Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Għid il-Ħamsim u Ġublew tal-Movimenti, Assoċjazzjonijiet u Komunitajiet ġodda.

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN
ĠUBLEW TAL-MOVIMENTI, TAL-ASSOĊJAZZJONIJIET U TAL-KOMUNITAJIET ĠODDA
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2025

Ħuti,

“Deher għalina hieni l-jum li fih […] il-Mulej Ġesù Kristu, imsebbaħ bit-tlugħ tiegħu fis-Sema wara l-Qawmien, bagħat l-Ispirtu s-Santu” (Santu Wistin, Diskors 271,1). U llum ukoll jiġġedded dak li seħħ fiċ-Ċenaklu: bħal riħ qalil li jheżżiżna, bħal storbju li jqajjimna, bħal nar li jdawwalna, jinżel fuqna d-don tal-Ispirtu s-Santu (ara Atti 2:1-11).

Kif smajna fl-Ewwel Qari, l-Ispirtu jwettaq xi ħaġa straordinarja fil-ħajja tal-Appostli. Wara l-mewt ta’ Ġesù, huma kienu ssakkru fil-biża’ u fin-niket, imma issa sa fl-aħħar huma jirċievu ħarsa ġdida u intelliġenza tal-qalb li tgħinhom jinterpretaw il-ġrajjiet li seħħu u jagħmlu l-esperjenza qawwija tal-preżenza tal-Irxoxt: l-Ispirtu s-Santu jegħleb il-biża’ tagħhom, ifarrak il-ktajjen ġewwiena, iserraħ il-ġrieħi, jidlikhom bil-qawwa u jagħtihom il-kuraġġ li joħorġu jiltaqgħu ma’ kulħadd biex iħabbru l-għemejjel ta’ Alla.

Is-silta tal-Atti tal-Appostli tgħidilna li f’Ġerusalemm, dakinhar, kien hemm kotra ġejja minn bosta postijiet, imma, “kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu” (v. 6). Hekk, mela, f’Għid il-Ħamsin il-bibien taċ-Ċenaklu jinfetħu għax l-Ispirtu jiftaħ il-fruntieri. Kif jafferma Benedittu XVI: “L-Ispirtu s-Santu jagħtina li nifhmu. Jegħleb il-qasma li bdiet f’Babel – il-konfużjoni tal-qlub, li ġġibna kontra xulxin – u jiftaħ il-fruntieri. […] Il-Knisja għandha dejjem mill-ġdid issir dak li hija diġà: għandha tiftaħ il-fruntieri fost il-popli u ġġarraf il-ħitan bejn il-klassijiet u r-razez. Fiha ma jistax ikun hemm la minsija u lanqas mistmerra. Fil-Knisja hemm biss aħwa ħielsa ta’ Ġesù Kristu” (Omelija f’Għid il-Ħamsin,  15 ta’ Mejju 2005).

Din hi xbieha elokwenti ta’ Għid il-Ħamsin li fuqha nixtieq nieqaf nimmedita flimkien magħkom.

L-Ispirtu qabelxejn jiftaħ il-fruntieri ġewwa fina. Huwa d-Don li jiftaħ il-ħajja tagħna għall-imħabba. U din il-preżenza tal-Mulej trattab l-ebusiji tagħna, l-għeluq tagħna, l-egoiżmi, il-biżgħat li jimblukkawna, in-narċisiżmi li jġibuna nduru biss madwarna nfusna. L-Ispirtu s-Santu jiġi biex jisfida, fina, ir-riskju ta’ ħajja li tinħela, mixruba mill-individwaliżmu. Kemm hu ta’ swied il-qalb nosservaw kif f’dinja fejn qed joktru l-okkażjonijiet li nissoċjalizzaw, qed nirriskjaw li nkunu paradossalment iktar waħidna, dejjem f’konessjoni imma bla ħila li “noħolqu xibka”, dejjem mgħaddsa fil-folla imma nibqgħu vjaġġaturi spajżati u solitarji.

Imma l-Ispirtu ta’ Alla jgħinna niskopru mod ġdid kif inħarsu lejn il-ħajja u ngħixuha: jiftaħna għal-laqgħa magħna nfusna lil hemm mill-maskri li nilbsu; jeħodna għal-laqgħa mal-Mulej billi jedukana kif nagħmlu esperjenza tal-ferħ tiegħu; jikkonvinċina – skont l-istess kelmiet ta’ Ġesù li għadhom kemm ixxandru – li huwa biss jekk nibqgħu fl-imħabba li nirċievu anki l-qawwa li nosservaw il-Kelma tiegħu u allura li niġu mibdula minnha. Jiftaħ il-fruntieri fina, biex il-ħajja tagħna ssir spazju ospitabbli.

