QUDDIESA
FIS-SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA
FIS-SEMA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa Pontifiċja ta’ San Tumas minn Villanova (Castel Gandolfo)
Il-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu 2025
Għeżież ħuti,
Illum mhuwiex il-Ħadd, imma b’mod differenti qed niċċelebraw l-Għid ta’ Ġesù li jibdel l-istorja. F’Marija ta’ Nazaret hemm l-istorja tagħna, l-istorja tal-Knisja mgħaddsa fl-umanità komuni. Meta inkarna fiha lil Alla tal-ħajja, Alla tal-libertà għeleb il-mewt. Iva, illum nikkontemplaw kif Alla jirbaħ fuq il-mewt, imma qatt mingħajrna. Tiegħu hija s-saltna, imma tagħna hija l-“iva” għall-imħabba tiegħu li tista’ tibdel kollox. Fuq is-salib Ġesù b’mod ħieles lissen l-“iva” li kellha tneżża’ l-mewt mis-setgħa tagħha, dik il-mewt li għadha terfa’ rasha meta jdejna jsallbu u l-qlub tagħna huma lsiera tal-biża’, tas-suspett. Fuq is-salib il-fiduċja rebħet, rebħet l-imħabba li tara dak li għad m’hemmx, rebħet il-maħfra.
U Marija kienet hemm: kienet hemm, magħquda mal-Iben. Nistgħu llum naraw kif Marija nkunu aħna meta ma naħarbux, inkunu aħna meta nwieġbu bl-“iva” tagħna għall-“iva” tiegħu. Fil-martri ta’ żmienna, fix-xhieda tal-fidi u tal-ġustizzja, tal-ħlewwa u tal-paċi, dik l-“iva” għadha ħajja u għadha teħodha kontra l-mewt. Hekk dan il-jum ta’ ferħ huwa jum li jimpenjana biex nagħżlu kif u għal min ngħixu.
Il-liturġija ta’ din il-festa tal-Assunta pproponitilna s-silta mill-Vanġelu tal-Viżitazzjoni. San Luqa f’din il-paġna jittrasmetti l-memorja ta’ mument kruċjali fil-vokazzjoni ta’ Marija. Kemm hu sabiħ nerġgħu lura għal dak il-mument fil-jum li fih qed niċċelebraw it-tmiem tal-ħajja tagħha. Kull storja, anki dik tal-Omm ta’ Alla, fuq l-art hi qasira u tintemm. Imma xejn ma jintilef. Hekk, meta ħajja tintemm, l-uniċità tagħha tilma b’mod iżjed ċar. Il-Magnificat, li l-Vanġelu jqiegħed fuq fomm ix-xebba Marija, issa joħroġ għad-dawl il-ġranet kollha ta’ ħajjitha. Jum wieħed, dak tal-laqgħa mal-qariba Eliżabetta, fih is-sigriet ta’ kull jum ieħor, ta’ kull staġun ieħor. U l-kliem mhux biżżejjed: hemm bżonn tal-għana, li fil-Knisja għadu jiġi kantat, minn “kull nisel” (Lq 1:50), ma’ nżul ix-xemx ta’ kull ġurnata. Il-ħajja tal-għaġeb li ħarġet mill-ġuf ta’ Eliżabetta li kienet sterili kkonfermat lil Marija fil-fiduċja tagħha: antiċipatilha l-ħajja għammiela tal-“iva” tagħha, li tibqa’ għaddejja fil-Knisja u fl-umanità kollha, meta tiġi milqugħa l-Kelma ta’ Alla li ġġedded kollox. Dakinhar żewġ nisa ltaqgħu fil-fidi, imbagħad baqgħu għal tliet xhur flimkien iwieżnu li xulxin, mhux biss fil-ħwejjeġ prattiċi, imma b’mod ġdid ta’ kif jaqraw l-istorja.
