NAGĦTIKOM KMANDAMENT ĠDID: LI TĦOBBU LIL XUXIN BĦALMA ĦABBEJTKOM JIEN.
Minn Fr Michael A. Galea
Naħseb ġieli smajtu b’ Giovanna Beretta Molla. Giovanna Beretta twieldet fl-4 t’Ottubru tal-1922 fid-djoċesi ta’ Magenta, Provinċja ta’ Milan. Kienet tabiba, speċjalizzata fil-mard u l-fejqan tat-tfal, iżżewġet lill-inġinier Pietro Molla u t-tnejn kienu nsara ferventi. Kellhom tlitt itfal u xtaqu jrabbuhom fil-biża’ t’Alla u skont il-kmandamenti tiegħu. Kien se jkollhom ir-raba’ tarbija imma Giovanna mardet serjament: fl-utru li fih kien qed jikber il-fetu trabbielha tumur aggressiv. Sħabha t-tobba qalulha: “Ma tistgħux tgħixu t-tnejn. Biex tgħix int, irridu nneħħu t-tarbija.” Giovanna Beretta Molla kienet soda u ċerta. Qaltilhom: “Jekk għandkom tagħżlu bejn il-ħajja tiegħi u dik tat-tarbija, nitlobkom, anzi neżiġi minnkom, li tagħżlu dik tat-tarbija!” It-tarbija twieldet f’saħħitha u Giovanna mietet ftit wara f’April tal-1962, jiġifieri fl-għomor ta’ erbgħin sena. Ġiet ikkanonizzata fis-16 ta’ Mejju 2004 fi Pjazza San Pietru mill-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II. Santa Giovanna Beretta Molla hija patruna tal-familji nsara. Kienet tħobb tgħid:
“L-imħabba u s-sagrifiċċju huma marbutin ħafna flimkien, eżattament kif ix-xemx hija marbuta mad-dawl. Bħala nsara ma nistgħux inħobbu jekk ma nbatux u ma nistgħux inbatu jekk ma nħobbux.” Kienet titlob lil Alla u tgħidlu: “Mulej, imla lil qalbi bil-grazzja tiegħek…Għix fija sabiex kuljum ħajti twarrad fjur ġdid u tagħmel frott ġdid ukoll.” Tkompli tgħid Giovanna Beretta Molla: “Is-sigriet tal-ferħ veru jikkonsisti filli tgħix u tiggosta mument b’ mument il-ħajja tal-ġurnata: tirringrazzja ukoll lil Alla ta’ dak kollu li jibgħatlek jum wara jum.”
Ħa niġu għall-vanġelu li għadni kemm qrajtilkom…Il-vanġelu jibda hekk: “Wara li Ġuda ħareġ miċ-ċenaklu, Ġesu’ qal…” Mela ninsabu fiċ-ċenaklu jew kif insibu xi mkien ieħor: “fil-kamra ta’ fuq”. Iċ-ċenaklu huwa ambjent tal-ikbar imħabba. Skont San Ġwann l-Evanġelista, l-imħabba ta’ Ġesu’ lejn l-appostli tiegħu tidher fil-ħasil tar-riġlejn. Mhemmx għalfejn noqgħod nirrakkonta dan il-ġest għax tiftakruh żgur. Nagħmlu replika tiegħu f’ħamis ix-xirka fil-għaxija meta ċ-ċelebrant tal-quddiesa jaħsel u jixxotta sieq il-leminija ta’ tnax-il persuna. Nikkwota biss dak li qal Ġesu’ lill-appostli tiegħu: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.” (13,14) Fi kliem ieħor: “Agħmlu bħali…kunu qaddejja ta’ xulxin,” għax il-ħasil tar-riġlejn kien ix-xogħol tal-ilsiera u tal-iskjavi.
Fis-Sinottiċi mbagħad, (jiġifieri fil-vanġeli l-oħra) l-imħabba ta’ Ġesu’ tidher fit-twaqqif tal-Ewkaristija…Ġesu’ jibdel il-ħobż fil-Ġisem tiegħu u l-inbid fid-Demm tiegħu. Hemm rabta kbira bejn it-twaqqif tal-Ewkaristija u l-kalvarju għax ftit tas-siegħat wara l-aħħar ċena, Ġesu’ ġie mibjugħ, ittradut, miċħud u maqtul fuq salib. Ta’ kuljum u fl-inħawi kollha tad-dinja, dak li għadda minnu Ġesu’ ftit iktar minn elfejn sena ilu, jerġa’ jiġġedded diversi drabi fis-sagrifiċċju tal-quddiesa, sintendi mingħajr suldati, mingħajr għajat u mingħajr tixrid ta’ demm għax kollox jiġi iċċelebrat b’mod sagramentali. Dan Ġesu’ ħaj, moħbi taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid, huwa Ġesu’ biex jittiekol u Ġesu’ biex jinxtorob: jistax ikun hemm imħabba ikbar minn din?!
Imma ħa nerġgħu għal din is-silta mill-vanġelu tal-lum. Ġuda, li kien il-kaxxier, għadu kemm ħareġ miċ-ċenaklu u dan mhux biex kif ħasbu sħabu “imur, jixtri xi ħaġa u jagħtiha lill-foqra” imma biex jbiegħ lil Ġesu’ għal tletin biċċa tal-fidda.” Kittieb Taljan jgħid hekk: “X’ironija hux! Ġuda jħalli l-kumpanija ta’ Ġesu’ biex ikun strument f’idejn l-għedewwa tal-Imgħallem tiegħu li riedu jeħilsu minnu.”
Inkompli: u lill-ħdax Ġesu’ jgħidilhom: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin…” Nistgħu ngħidu li l-kmandament tal-imħabba huwa kmandament antik daqs kemm hu antik il-bniedem, imma f’din is-silta mill-vanġelu ta’ San Ġwann, Ġesu’ jbiddel il-kejl ta’ kif għandna nħobbu jien u int jekk nixtiequ nissejħu nsara. Irridu nħobbu kif ħabb Hu. Naraw ftit kif ħabb Ġesu’ meta kien għadu fid-dinja. Il-kapuċċin Francis Maple jgħid hekk: “Ġesu’ wera mħabba ma’ żewġ għarajjes li fit-tieġ tagħhom naqashom l-inbid. Ġesu’ wera mħabba meta għadda ftit ħin ibierek it-tfal li ġew madwaru. Ġesu’ faħħar il-ġest ta’ dik l-armla fqira li tat biċċtejn flus fit-teżor tat-tempju: jgħid li tat dak kollu li kellha biex tgħix. Ġesu’ ma jikxifx il-pjan imxajtan li kellu f’moħħu Ġuda biex jittradieh avolja kien jafu diġa’: ma xtaqx li sħabu l-appostli jkunu jafuh…”
Qabel ma nagħlaq nixtieq nirrakkuntalkom esperjenza vera. Mela waħda omm kellha bżonn kilwa biex tkompli tgħix għax tagħha kienu spiċċaw. Lil binha staqsewh jekk riedx jagħtiha waħda minn tiegħu. Wieġeb hekk: “Ommi tatni ħajti, tatni kollox…għax għandi nsibha bi tqila nagħtiha kilwa minn tiegħi biex forsi tkompli tgħix?” Nispiċċa. Bħala nsara aħna obbligati nħobbu anki lil dawk li mhumiex ta’ min iħobbhom. Għaliex? Għax Alla jħobbhom ukoll. Aħna obbligati nħobbu lill-għedewwa tagħna. Għaliex? L-istess…Għax Alla jħobbhom ukoll.
Qegħdin fil-Ħdud ta’ l-Għid u aħna lkoll mistiedna naraw jekk Ġesu’ qamx mill-mewt u fejn hu għax nixtiequ nagħmlu esperjenza tiegħu mqajjem mill-mewt. Il-vanġelu tal-lum qed jgħidilna li Ġesu’ Rxoxt jidher l-iktar fejn l-insara jħobbu tassew lil xulxin. Ħadd ieħor u mbagħad niċċelebraw lil Ġesu’ li jitla’ mis-sema minn fejn ġie. Fejn se nsibuh lil dan Ġesu’ ħaj? Insibuh fl-Ewkaristija u fl-imħabba ta’ bejnietna.