Kitba ta’ Joe Galea
B’ittra li kiteb għal-kulħadd fil bidu tal-Ġublew tal-Ħniena, fil-11 ta’ April 2015, il-Papa Franġisku kien tana r-rigal tal-indulġenza. Hekk għamel ukoll għal din is-sena tal-Ġublew tat-Tama. Ikun tajjeb li niftakru fil-grazzja li l-indulġenza ġġib fina biex ma nitilfux din l-okkażjoni rari f’ħajjitna.
X’inhi l-indulġenza? Hi l-maħfra minn Alla tal-piena taż-żmien li tibqa’ meta d-dnubiet ikunu diġà maħfura. L-indulġenza tagħtihielna l-Knisja, li hi afdata biex tqassam il-frott tal-Fidwa ta’ Kristu. Tingħata mill-Papa f’okkażjonijiet speċjali bħal ma hi s-Sena tal-Ġublew, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u laqgħat speċjali għall-morda u għall-familji.

Biex nifhmu aħjar x’inhi indulġenza, inġibu l-eżempju ta’ dar li nqerdet bin-nar. L-ewwel irid jintefa n-nar, li hu l-kawża ta’ dak li ġara. Li nitfu n-nar inxebbhuh mas-Sagrament tal-Qrar. Imma billi jibqa’ l-konsegwenzi li jkun ħalla n-nar, ikun hemm bżonn li d-dar titnaddaf, li jiġi msewwi dak li ġratlu ħsara u li jinġiebu oġġetti ġodda minflok dawk li nħarqu. Dan inxebbħuh mal-“piena taż-żmien” li titneħħa bir-rigal tal-indulġenza.
L-indulġenza għandha tifsira partikulari fil-Ġublew li qed ngħixu flimkien. Il-maħfra ta’ dnubietna minn Alla ma tafx b’limiti. Alla juri din l-imħabba tiegħu fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, imħabba li tasal biex teqred id-dnub tal-bnedmin. Huwa qatt ma jegħja joffri l-maħfra tiegħu lilna wliedu b’mod dejjem ġdid. Imma meta nkunu għaddejna mill-esperjenza tad-dnub, din tħalli l-effett tagħha. Għalkemm aħna msejħin għal ħajja kemm jista’ jkun tajba, xorta nħossu jagħfas fuqna l-piż tad-dnub. Filwaqt li min-naħa nħossu l-qawwa tal-grazzja, li tibdilna għall-aħjar, fina nġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub.
Għalkemm inkunu ksibna l-maħfra bil-Qrar u bl-indiema għal dnubietna, aħna nibqgħu nġorru fil-ħajja tagħna l-konsegwenza tad-dnub tagħna. Alla jaħfer id-dnubiet, li jiġu mħassra qishom qatt ma kienu, imma tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u kif naħsbu. Id-dnub għandu tingiża li tibqa’ tweġġa’. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll u ssir indulġenza li permezz tal-Knisja tilħaq lilna, li jkun iddispjaċina għal dnubietna u nkunu qerrejna d-dnub tagħna. Alla jeħlisna minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmilna kapaċi naġixxu bi mħabba, biex nikbru fl-imħabba iktar milli nerġgħu naqgħu fid-dnub.
Biex nirbħu l-indulġenza jrid ikollna xewqa li nitbiegħdu mid-dnub, inkunu qerrejna u tqarbinna u għedna talba skont xi intenzjoni tal-Papa.