Hekk, ħuti, il-Qawmien jidħol ukoll illum fid-dinja tagħna. Il-kliem u l-għażliet ta’ mewt donnhom għadhom b’saħħithom, imma l-ħajja ta’ Alla twaqqaf id-disperazzjoni permezz ta’ esperjenzi konkreti ta’ fraternità, permezz ta’ ġesti ġodda ta’ solidarjetà. Fil-fatt, qabel ma hu d-destin aħħari tagħna, il-Qawmien jibdel – fir-ruħ u fil-ġisem – il-mod ta’ kif ngħixu fuq din l-art. Il-kantiku ta’ Marija, il-Magnificat tagħha, issaħħaħ it-tama taċ-ċkejknin, l-imġewħin, il-qaddejja ħabrieka ta’ Alla. Huma n-nisa u l-irġiel tal-Beatitudnijiet, li qalb it-tiġrib jibqgħu jaraw minn issa dak li ma jidhirx: is-setgħana mniżżla minn fuq it-tronijiet tagħhom, l-għonja mkeċċija ’l barra b’idejhom vojta, il-wegħdiet ta’ Alla mwettqa. Huma esperjenzi li, f’kull komunità Nisranija, ilkoll kemm aħna suppost ngħidu li għexna. Jidhru impossibbli, imma l-Kelma ta’ Alla terġa’ tiġi għad-dawl. Meta jitwieldu r-rabtiet li bihom neħduha kontra l-ħażen bit-tajjeb, kontra l-mewt bil-ħajja, allura naraw kif għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir (ara Lq 1:37).
Imma xi drabi, fejn jipprevalu ċ-ċertezzi umani, ċertu benessri materjali u dik it-telqa li traqqad il-kuxjenzi, din il-fidi tista’ tixjieħ. U hekk tidħol ftit ftit il-mewt, fl-għamla ta’ rassenjazzjoni u ta’ tgergir, ta’ nostalġija u ta’ inċertezza. Minflok ma naraw id-dinja l-qadima tintemm, nibqgħu nfittxu l-għajnuna tagħha: l-għajnuna tal-għonja, tas-setgħanin, li normalment magħha tiġi wkoll l-istmerrija tal-foqra u taċ-ċkejknin. Imma l-Knisja tgħix fil-membri dgħajfa tagħha, terġa’ ssir żagħżugħa grazzi għall-Magnificat tagħhom. Anki llum il-komunitajiet Insara foqra u ppersegwitati, ix-xhieda tal-ħlewwa u tal-maħfra fil-postijiet ta’ ġlied, l-operaturi tal-paċi u l-bennejja tal-pontijiet f’dinja mfarrka f’biċċiet, huma l-ferħ tal-Knisja, huma l-frott permanenti tagħha, l-ewwel ħsad tas-Saltna li ġejja. Ħafna minnhom huma nisa, bħall-anzjana Eliżabetta u ż-żagħżugħa Marija: nisa tal-Għid, appostli tal-Qawmien. Inħallu x-xhieda tagħhom tikkonvertina!
Ħuti, meta f’din il-ħajja “nagħżlu l-ħajja” (ara Dewt 30:19), allura f’Marija, imtellgħa s-Sema, għandna raġuni biex naraw id-destin tagħna. Hi mogħtija lilna bħala s-sinjal li l-Qawmien ta’ Ġesù ma kienx każ iżolat, eċċezzjoni. Ilkoll, fi Kristu, nistgħu nibilgħu lill-mewt (ara 1 Kor 15:54). Bla dubju, din hija opra ta’ Alla, mhux tagħna. Madankollu, Marija hi dik in-nisġa ta’ grazzja u libertà li timbutta bil-ħlewwa lil kull wieħed u waħda minna għall-fiduċja, għall-kuraġġ, għall-involviment fil-ħajja ta’ poplu. “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49): jalla lkoll inħossu dan il-ferħ u nagħtu xhieda tiegħu b’għanja ġdida. Ma nibżgħux nagħżlu l-ħajja! Ġeneralment dan jista’ jidher perikoluż, imprudenti. Kemm ilħna nsibuhom dejjem hemm ifesfsulna: “Għaliex ħa titgħabba? Ħallik minn dan! Aħseb fl-interessi tiegħek”. Dawn huma ilħna tal-mewt. Imma aħna dixxipli ta’ Kristu. Hija l-imħabba tiegħu li timbuttana, bir-ruħ u l-ġisem, fi żminijietna. Bħala individwi u bħala Knisja aħna ma ngħixux iżjed għalina nfusna. Huwa proprju dan – huwa biss dan – li jxerred il-ħajja u bih il-ħajja tirbaħ. Ir-rebħa tagħna fuq il-mewt tibda minn issa.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard