b’esperjenza vera: “Intervista li għamel wieħed ġurnalist lil ċertu ħabsi Malti jismu Tarċisju Agius.
Jgħid hekk dan il-ħabsi: “Kont mimdud fuq is-sodda fiċ-ċella tiegħi fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin meta smajt lil xi ħadd jgħidli f’qalbi: ‘Ibni, ibni, issa daqshekk…ejja sal-knisja ħalli nitkellmu ftit.’ Kien ilni snin sħaħ ma nersaq lejn il-knisja għax kelli rabja kbira għal Alla.” Komplejt ngħid lili nnifsi: “U x’immur il-knisja… jien lanqas nemmen f’Alla!” Imma jkompli jgħid dal-ħabsi: “Iddeċidejt li mmur, xejn xejn noħroġ daqsxejn miċ-ċella. Imxejt tul il-kuritur li kien jagħti għall-kappella tal-ħabs u dħalt rasi baxxuta għax lanqas kont naf kif se naġixxi…Bdejt tiela’ lejn l-altar, ħarist ‘il fuq u rajt lil Ġesu’ msammar ma’ salib. Bdejt nibki kemm niflaħ, ma stajtx nieqaf.
Kif spiċċat il-quddiesa, Father Franco niżel ħdejja, taptapli fuq spallti u staqsieni: “X’għandek, ħabib?” Staqsejtu: “X’għandi?! M’intix tara? Dak il-bniedem issallab għalija u jien ilni nobogħdu għal ħafna snin. Ħadli lil missieri u lil ommi kont għadni żgħir u issa jien ninsab f’dan il-ħabs maqful għal ma nafx kemm il-sena!” Għedtlu: “Father Franco jien nixtieq inqerr imma ma nafx minn fejn se nibda għax għamilt minn kollox…imbagħad jekk tara li jien niedem u jixraqli, nixtieq nitqarben…”
Il-patri qalli: “Agħmel kuraġġ, ibni. Jekk inti niedem mid-dnubiet tiegħek, il-Mulej se jaħfirlek żgur!” Dan Tarċisju kiteb talba, jafha bl-amment, stampa 2000 kopja u qed iqassamha ma’ Malta kollha. Pero’ wara din l-esperjenza daqsxejn twila imma qawwija, ħa ngħaddu għall-vanġelu… Ħa nagħmel erba’ riflessjonijiet…
L-ewwel riflessjoni: Ġesu’ jissorprendi lil kulħadd. X’beda jagħmel Ġesu’ biex jissorprendi lil kulħadd? Ġesu’ beda jitħabbeb mal-ħżiena u mal-midinbin għax kif qal hu stess fil-vanġelu ta’ San Mattew: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.” (9,12) Beda jiekol mal-midinbin, iddeffenda pubblikament lill-mara li nqabdet tagħmel adulterju, sejjaħ bħala appostlu tiegħu lil Mattew. Ġesu’ daħal jiekol għand Żakkew il-pubblikan bħal Mattew.
It-tieni riflessjoni: min hu fiċ-ċentru tal-parabbola? Fiċ-ċentru tal-parabbola hemm il-Missier nistgħu ngħidu “ħali fil-ħniena.” Jekk ikollna npinġu dil-parabbola fuq biċċa tila konna ngħidu li fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra tal-missier hemm iż-żewġ uliedu: ibnu ż-żgħir u ibnu l-kbir. Kittieb Taljan jgħid: “Iż-żewġ ulied huma ż-żewġ tentazzjonijiet tal-bniedem: ix-xitan daqqa jittentana u jonsobna biex naqgħu fid-dnub tal-iben iż-żgħir u daqqa jittentana u jonsobna biex naqgħu fid-dnub tal-iben il-kbir. Għandna bżonn noqogħdu ħafna attenti li ma ninqabdux la fix-xibka tal-iben iż-żgħir u lanqas fix-xibka tal-iben il-kbir!”
