Omelija tal-Papa Ljuv XIV f’quddiesa għall-Ħarsien tal-Ħolqien.

QUDDIESA GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦOLQIEN
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Borgo Laudato si’ (Castel Gandolfo)
L-Erbgħa 9 ta’ Lulju 2025

F’din il-ġurnata mill-isbaħ, qabelxejn nixtieq nistieden lil kulħadd, ibda minni nnifsi, biex ngħixu dak li qed niċċelebraw fil-ġmiel ta’ katidral, biex ngħidu hekk “naturali”, bil-pjanti u tant elementi oħra tal-ħolqien li ġabuna hawn biex niċċelebraw l-Ewkaristija, li tfisser: irroddu ħajr lill-Mulej.

Hemm ħafna raġunijiet f’din il-quddiesa li għalihom irridu rroddu ħajr lill-Mulej: din iċ-ċelebrazzjoni aktarx hi l-ewwel waħda bil-formularju l-ġdid tal-Quddiesa għall-Għożża tal-Ħolqien, li kienet anki espressjoni tal-ħidma tad-diversi Dikasteri fil-Vatikan.

U personalment irrodd ħajr lil tant persuni hawn preżenti, li ħadmu f’dan is-sens għal din il-liturġija. Kif tafu, il-liturġija tirrappreżenta l-ħajja, u intom il-ħajja ta’ dan iċ-Ċentru Laudato si’. Nixtieq ngħid grazzi lilkom f’dan il-mument, f’din l-okkażjoni, għal dak kollu li tagħmlu fid-dawl ta’ din l-ispirazzjoni mill-isbaħ tal-Papa Franġisku li ta dan il-porzjon ċkejken, dawn il-ġonna, dawn l-ispazji proprju biex titkompla l-missjoni tant importanti dwar dak kollu li nafu wara 10 snin mill-pubblikazzjoni tal-Laudato si’: il-bżonn li nikkuraw il-ħolqien, id-dar komuni.

Hawnhekk bħall-Knejjes qodma tal-ewwel sekli, li kellhom il-fonti tal-magħmudija li minnu ridt tgħaddi biex imbagħad stajt tidħol fil-knisja. Ma rridhomx jgħammduni f’dan l-ilma… imma s-simbolu li ngħaddu mill-ilma biex niġu maħsula lkoll minn dnubietna, mid-dgħufijiet taagħna, u hekk nistgħu nidħlu fil-misteru kbir tal-Knisja, hu xi ħaġa li ngħixuha llum ukoll. Fil-bidu tal-quddiesa tlabna għall-konverżjoni, il-konverżjoni tagħna. Nixtieq inżid li għandna nitolbu għall-konverżjoni ta’ tant persuni, fil-Knisja u barra minnha, li għadhom mhumiex jagħrfu l-urġenza li nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna.

Tant diżastri naturali li għadna naraw fid-dinja, kważi ta’ kuljum f’tant postijiet, f’tant pajjiżi, f’parti minnhom huma kkawżati wkoll mill-eċċessi tal-bniedem, bl-istil tal-ħajja tiegħu. Għalhekk jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna jekk aħna stess aħniex ngħixu jew le dik il-konverżjoni: kemm għandna bżonnha!

Allura, issa li għidt dan kollu, għandi wkoll omelija li kont ħejjejt u li se naqsam magħkom, ħudu ftit paċenzja: hemm xi elementi li tassew jgħinuna nkomplu r-riflessjoni dalgħodu, aħna u naqsmu dan il-mument familjari u seren, f’dinja li tikwi, kemm minħabba t-tisħin globali u kemm minħabba l-kunflitti armati, li jagħmlu tant attwali l-messaġġ tal-Papa Franġisku fl-Enċikliċi tiegħu Laudato si’ u Fratelli tutti. Nistgħu nsibu lilna nfusna f’dan il-Vanġelu, li għadna kemm smajna, aħna u nosservaw il-biża’ tad-dixxipli fit-tempesta, biża’ li hu dak ta’ parti kbira mill-umanità. Imma fil-qalba tas-sena tal-Ġublew aħna nistqarru – u nistgħu ngħiduha iżjed minn darba: hemm it-tama! Din iltqajna magħha f’Ġesù. Hu għadu jikkalma t-tempesta. Is-setgħa tiegħu ma taqlibx ta’ taħt fuq, imma toħloq; ma teqridx, imma ġġib fl-eżistenza, tagħti ħajja ġdida. U aħna wkoll nistaqsu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (Mt 8:27).

L-istagħġib, li din il-mistoqsija tesprimi, huwa l-ewwel pass li jaqlagħna mill-biża’. Madwar l-għadira tal-Galilija, Ġesù kien għex u talab. Hemm kien sejjaħ lill-ewwel dixxipli tiegħu fil-postijiet tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom. Il-parabboli, li bihom ħabbar is-Saltna ta’ Alla, jikxfu rabta qawwija ma’ dik l-art u ma’ dawk l-ilmijiet, bir-ritmu tal-istaġuni u l-ħajja tal-ħlejjaq.

