Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Katidral ta’ San Pankrazju, Albano.

QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Katidral ta’ San Pankrazju (Albano)
Is-XVI-il Ħadd ta’ Matul is-Sena,
20 ta’ Lulju 2025

Għeżież ħuti,

Kuntent ħafna li ninsab hawn, illum, niċċelebra l-quddiesa tal-Ħadd f’dan il-Katidral sabiħ. Kif tafu, kelli niġi fit-12 ta’ Mejju, imma l-Ispirtu s-Santu ħadem differenti. Imma ninsab tassew kuntent u, b’din il-fraternità, dan il-ferħ Nisrani, insellem lilkom ilkoll hawn preżenti, lill-Eminenza Tiegħu, lill-Isqof tad-Djoċesi, lill-Awtoritajiet preżenti u lilkom ilkoll.

Fil-liturġija tal-lum, l-Ewwel Qari u l-Vanġelu jkellmuna fuq l-ospitalità, is-servizz u s-smigħ (ara Ġen 18:1-10; Lq 10:38-42).

Fl-ewwel każ Alla jżur lil Abraham fil-persuna ta’ “tlitt irġiel” li jiġu fl-għarix tiegħu “fl-aqwa tas-sħana tal-jum” (ara Ġen 18:1-2). Nistgħu nimmaġinawha x-xena: ix-xemx tikwi, il-kalma kbira tad-deżert, is-sħana qawwija u dawn it-tliet barranin li qed ifittxu ftit kenn. Abraham, bilqiegħda “fil-bieb tal-għarix”, huwa fil-pożizzjoni ta’ sid id-dar, u ħaġa sabiħa ħafna naraw kif hu jħaddem dan ir-rwol: jagħraf f’dawk li jżuruh il-preżenza ta’ Alla, u jqum, imur iħaffef biex jiltaqa’ magħhom, jinxteħet wiċċu fl-art, jitlobhom jieqfu għandu. Hekk tieħu l-ħajja x-xena kollha. Il-kalma wieqfa ta’ dak il-waranofsinhar timtela b’ġesti ta’ mħabba li jinvolvu mhux biss lill-Patrijarka, imma anki lil Sara, martu, u lill-qaddejja. Abraham ma jibqax bilqiegħda, imma “baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra” (Ġen 18:8), u hemm Alla jagħtih l-isbaħ aħbar li seta’ jistenna: “Sara martek ikollha iben” (Ġen 18:10).

Id-dinamika ta’ din il-laqgħa tista’ tgħinna nirriflettu: Alla jagħżel it-triq tal-ospitalità biex jiltaqa’ ma’ Sara u Abraham u jagħtihom l-aħbar li se jkollhom wild, li tant xtaqu u li issa ma kinux baqgħu jittamaw aktar. Wara tant mumenti ta’ grazzja li fihom diġà kien żarhom, jerġa’ lura jħabbat fuq il-bieb tagħhom, jitlobhom akkoljenza u fiduċja. U ż-żewġ anzjani miżżewġa jwieġbu fil-pożittiv, bla ma għadhom jafu x’ħa jiġri. F’dawk l-irġiel misterjużi li żaruhom jagħrfu l-barka tiegħu, l-istess preżenza tiegħu. Joffrulu dak li għandhom: ikel, kumpanija, servizz, id-dell ta’ siġra. Mingħandu jirċievu l-wegħda ta’ ħajja ġdida u ta’ dixxendenza.

Imqar jekk f’ċirkustanzi differenti, anki l-Vanġelu jkellimna fuq l-istess mod kif iġib ruħu Alla. Anki hawn, fil-fatt, Ġesù jippreżenta ruħu bħala mistieden fid-dar ta’ Marta u Marija. Mhux xi ħadd li ma jafuhx: jinsab fid-dar tal-ħbieb u l-klima hi waħda ta’ festa. Waħda mill-aħwa tilqgħu b’elf attenzjoni, waqt li l-oħra toqgħod mixħuta f’riġlejh tisimgħu, bl-atteġġjament tipiku tad-dixxiplu mal-imgħallem. Kif nafu, għat-tgergir tal-ewwel waħda, li xtaqet ftit għajnuna fil-faċendi prattiċi, Ġesù jwieġeb billi jistedinha tapprezza l-valur tas-smigħ (ara Lq 10:41-42).