It-tielet riflessjoni: it-tentazzjoni tal-iben iż-żgħir. “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” U hekk jagħmel il-missier. Imbagħad b’qalbu maqsuma kellu jara lil dan ibnu jsorr kollox u jitlaq lejn pajjiż imbiegħed. Hawn hekk ta’ min jgħid xi ħaġa dwar Alla tagħna. Alla ħalaqna liberi: nistgħu nagħmlu t-tajjeb u nistgħu nagħmlu l-ħażin: id-deċiżjoni f’idejna. Huwa aħna li kultant naħarbu mill-maqjel. Huwa aħna li niżbaljaw u noħorġu barra mit-triq. Hekk ġralu dan l-iben iż-żgħir: ta’ baħnan li kien berbaq kull ma’ ħa minn għand missieru f’ħajja mtajra. Sewwa li żagħżugħ ikollu għatx għal-liberta’ pero’ ngħid jien kemm hu importanti li dil-liberta’ ma tinbidilx f’ libertinaġġ. Il-kelma “libertinaġġ” tfisser użu ħażin tal-liberta’. X’imkien qrajt li l-vera liberta’ tfisser żewġ affarijiet: qabel xejn il-kapaċita’ li tagħraf bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin u mbagħad il-kapaċita’ li twarrab il-ħażin u tagħżel it-tajjeb. Meta ħalaqna xbieha tiegħu, kien Alla nnifsu li tana dar-rigal tal-liberta’. Jekk nużawh tajjeb insiru iktar liberi; jekk nużawh ħażin nitilfuh, anzi nsiru skjavi tagħna nfusna, nidħlu ġo gaġġa bla ma nindunaw u nkunu qegħdin norbtu katina m’għonqna.
F’din il-parabbola Ġesu’ jgħidilna li fil-pajjiż fejn kien siefer daż-żagħżugħ imtajjar, waqa’ ġuħ kbir. Rajna x’kellu jagħmel. Mar jirgħa l-qżieqeż. Għal-Lhud ta’ żmien Ġesu’, il-qażquż kien annimal maħmuġ u mniġġes. Lanqas mill-ħarrub li kienu jieklu l-qżieqeż ma seta’ jiekol għax ma kinux iħalluh. Nistħajjel lil dan iż-żagħżugħ jgħid bejn u bejn ruħu: “Ara x’mort għamilt! Ġietu l-indiema u mal-indiema għamel proponiment: iddeċieda li jmur lura fid-dar ta’ missieru u hekk għamel. Missieru rah ġej mill-bogħod u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u mlieh bil-bews. X’imkien, darba qrajt li fil-Palestina, il-ġiri ta’ raġel anzjan kien ifisser emozzjoni u splużjoni kbira ta’ ferħ. Smajna fil-vanġelu li dal-missier għamillu l-festa tal-maħfra. Din hija tagħlima kbira għalina. Anki jekk ninsabu mgħaddsa fil-ħażen u fil-ħama tad-dnub, hu x’inhu dan il-ħażen, hu x’inhu dan id-dnub, Alla jdendlilna ħabel biex jekk niddeċiedu li naqbdu u niggranfaw miegħu Hu se jsalvana. Rajna f’idejna!
Ir-raba’ riflessjoni: it-tentazzjoni tal-iben il-kbir. Kien ġej mill-għalqa. Hekk kif sema’ dan il-briju kollu ġej mid-dar ta’ missieru u sar jaf x’kien qed jiġri, bħal skandalizza ruħu mit-tjubija ta’ missieru u ma riedx jidħol id-dar ikompli ma’ dawk li kienu qegħdin jiffesteġġjaw. Forsi l-ewwel ħsieb li jista’ jaħbat ma’ moħħna huwa dan: “Kos! Kemm kemm ma kellux raġun jisħon għal missieru u ma jkomplix mal-mistednin!” Imma ħa ngħiduha kif inhi: naħseb li offendieh ħafna lil missieru b’dak li qallu. Ma nafx indunajtux: lil missier ma qallux “dan ħija” imma “dan ibnek li belagħlek ġidek man-nisa tat-triq”, jiġifieri la jikkonsidrah bħala ħuh kif ukoll jittimbrah bħala ġuvni żieni. Wieħed kittieb Taljan jgħid: “Il-kbir ma telaqx mid-dar bħaż-żgħir, imma fil-fond ta’ qalbu qatt ma għex id-dar għax la kien jaħseb bħal missier u lanqas qatt ma ħabb bħal missier. Il-missier kellu żewġ xewkiet ġo qalbu: dik li nigsu biha ż-żgħir (imma issa reġa’ lejn id-dar) u x-xewka ta’ ibnu l-kbir li ma kienx jaħsibha bħalu dwar l-imħabba, dwar il-konverżjoni u dwar it-trapjant tal-qalb!”