L-evanġelista Mattew ifisser it-tempesta bħala “taqlib tal-art” (il-kelma seismos): Mattew jerġa’ juża l-istess terminu għat-terremot fil-ħin tal-mewt ta’ Ġesù u fis-sebħ tal-qawmien tiegħu. Fuq dan it-taqlib Kristu jogħla ’l fuq, wieqaf fuq riġlejh: diġà minn hawn il-Vanġelu jagħtina ħjiel tal-Irxoxt, preżenti l-istorja tagħna ta’ taħt fuq. Iċ-ċanfira li Ġesù jagħti lir-riħ u lill-baħar turi l-qawwa tiegħu ta’ ħajja u ta’ salvazzjoni, li taħkem fuq dawk il-qawwiet li quddiemhom il-ħlejjaq iħossuhom mitlufa.

Allura, nerġgħu lura u nistaqsu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (Mt 8:27). L-innu tal-ittra lill-Kolossin li għadna kemm smajna jidher proprju qed iwieġeb għal din il-mistoqsija: “Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha; għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art” (Kol 1:15-16). Id-dixxipli tiegħu, dakinhar, f’ħalq it-tempesta, maqbudin mill-biża’, kienu għadhom ma jistgħux jistqarru dan l-għarfien ta’ Ġesù. Aħna llum, fil-fidi li ġiet mgħoddija lilna, nistgħu nkomplu u ngħidu: “Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja. Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox” (v. 18). Dawk huma kelmiet li jimpenjawna matul l-istorja, li jagħmlu minna ġisem ħaj, il-ġisem li tiegħu Kristu hu r-ras. Il-missjoni tagħna li nħarsu l-ħolqien, li nġibu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fih, hija l-istess missjoni tiegħu: il-missjoni li l-Mulej fdalna f’idejna. Aħna nisimgħu l-karba tal-art, aħna nisimgħu l-karba tal-foqra, għax din il-karba waslet fil-qalb ta’ Alla. Ir-rabja tagħna hi r-rabja tiegħu, ix-xogħol tagħna hu x-xogħol tiegħu.

Dwar hekk, il-kant tas-salmista jispirana: “Leħen il-Mulej fuq l-ibħra; Alla tal-glorja jriegħed, il-Mulej fuq l-ibħra kotrana. Leħen il-Mulej bil-qawwa, leħen il-Mulej bil-glorja” (Salm 29:3-4). Dan il-leħen jimpenja lill-Knisja għall-profezija, anki meta jesiġi l-qlubija li wieħed jeħodha kontra s-setgħa qerrieda tal-prinċipji ta’ din id-dinja. Fil-fatt, il-patt li ma jistax jinqered bejn il-Ħallieq u l-ħlejjaq, iċaqlaq l-intelliġenzi u l-isforzi tagħna, biex il-ħażen jinbidel f’tajjeb, l-inġustizzja f’ġustizzja, ir-regħba f’komunjoni.

Bi mħabba bla tarf, Alla l-waħdieni ħalaq kollox, u tana l-ħajja: għalhekk San Franġisk ta’ Assisi jsejjaħ il-ħlejjaq ħija, oħti, ommi. Hija biss il-ħarsa kontemplattiva li tista’ tibdel ir-relazzjoni tagħna mal-ħwejjeġ maħluqa u toħroġna mill-kriżi ekoloġika li għandha bħala kawża tagħha t-tifrik tar-relazzjonijiet ma’ Alla, mal-proxxmu u mal-art, minħabba d-dnub (ara l-Papa Franġisku, Ittra Enċiklika Laudato si’, 66).

Għeżież ħuti, il-Borgo Laudato si’, li fih ninsabu, irid ikun, b’intuwizzjoni tal-Papa Franġisku, “laboratorju” li fih ngħixu dik l-armonija mal-ħolqien li hi għalina fejqan u rikonċiljazzjoni, biex nelaboraw modi ġodda u effikaċi li nħarsu n-natura fdata lilna. Għalhekk lilkom, li tiddedikaw ruħkom b’impenn biex twettqu dan il-proġett, niżgurakom mit-talb tiegħi u l-inkuraġġiment tiegħi.

L-Ewkaristija li qed niċċelebraw tagħti sens u twieżen il-ħidma tagħna. Fil-fatt, kif jikteb il-Papa Franġisku, “fl-Ewkaristija l-ħolqien isib l-ogħla eżaltazzjoni tiegħu. Il-grazzja, li tidher b’mod sensibbli, issib espressjoni mill-isbaħ meta Alla nnifsu, magħmul bniedem, jasal biex jittiekel mill-istess ħlejqa tiegħu. Il-Mulej, fil-qofol tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, jixtieq jitwaħħad magħna fil-ġewwieni tagħna permezz ta’ biċċa mill-materja. Mhux mill-għoli, imma ġo fina, biex fl-istess dinja tagħna nistgħu niltaqgħu miegħu” (il-Papa Franġisku, Ittra Enċiklika Laudato si’, 236). Minn dan il-post nixtieq allura nagħlaq dawn il-ħsibijiet billi nafdalkom il-kelmiet li bihom Santu Wistin, fl-aħħar paġni tiegħu tal-Istqarrijiet tiegħu, isieħeb flimkien il-ħwejjeġ maħluqa u lill-bniedem f’tifħir kożmiku: o Mulej, “ħa jfaħħruk l-għemejjel kollha tiegħek biex aħna nħobbuk, u ħa nħobbuk biex l-għemejjel tiegħek ifaħħruk” (Santu Wistin, Stqarrijiet, XIII, 33,48). Ħa tkun din l-armonija li nxerrdu fid-dinja.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading