Kif inhu xieraq, il-ħarġa ta’ April tar-Rivista Il-Ħajja f’Għawdex issellem il-memorja tal-Papa Franġisku, li kien it-tieni Suċċessur ta’ Pietru li rifes l-art Għawdxija. Dan mhux biss bir-ritratt fuq il-qoxra imma wkoll b’paġni speċjali fuq ġewwa. Tislima oħra doveruża hi lill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona li wkoll ħalliena fl-aħħar xhur. Min-naħa l-oħra, tifraħ bil-ħatra tal-Għawdxi Dun Fabio Attard bħala Rettur Maġġur tas-Salesjani. F’kummentarju ta’ Daniel Borg naqraw dwar l-identità reġjonali, waqt li l-Prof. Stanley Fiorini jagħtina artiklu interessanti immens dwar De Soldanis u l-Kapuċċini.
