Dizzjunarju Bibliku minn Dun Pawl Sciberras
Il-Bibbja turi li Alla dejjem inqeda bil-bniedem biex wassal il-kelma tiegħu lill-bnedmin oħra. Din hi l-istorja tal-profeti. Alla sejħilhom u bagħathom. Għamilhom messaġġiera tiegħu, afdalhom missjoni u bagħathom iwasslu l-messaġġ tiegħu lill-poplu, lis-slaten u lil min ried hu.
Lil Mosè, l-ewwel profeta, Alla, wara li sejjaħlu, qallu: “ħa nibagħtek għand il-Fargħun, biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-poplu tiegħi, mill-Eġittu” (Eż 3:10). Hekk ukoll lill-Profeti l-oħra (Ġer 1:7; Eżek 2:3-4; 3:4-5). Il-profeti kollha wieġbu sewwa għas-sejħa ta’ Alla u qagħdu għall-missjoni li afdalhom, min bil-ħeffa, bħal Isaija (Is 6:8) u min bil-mod u l-biża’ bħal Ġeremija (Ġer 1:6), u Mosè wkoll (Eż 3:llss). Ġona biss ħarab u ma qagħadx għall-kelma ta’ Alla (Ġona 1:lss). Alla tkellem bil-fomm tal-profeti. Qegħdilhom fuq fommhom il-kelma tiegħu u bagħathom ixandruha. Din hi l-missjoni, kelma Latina mill-verb mittere (missus),bil-Grieg apostéllo, li minnha ġejja l-kelma “appostlu”. II-profeti huma l-appostli tat-Testment il-Qadim.
Fit-Testment il-Ġdid huma l-Appostli ta’ Ġesù Kristu. L-ewwelnett Ġesù hu l-ewwel u l-aqwa appostlu (Lhud 3:1), kif hu l-aħħar u l-aqwa fost il-profeti (Lhud 1:1-2). Ġesù hu l-Mibgħut mill-Missier. Din hi x-xhieda tat-Testment il-Ġdid (Lq 4:17-2l; Ġw 3:17; 10:36; Gal 4:4). II-Missier bagħat ’l Ibnu fid-dinja biex iwassal il-messaġġ tas-salvazzjoni tiegħu lill-bnedmin u biex hu nnifsu, bl-opra tal-fidwa tiegħu, jagħmel li jseħħ il-pjan tas-salvazzjoni.
Ġesù mbagħad, biex iwassal il-messaġġ tas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha, hu wkoll bagħat bnedmin oħra f’ismu. “Għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw” (Mk 3:14 par). U bagħathom, f’ħajtu (Lq 9:1 par; 10:1; eċċ.) u wara li qam mill-mewt (Mk 16:15; Mt 28:19; Ġw 20:21). Aktar tard bagħat ukoll lil Pawlu, 1-appostlu tal-ġnus (Ġal 1:1; 2:8).
Lill-Appostli Ġesù tahom is-setgħa u l-ordni li jmorru jkomplu l-missjoni tiegħu tax-xandir tal-Evanġelju lill-bnedmin kollha. Biex setgħu jagħmlu dan, kellhom bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Ġesù wkoll f’ħajtu ħadem u għallem bil-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej (Lq 4:18). Għalhekk lill-appostli wegħedhom ukoll li jibagħtilhom l-Ispirtu s-Santu (Lq 24:49; Ġw 14:26; 15:26; Atti 1:4). F’dan is-sens l-Ispirtu s-Santu hu wkoll “appostlu”, mibgħut. Hu l-Mibgħut tal-Missier u tal-Iben biex bih l-Appostli setgħu jaqdu l-missjoni tagħhom. Hu l- qawwa u r-ruħ tal-ħidma tagħhom (Atti 1:8).
Hekk ukoll il-Knisja ta’ Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ir-Ruħ tagħha, tkompli l-missjoni li afdalha l-Fundatur tagħha li xxandar il-Bxara t-tajba lill-bnedmin kollha. Il-Knisja hi appostlu, hi missjunarja.
Fittex fil-lista kollha tad-Dizzjunarju Bibliku minn Dun Pawl Sciberras … https://laikosblog.org/db/