Imma nkunu niżbaljaw jekk inħarsu lejn dawk iż-żewġ atteġġjamenti bħallikieku kienu kontra xulxin, jew li nagħmlu paraguni ta’ merti bejn iż-żewġ nisa. Fil-fatt, il-qadi u s-smigħ huma żewġ dimensjonijiet tewmin tal-akkoljenza.

Qabelxejn fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Fil-fatt, jekk huwa importanti li ngħixu l-fidi tagħna fil-konkretezza tal-azzjoni u fil-fedeltà għad-dmirijiet tagħna, skont l-istat u l-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda, imma hu wkoll fundamentali li dan nagħmluh billi nibdew bil-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u bl-attenzjoni għal dak li l-Ispirtu s-Santu jissuġġerixxi lill-qalb tagħna, u għal dan il-għan naħsbu għal mumenti ta’ silenzju, mumenti ta’ talb, ħinijiet li fihom, waqt li nsikktu l-ħsejjes u d-distrazzjonijiet, ninġabru quddiemU u ninġabru ġewwa fina. Din hi dimensjoni tal-ħajja Nisranija li llum għandna partikularment bżonn nirkupraw, kemm bħala valur personali u komunitarju u kemm bħala sinjal profetiku għal żminijietna: nagħmlu wisa’ għas-skiet, għas-smigħ tal-Missier li jitkellem u “jara dak li hu fil-moħbi” (Mt 6:6). Għal dan l-iskop il-jiem tas-sajf jistgħu jkunu mument providenzjali li fih induqu kemm hi sabiħa u importanti l-intimità ma’ Alla, u kemm din tista’ tgħinna wkoll inkunu iżjed miftuħa, iżjed akkoljenti lejn xulxin.

Huma jiem li fihom ikollna iżjed ħin liberu fuq idejna, kemm biex ninġabru u nimmeditaw, u kemm biex niltaqgħu, nivvjaġġaw u nagħmlu żjajjar. Napprofittaw minnhom biex, bogħod mill-għagħa ta’ impenji u preokkupazzjonijiet, induqu xi mument fil-kwiet, fil-ġabra, kif ukoll biex, meta mmorru f’xi post, naqsmu l-ferħ li niltaqgħu ma’ xulxin – kif qed nagħmel jien illum hawnhekk –, u nagħmlu minn dan l-okkażjoni biex nieħdu ħsieb ta’ xulxin, biex naqsmu esperjenzi, ideat, biex noffru lil xulxin komprensjoni u pariri: dan jgħinna nħossuna maħbuba, u kollha għandna bżonn ta’ dan. Ejjew nagħmluh bil-kuraġġ. B’dan il-mod inkunu nippromovu, fis-solidarjetà, fil-qsim tal-fidi u tal-ħajja, kultura ta’ paċi, waqt li ngħinu wkoll lil min jinsab madwarna biex jegħleb tifrik, ostilitajiet u biex tinbena l-komunjoni: bejn il-persuni, bejn il-popli, bejn ir-reliġjonijiet.

Il-Papa Franġisku kien jgħid li “jekk irridu nduqu l-ħajja bil-ferħ, irridu nsieħbu flimkien dawn iż-żewġ atteġġjamenti: minn naħa, li ‘ninżlu bilqiegħda f’riġlejn’ Ġesù, biex nisimgħuh huwa u jikxfilna s-sigriet ta’ kull ħaġa; mill-oħra, inkunu attenti u pronti fl-ospitalità, meta hu jgħaddi u jħabbat il-bieb tagħna, bil-wiċċ ta’ ħabib li għandu bżonn ta’ mument ta’ mistrieħ u ta’ fraternità” (Angelus, 21 ta’ Lulju 2019). Qal dawn il-kelmiet, fost l-oħrajn, ftit tax-xhur qabel ma faqqgħet il-pandemija: u kemm għallmitna, f’dan is-sens, dik l-esperjenza twila u iebsa li għadna niftakruha.

Bla dubju dan kollu jiswa prezz. La l-qadi u lanqas is-smigħ ma huma dejjem faċli: jitolbu impenn, il-ħila li wieħed jiċċaħħad minn xi ħaġa. Jiswew prezz, ngħidu aħna, fis-smigħ u fil-qadi, il-fedeltà u l-imħabba li bihom missier u omm imexxu l-familja tagħhom, kif jiswa prezz l-impenn li bih l-ulied, id-dar jew l-iskola, jikkorrispondu għall-isforzi tagħhom; jiswa prezz li nippruvaw nifhmu lil xulxin meta għandna opinjonijiet differenti, naħfru lil xulxin meta niżbaljaw, ngħinu lil xulxin meta nimirdu, inwieżnu lil xulxin meta aħna mdejqa. Imma hekk biss, b’dawn l-isforzi, li fil-ħajja nistgħu nibnu xi ħaġa tajba; huwa biss b’dan il-mod li bejn il-persuni jitwieldu u jikbru relazzjonijiet awtentiċi u b’saħħithom, u li minn isfel, mill-ħajja ta’ kuljum, tikber, tixtered u tinħass preżenti s-Saltna ta’ Alla (ara Lq 7:18-22).

Santu Wistin, f’wieħed mid-diskorsi tiegħu, meta jirrifletti fuq l-episodju ta’ Marta u Marija, ikkummenta hekk: “F’dawn iż-żewġ nisa hemm issimbolizzati żewġ ħajjiet: dik preżenti u dik futura; waħda ngħixuha fit-taħbit u l-oħra fil-mistrieħ; waħda mġarrba, l-oħra hienja; waħda temporanja, l-oħra eterna” (Sermo 104, 4). U meta jaħseb fix-xogħol ta’ Marta, Wistin jgħid: “Min qatt hu meħlus minn dan is-servizz li jieħu ħsieb tal-oħrajn? Min qatt jista’ jieħu nifs minn dawn il-ħidmiet? Ejjew nippruvaw inwettquhom b’mod li ma fihx xi tmaqdar u bi mħabba […]. Għad jgħaddi t-taħbit u jasal il-mistrieħ; imma l-mistrieħ naslu għalih biss bit-taħbit. Għad jgħaddi l-ġifen u naslu fil-patrija; imma fil-patrija ma naslux jekk mhux bil-ġifen” (ibid., 6-7).

Abraham, Marta u Marija llum ifakkruna proprju f’dan: li smigħ u qadi huma żewġ atteġġjamenti kumplimentari għal xulxin li bihom nistgħu ninfetħu, fil-ħajja, għall-preżenza mbierka tal-Mulej. L-eżempju tagħhom jistedinna ngħaqqdu flimkien, fil-jiem tagħna, kontemplazzjoni u azzjoni, mistrieħ u taħbit, silenzju u ħidma, b’għerf u bilanċ, waqt li nżommu dejjem bħala kejl ta’ ġudizzju l-imħabba ta’ Ġesù, bħala dawl il-Kelma tiegħu u bħala għajn ta’ qawwa l-grazzja tiegħu, li tweżinna lil hemm mill-istess possibbiltajiet tagħna (ara Fil 4:13).

____________

Kelmtejn spontanji mlissna mill-Papa Ljun XIV fi tmiem il-Quddiesa fil-Katidral ta’ Albano, qabel il-Barka, huwa u jagħti pjaneta lill-E.T. Mons. Vincenzo Viva, Isqof tad-Djoċesi.

Lill-Eċċellenza Tiegħu nagħtu dan id-don, espressjoni tal-qrubija tagħna lejn il-Knisja Djoċesana tiegħu, bix-xewqa li l-Barka tal-Mulej dejjem tkun miegħek. Grazzi tas-servizz tiegħek u grazzi lill-poplu tiegħek.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading