L-Istorja ta’ Bernardette ta’ Lourdes fi musical

Kitba ta’ Joe Galea

L-istorja ta’ Santa Bernadette Soubirous se tkun dalwaqt fiċ-ċinema b’mod kreattiv u kommoventi, fi musical bl-isem ta’ Bernadette ta’ Lourdes. L-istorja hi mfassla fuq fdal storiku tal-interrogazzjonijiet u l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet ċivili u tal-Knisja. Il-musical jiffoka fuq kif Bernadette, tfajla fqira f’villaġġ u bla skola, tiffaċċja b’kuraġġ, u f’waqtiet b’sens ta’ umoriżmu, lil dawk li m’emmnux li rrakkuntat. Fittxew li jħawduha u jġegħluha tiċħad id-dehriet li kellha mill-Madonna. Bernadette twieġeb b’sinċerità u konvinzjoni l-mistoqsijiet quddiem in-nuqqas ta’ fidi ta’ dawk li riedu jirridikulawha.

Is-sena d-dieħla, Eyma Scharen, kantanta Franċiża ta’ 23 sena se jkollha l-opprtunità li tinterpreta lil Bernadette bl-Ingliż meta l-musical f’żewġ atti Bernadette ta’ Lourdes, b’lirika ta’ Lionel Florence u Patrice Guirao u mużika mill-kompożitur Franċiż Gregoire, jibda tour fl-Amerka.

Eyma Scharen, li għandha l-parti ta’ Bernadette

Bernadettee ta’ Lourdes intwera bħala dramm fir-Robert Houssein Hall ta’ Lourdes mill-2019 sal-2022 u ġie ffilmjat live fejn aktar minn 400,000 ruħ raw l-ispettaklu oriġinali fuq il-palk.  Il-musical kien parti minn serje ta’ pellegrinaġġi. Fl-Italja ġie milqugħ bħala l-ispettaklu tas-Sena tal-Ġublew 2025. Fl-Istati Uniti l-musical kien intwera fl-2024 fil-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali, f’Indianapolis. Niftakru li din is-sena qed jiġi ċelebrat il-100 anniversarju mil-beatifikazzjoni ta’ Santa Bernadette, fl-1925, xahar qabel il-kanonizzazzjoni ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux. Bernadette Soubirous ġiet dikjarata qaddisa fl-1933.

Bl-isem sempliċi ta’ Bernadette ta’ Lourdes, il-musical jirrakkonta l-istorja ta’ Bernadette Soubirous b’mod li jogħġob lil dawk li jarawh u f’waqtiet jislet ukll xi demgħa bl-emozzjoni. Il-kant fih qawwa li tmiss il-qlub, interpretat minn atturi li tispikka fihom is-sħubija intima mal-karattri fil-musical. Il-messaġġi li joħorġu mill-mużika u l-lirika tal-musical ma jintilfux, għalkemm hu bil-Franċiż, billi fih sottotitli li jagħmluha faċli għall-udjenza biex issegwi b’attenzjoni.

Eyma Scharen, kantanta magħrufa sew fi Franza, ukoll bis-sehem tagħha f’The Voice Kids, tkanta s-siltiet ta’ Bernadette bil-qalb u b’mod kommoventi, ibda mill-ewwel viżjoni tal-Madonna. Meta x-xena timxi lejn il-grotta, l-udjenza ma tarax lill-Madonna, iżda mid-dija u mid-dawl, Bernadette tidher li qed tara xi ħaġa lil hinn mill-ordinarju.

Eyma Scharen  tipproġetta b‘mod naturali ż-żgħożija u l-innoċenza partikulari ta’ Bernadette mit-tweġibiet tagħha meta tiġi mġiegħla tiċħad id-dehriet. Bis-sempliċità tagħha tirrassenja ruħha meta l-istess familja tagħha ma temminhiex u tordnalha li tiskot. ‘Il quddiem tirbaħ id-determinazzjoni ġenwina tagħha li ssegwi dak li titlob minnha s-‘Sinjura’ tas-sema.

Meta l-ġenituri ta’ Bernadette jagħfsuha dwar kif il-familja qed tbati minħabba dak li qed tgħid, huma jkantaw dwett li fih jiġġustifikaw it-tħassib tagħhom. F’dan id-dwett, omm Bernadette tirrepeti kull linja li jkanta żewġha. Bir-ripetizzjonijiet tal-lirika tagħha, is-song issir aktar kommoventi dwar is-sitwazzjoni diffiċli tagħhom, fejn jistaqsu: “Li baqagħlek hi biss l-imħabba għax inti tajt kollox.” Bernadette ma tgħid xejn, u titħalla weħidha. U dan iwassal għall-għanja sabiħa, Pourquoi moi? (Għaliex jien?) għax taf li ma tistax ma tobdix lis-‘Sinjura’ filwaqt li bdew jgħidulha biex ma terġax lura lejn il-grotta.

Ix-xeni bejn il-Kappillan u Bernadette fihom drama u umoriżmu. Il-Kappillan, interpretat mill-attur/kantant magħruf Christophe Héraut jibda billi tant imħawwad juri lil Bernadette li jrid ikun jaf x’jisimha s-‘Sinjura’ li qed tara Bernadette hekk kif hu u l-belt kollha jkantaw: “Irridu isem. Agħtuna isem, agħtuna xhud, biex inkunu nistgħu nifhmu.” Il-mużika ssir iktar emozzjonali meta l-qassis jisma’ lil Bernadette tgħidlu x’jisimha s-‘Sinjura’: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.” Il-vuċi fonda ta’ Héraut, mimlija b’determinazzjoni u riżoluzzjoni, tqanqal emozzjonijiet qawwija hekk kif ikanta li issa se jemmenha u se jipproteġiha. Issa hu persuna mibdula!

L-istess hu missier Bernadette, kif ikanta David Ban, li ġie fuq in-naħa ta’ Bernadette. L-istqarrija tiegħu toħroġ fil-beraħ u tqanqal il-qlub ta’ min jara l-musical. Il-kummissarju tal-pulizija, irrabjat u determinat li jkisser lil Bernadette, isib ruħu wkoll f’din is-song fejn juri l-uġiegħ min minħabba l-ġlieda li għaddejja ġo fih.

Il-messaġġ ta’ Santa Bernadette hu għal kull żmien: li tagħti xhieda hu aqwa milli tfittex li tikkonvinċi.

Joe Galea

_____

Tista’ tara u tisma’ s-song Pourquoi moi?, Għaliex jien? f’din il-link:


Xena oħra mill-musical.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading