Inħobbkom: Ktieb ġdid minn Caritas Malta dwar Mons. Victor Grech

Michael Caruana

Is-Sibt 18 ta’ Ottubru CARITAS Malta se tniedi l-ktieb INĦOBBKOM b’tifkira tal-fundatur ta’ Caritas Malta kif nafuha llum, Monsinjur Victor Grech.

Il-ktieb hu mqassam f’sezzjonijiet differenti u b’kollox fih 350 paġna. L-itwal sezzjoni hi dik b’kitbiet ta’ persuni li għexu ħafna qrib tiegħu, fosthom staff ta’ CARITAS, voluntiera li ħadmu miegħu fil-bidu tagħha wħud minnhom għadhom jagħtu sehemhom sal-lum, residenti u eks residenti ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni li ħafna minnhom jafu lilu l-fejqan tagħhom.

Imbagħad hemm intervista esklussiva ma’ Monsinjur Grech mill-editur tal-ktieb, Joe Cassar, li qatt ma kienet pubblikata qabel. Din hi fil-fatt l-aħħar intervista li Dun Victor ta lil membru tal-midja lokali qabel saħħtu bdiet tiddeterjora.

Hemm sezzjoni oħra b’kitbiet din id-darba ta’ persuni li tant kienu u għadhom iħobbuh fil-parroċċa Tal-Ibraġ fejn kien iqaddes u għex Monsinjur Grech fl-aħħar snin ta’ ħajtu.

Il-ktieb INĦOBBKOM jinkludi wkoll sezzjoni ta’ aktar minn 60 paġna b’ritratti minn ħajtu, mit-twelid sal-mewt tiegħu, uħud minnhom qatt ma dehru qabel. U finalment sezzjoni li tfakkar fil-funeral kbir organizzat mill-Istat b’kollaborazzjoni mal-Kurja tal-Arċisqof u mad-direzzjoni ta’ CARITAS Malta fi Frar li għadda.

Sezzjoni oħra twila hi dik b’siltiet mill-Evanġelju segwiti minn riflessjonijiet qosra, imma mimlija għerf u mħabba, minn Monsinjur Grech li kienu ttajpjati u ffajljati u li qatt ma kienu ġew pubblikati qabel.

Id-Daħla għall-ktieb hi tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Fil-Kelmtejn Qabel l-editur Joe Cassar jgħid li din il-pubblikazzjoni kienet xewqa kbira ta’ Monsinjur Grech innifsu u fil-fatt staqsa dwar dan il-ktieb minn fuq is-sodda tal-mewt tiegħu proprju jumejn qabel ma ngħaqad mal-Missier Etern fil-5 ta’ Frar li għadda. Cassar igħid ukoll li t-titlu tal-ktieb kien kważi awtomatiku għax l-aktar kelma li kienet toħroġ minn qalb Monsinjur Grech quddiem ir-residenti ta’ San Blas u persuni oħra li jkollu quddiemu kienet proprju din: “Inħobbkom, inħobbkom ħafna”.

Fl-intervista pubblikata għall-ewwel darba f’dan il-ktieb, Monsinjur Victor Grech jitkellem dwar xi tfisser għalih CARITAS u kif jaraha llum, dwar l-Eżerċizzi tar-Randan li kienu jattiraw eluf ta’ żgħażagħ minn kull rokna ta’ Malta, iż-żgħażagħ fis-soċjetà tagħna llum, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet u l-possibbiltà ta’ saċerdoti miżżewġin fi ħdan il-Knisja f’Malta, il-fenomenu tas-suwiċidji f’pajjiżna, l-influwenza tat-trobbija u t-tfulija tiegħu fuq dak kollu li għamel aktar ’il quddiem f’ħajtu u t-tibdil li jixtieq jara fil-Knisja f’Malta.

Il-ktieb INĦOBBKOM jista’ jiġi akkwistat billi wieħed jidħol fis-sit ta’ CARITAS Malta www.caritasmalta.org/inhobbkom u jimla l-formola biex jibbukkja l-kopja tiegħu. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel ukoll in-numru 22199000.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading