L-aħħar ħarġa tar-rivista Il-Ħabbar.

Dikjarazzjonijiet dwar l-abort u l-ewtanasja ma ngħatawx l-importanza li kien jistħoqqilhom

Kitba ta’ Michael Caruana

  • L-Editorjal tar-rivista Il-Ħabbar

Għadha kemm ġiet ippubblikata l-ħarġa ta’ Marzu-April tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, ippubblikata kull xahrejn mill-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Is-suġġetti trattati f’din il-ħarġa huma varji.

L-editorjal jirreferi għal żewġ dikjarazzjonijiet li saru aktar kmieni din is-sena, waħda mill-President ta’ Malta Dr Myriam Spiteri Debono u l-oħra mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi li, skont l-Editur, ftit ingħataw attenzjoni mill-midja lokali. “Għax u għaliex mhux din ir-rivista ssemmih, iżda żgur li kienu żewġ dikjarazzjonijiet li kien ħaqqhom aktar attenzjoni”, isemmi l-editorjal.

F’intervista fil-programm XTRA li xxandar fuq TVM, in-Nutar Spiteri Debono sostniet li hu inevitabbli li l-abort jidħol f’Malta. L-istess għall-ewtanasja. X’tagħmel il-Presidenza mhijiex xi ħaġa li għandha tiġi diskussa issa, sostniet. L-aktar importanti hu li jkollok, anki fuq l-ewtanasja, diskussjoni profonda.

Il-Presdient ta’ Malta żiedet li waqt li dwar l-abort diġà saret ċerta diskussjoni – u jeħtieġ aktar – mhux l-istess jista’ jingħad għall-ewtanasja li tista’ tfisser ħafna affarijiet, fosthom suwiċidju assistit jew ewtanasja passiva jew attiva. Hi qalet: “ejjew nimxu bil-mod, imma importanti li, fl-aħħar mill-aħħar, ikollna direzzjoni ċara mingħand il-poplu ta’ xi jrid bħala nazzjon. L-importanti li dan ma jidħolx mit-tieqa. Nemmen li l-għodda għal dan hi referendum u xejn iktar”, appellat il-President ta’ Malta.

Xahar wara, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi appella lill-midja biex tkun ġusta fir-rappurtaġġ tagħha mal-verità u biex ma żżommx lura ċerta diskussjoni b’deċiżjoni. Hu qal dan waqt il-programm Għal Kulħadd fuq ir-radju RTK103 fejn stqarr li, “jekk il-midja verament tixtieq li fil-pajjiż ikun hawn dibattitu, hi meħtieġa li tkun kommessa twassal il-messaġġ”.

Hu semma li bosta persuni jargumentaw li Malta tinsab waħedha fil-ġlieda favur il-ħajja. Dan għandu jagħmilna kburin għax aktar ma jkollna f’qalbna l-protezzjoni tal-ħajja, aktar naraw sitwazzjonijiet differenti tas-soċjetà u naħdmu għal ħajja isbaħ għal kulħadd. “Il-valur tal-ħajja ta’ kull bniedem jinsab mhux biss fil-bidu jew fit-tmiem, iżda wkoll f’kull waqt tagħha”, sostna l-Isqof Galea Curmi li mbagħad ikkwota dak li qal il-Papa Franġisku dwar il-kura paljattiva awtentika u l-ewtanasja li qatt mhi għajn ta’ tama jew attenzjoni ġenwina għal min hu marid u għal min qed imut.

L-editorjal ta’ Il-Ħabbar sostna li dawn kienu żewġ dikjarazzjonijiet importanti minn tnejn mill-ogħla awtoritajiet f’pajjiżna li baqgħu għaddejjin. Li ma nqabdux mill-midja bħalma nqabdu dikjarazzjonijiet ferm inqas importanti. Dikjarazzjonijiet li żgur ma ntqalux biex ikunu ntqalu!

Fl-istess ħarġa imbagħad hemm tliet artikli li jitrattaw il-ħajja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading