Is-Sibt, 7 ta’ Ġunju 2025: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin. Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Quddiesa sħiħa:
Omelija biss:
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
A word of welcome to you English speaking, but especially to those who will be receiving the seal of the Holy Spirit this evening. You live here in Gozo and you make part of the Gozo community, but from now on you will start to make part of the Christian adult community. So, may all of us feel as one whole family in Jesus. Thanks for deciding to be one with our Christian community here in our Diocese. Thanks once more. Thank you.
Ir-riħ illejla! Fiex ifakkarna r-riħ? Ir-riħ ifakkarna fl-arja. Aħna ngħdu: ‘Hawn nifs!’. Il-kelma nifs insibuha fil-Ktieb tal-Ġenesi 2:7: nefex. Alla nefaħ in-nifs tiegħu fit-tajn u sirt jien, sirt int, isir kull wieħed u kull waħda minna. Aħna taħlita ta’ tajn u nifs ta’ Alla. Issa ħafna drabi aħna ma nagħtux kas li diġà l-Ispirtu Ħallieq ta’ Alla qiegħed fina: Spirtu li qatt mhu se jħallina, għax aħna magħmulin għal dejjem!
“Ta ruħu”, jgħid il-Vanġelu (Ġw 19:30) għal Ġesù fuq is-salib: ta l-Ispirtu tiegħu. Il-ġisem tagħna se jitmermer, se jispiċċa, imma n-nefex ta’ Alla, ir-ruah – kelma oħra li nsibu fit-Testment il-Qadim għall-Ispirtu s-Santu – dak is-sehem li għandna minn Alla, dak jibqa’. Kemm hi xi ħaġa sabiħa!
Allura, jekk għandna l-Ispirtu s-Santu diġà fina, l-Ispirtu Ħallieq, għalfejn qegħdin hawn illejla? Mhux talli hekk, talli għandna ruah bi kwalitajiet aktar sbieħ minn dawk tan-nefex ħallieq, in-nifs li joħloqna, dak li rċevejna fil-Magħmudija. Fil-Magħmudija man-nifs li jagħtina l-ħajja, irċevejna doni kbar, irċevejna l-Ispirtu ta’ Alla b’aktar qawwa minn dak li sempliċement iżommna ħajjin.
Permezz tal-Magħmudija rċevejna d-don tal-qawwa kontra l-ħażen. Irċevejna d-don tal-komunjoni tal-familja tal-Knisja: aħna lkoll kemm aħna membri tal-Knisja. Imma fuq kollox, dan in-nefex tagħna oriġinali rċieva kwalità qawwija tal-Ispirtu s-Santu: illi aħna wlied ta’ Alla. Aħna m’aħniex b’kumbinazzjoni hawn fid-dinja, m’aħniex mitluqin kulħadd għal rasu. Kull wieħed u kull waħda minna jista’ jdur lejn il-Missier tagħna tas-Sema u jgħidlu: ‘Abbà, Missieri’. U jista’ jdur lejn dak ta’ maġenbu, anki jekk ma jafux, u jgħidlu: ‘Inti ħija, inti oħti. U nħobbok bħal ħija, inħobbok bħal oħti. U naf li tħobbni bħal oħtok, li tħobbni bħal ħuk’.
Imbagħad waslet il-Konfirmazzjoni, il-Griżma. U dan l-Ispirtu ta’ Alla li rċevejna fil-Magħmudija, li beda jsir ħaj fina mat-tnissil tagħna, fil-Griżma Alla jikkonfermah fina. Il-kelma Konfirmazzjoni minnha nfisha tgħidilna: Alla, u mhux aħna, jikkonferma l-imħabba tiegħu għalina wliedu. Di hi l-Griżma.
Allura jekk għandna dan kollu, għalfejn qegħdin hawn? Għax l-Ispirtu s-Santu, jekk ma tiftaħlux, jekk ma tbexxaqlux il-bieb, jibqa’ barra, ma jidħolx. Intom immaġinaw li mmorru wara ħajt xi mkien għall-kenn fejn ma jolqotniex ir-riħ. L-Ispirtu s-Santu tant hu delikat, tant fl-imħabba tiegħu hu rispettuż, illi ma jimponix ruħu, ma jisforza lil ħadd, imma jħalli lili, lilek, jekk trid. Għax l-imħabba tħallina fil-libertà, ma tisforzaniex. Allaħares ikun hemm xi ħadd ikun sfurzat biex iħobb, għax tkun tqanżiħa mhux imħabba. Nindunaw jekk xi ħadd iħobbna għax bilfors jew jekk xi ħadd iħobbna minn qalbu.
U l-Ispirtu s-Santu, billi jirrispetta l-libertà tagħna, ma jrid li ħadd iħobbu għax bilfors. Allura jistenna li jien u int niftħulu l-bibien ta’ qalbna. U għalhekk qegħdin hawn illejla, biex flimkien ngħajtu, ġo qalbna u forsi bil-vuċi tagħna:
‘Ejja, Spirtu s-Santu, agħtini li niftaħlek qalbi.
Agħtini li niftaħlek moħħi.
Agħtini li niftaħlek ġismi.
Agħtini li nkun għalik post fejn int tista’ tgħammar.
Inkun għalik wisa’, spazju.
Agħtini li noħloq vojt fija biex tiġi int u toqgħod int ġewwa fija.
Għandi bżonnok, Spirtu Qaddis,
Spirtu tal-pożittività,
Spirtu tal-maħfra,
Spirtu tal-imħabba,
Spirtu tal-ħniena,
Spirtu tal-mogħdrija,
Spirtu tal-ħlewwa,
Spirtu tal-paċenzja.
Kemm għandi bżonnok!
Ejja, Spirtu Qaddis! Ejja, Spirtu Qaddis!’.
Il-Mulej jagħtina li nkomplu din it-talba matul din iċ-ċelebrazzjoni. Illum qegħdin nagħlqu l-Viżta Pastorali illi saret matul din is-sena, minn Ottubru 2024 s’issa. L-aħħar waħda saret ftit ġimgħat ilu. Matul din il-Viżta Pastorali l-Mulej żgur li ta ħafna grazzji, mhux biss lill-irħula, lill-parroċċi, imma wkoll lili, lilna s-saċerdoti. Żgur li l-Mulej wassal l-Ispirtu tiegħu lilna lkoll. U allura, minbarra li ngħidulu: ‘Ejja’, illejla bil-qawwa qegħdin ukoll nirringrazzjawh.
Nitolbuh illejla biex jagħtina Sena oħra ħalli niġbru l-attenzjoni u l-enerġija tagħna kollha kemm aħna – aħna li qegħdin hawn u oħrajn li mhumiex magħna, il-poplu Nisrani ta’ Għawdex – kollha flimkien niffukaw, niġbru l-enerġiji tagħna biex niċċelebraw bl-isbaħ, bl-aħjar, bl-ogħla mod l-Ewkaristija. Ser nippruvaw niffukaw, matul is-sena li ġejja, matul is-snin li ġejjin, fuq il-Quddiesa: l-importanza tal-Ewkaristija fil-ħajja ta’ kull Nisrani.
Għalhekk, ejjew illejla flimkien, aħna li qegħdin hawn, nitolbuh lill-Ispirtu s-Santu: ‘Ejja. Agħtina l-qawwa tiegħek. Agħtina l-għajnuna tiegħek biex niċċelebraw kif jixraq il-Misteru tas-Sagrifiċċju tal-Kalvarju li hu l-għajn tal-fidwa, tas-salvazzjoni, tal-ħelsien ta’ kull wieħed u kull waħda minna’.