L-Ispirtu, barra minn hekk, jiftaħ il-fruntieri anki fir-relazzjonijiet tagħna. Fil-fatt, Ġesù jgħid li dan id-Don huwa l-imħabba ta’ bejnu u bejn il-Missier li tiġi tgħammar fina. U meta l-imħabba ta’ Alla tgħammar fina, insiru kapaċi ninfetħu għall-aħwa, nirbħu r-riġiditajiet tagħna, negħlbu l-biża’ fil-konfront ta’ min hu differenti minna, nedukaw il-passjonijiet li jitqanqlu ġewwa fina. Imma l-Ispirtu jibdel ukoll dawk il-perikli l-aktar moħbija li jtappnu r-relazzjonijiet tagħna, bħalma huma t-tilwim, il-preġudizzji, l-istrumentalizzazzjonijiet. Naħseb ukoll – b’ħafna diqa – f’meta relazzjoni tiġi mniġġsa mir-rieda li niddominaw fuq l-ieħor, atteġġjament li spiss jispiċċa fi vjolenza, bħalma b’xorti ħażina juru l-għadd ta’ każijiet riċenti ta’ femminiċidju.

Imma l-Ispirtu s-Santu jimmatura fina l-frott li jgħinna ngħixu relazzjonijiet veri u tajbin: “L-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22). B’dan il-mod, l-Ispirtu jwessa’ l-fruntieri tar-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u jiftaħna għall-ferħ tal-fraternità. U dan huwa kriterju deċiżiv anki għall-Knisja: inkunu tassew il-Knisja tal-Irxoxt u d-dixxipli ta’ Għid il-Ħamsin biss jekk bejnietna ma hemmx fruntieri u lanqas firdiet, jekk fil-Knisja nagħrfu niddjalogaw u nilqgħu lil xulxin billi nintegraw id-differenzi ta’ bejnietna, jekk bħala Knisja nsiru spazju akkoljenti u ospitabbli lejn kulħadd.

Fl-aħħar nett, l-Ispirtu jiftaħ il-fruntieri anki bejn il-popli. F’Għid il-Ħamsin l-Appostli jitkellmu l-ilsna ta’ dawk li jiltaqgħu magħhom u l-kaos ta’ Babel sa fl-aħħar jiġi ppaċifikat mill-armonija mnissla mill-Ispirtu. Id-differenzi, meta n-Nifs divin jgħaqqad il-qlub tagħna u jurina fl-ieħor il-wiċċ ta’ ħuna, ma jsirux okkażjoni ta’ firda u ta’ ġlied, imma wirt komuni li lkoll nistgħu nirċievu minnu, u li jpoġġina lkoll f’mixja, flimkien, fil-fraternità.

L-Ispirtu jaqbeż il-fruntieri u jġarraf il-ħitan tal-indifferenza u tal-mibegħda, għax “jgħallimna kollox” u “jfakkarna kliem Ġesù” (ara Ġw 14:26); u, għalhekk, qabelxejn jgħallimna, ifakkarna u jnaqqax fi qlubna l-kmandament tal-imħabba, li l-Mulej qiegħed fiċ-ċentru u fil-quċċata ta’ kollox. U fejn hemm l-imħabba ma hemmx wisa’ għall-preġudizzji, għad-distanzi ta’ sikurezza li jbegħduna mill-proxxmu, minħabba l-loġika tal-esklużjoni li b’xorti ħażina qed naraw toħroġ ukoll fin-nazzjonaliżmi politiċi.

Proprju fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin, il-Papa Franġisku osserva li “llum fid-dinja hemm tant tilwim, tant firda. Aħna lkoll marbutin ma’ xulxin u safrattaant insibu ruħna maqtugħin minn bejnietna, illuppjati mill-indifferenza u mifnija mis-solitudni” (Omelija, 28 ta’ Mejju 2023). U ta’ dan kollu huma sinjal traġiku l-gwerer li qed jaġitaw il-pjaneta tagħna. Nitolbu lill-Ispirtu tal-imħabba u tal-paċi, biex jiftaħ il-fruntieri, iġarraf il-ħitan, iħott il-mibegħda u jgħinna ngħixu ta’ wlied tal-Missier waħdieni li jinsab fis-smewwiet.

Ħuti, dan huwa Għid il-Ħamsin li jġedded il-Knisja, iġedded id-dinja! Ħa jinżel fuqna u fina r-riħ qawwi tal-Ispirtu, jiftaħ il-fruntieri tal-qalb, jagħtina l-grazzja tal-laqgħa ma’ Alla, iwessa’ l-ixfqa tal-imħabba u jwieżen l-isforzi tagħna għall-bini ta’ dinja li fiha ssaltan il-paċi.

Marija Santissma, il-Mara ta’ Għid il-Ħamsin, il-Verġni miżjura mill-Ispirtu, l-Omm mimlija grazzja, isseħibna u tidħol għalina hi.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading