OMELIJA GĦAS-SIBT L-EWWEL TA’ NOVEMBRU
Spiċċat it-tieni gwerra dinjija u fil-belt ta’ Trento l-Italja, Chiara Lubich u grupp ta’ tfajliet sħabha raw li l-gwerra qerdet kollox, kulma kellhom għażiż u għal qalbhom: id-djar, il-familja, l-iskola, l-istudju, l-imħabba, il-ħbieb. Bdew jistaqsu bejniethom jekk kienx hemm xi ħaġa, xi ħaġa idejali li ma tispiċċax lanqas bil-bombi. F’qalbhom ħassew xi ħaġa waħda li ma tispiċċax: Alla biss. Iddeċidew li jibdew jieħdu lil Alla bis-serjeta’ u għażluh bħala l-idejal li ma jispiċċax lanqas bil-bombi. F’qalbhom ħassew xi ħaġa waħda li ma tispiċċax: Alla biss. Iddeċidew li jibdew jieħdu lil Alla bis-serjeta’ u għażluh bħala l-idejal ta’ ħajjithom. Iddeċidew li jfittxu li jagħmlu dejjem ir-rieda ta’ Alla, kif jurihielhom f’kull waqt fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja ta’ kuljum. Kienu jistaqsu: “Xi jrid minna Alla f’dan il-waqt?” u dak li jrid minnhom jagħmluh.
Biex iħobbu lil Alla kemm jistgħu, baqgħu jistaqsu: “X’inhi l-aktar ħaġa li jrid Alla?” Fettxew fil-vanġelu u sabu dawn il-kelmiet: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” Ippruvaw jgħixu dan il-kmandament bejniethom u ma’ l-oħrajn f’kull waqt. Ippruvaw ikunu dejjem lesti biex malli jkun meħtieġ jagħtu kollox għal xulxin. F’qasir żmien, biss biss fi Trento, kien hemm mal-500 ruħ li ippruvaw jgħixu dan l-idejal. Illum dal-moviment ta’ nies li jgħixu dan l-idejal (imsejjaħ il-moviment tal-fokolarini) kiber bl-eluf u jinsab mifrux mal-kontinenti kollha tad-dinja. Dawn il-fokolarini jħossu u jgħidu li għax jgħixu dan l-idejal jħossu ħafna ferħ ġewwa qalbhom. Mhux biss iħossuh, imma jittrasmettuh lill-oħrajn u dan fl-ambjenti kollha li fihom huma jkunu preżenti: fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-postijiet tad-divertiment…anki meta jkunu qegħdin ibatu u meta l-għuda tas-salib tkun qegħda toborxilhom u ttaqqlilhom spallejhom bħalma ġara fil-każ ta’ Ġesu’.
Illum, l-ewwel ta’ Novembru, qegħdin niċċelebraw is-sollennita’ tal-qaddisin kollha u għadni kemm qrajtilkom silta mill-vanġelu ta’ San Mattew imsejħa “s-silta tal-beatudnijiet” jew is-silta ta’ dawk li jistgħu jissejħu henjin. Il-kelma “beatitudni” ġejja mill-kelma latina “beatus” li bil-Malti tfisser hieni jew ferħan.
Meta jirnexxielna nkunu hiena jew ferħanin? F’din is-silta li għadni kemm qrajtilkom, kif ra l-folol Ġesu’ tela’ fuq muntanja u wara li qagħad bilqiegħda fetaħ fommu u lil dawk li kienu qegħdin jisimgħuh huwa ta lilhom u lilna dak li jista’ jagħmilna tassew hienja u ferħanin. Prattikament tana tmint iċwievet. Liema huma dawn it-tmint iċwievet? Diġa smajtuhom pero’ ħa nerġa’ nsemmihom waħda wara l-oħra. Il-faqar tal-ispirtu, in-niket li jġib il-ferħ, il-manswetudni jew il-kapaita’ li taħfer lil min għamillek id-deni, il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, il-ħniena nisranija, is-safa tal-qalb, il-ħidma għall-paċi u l-imġieba tan-nisrani waqt il-persekuzzjoni.
Fil-kolletta jew fit-talba tal-bidu, f’ismi u f’isimkom, jiena tlabt lil Alla u għedtlu: “O Alla ta’ dejjem…bil-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieh lill-Qaddisin tiegħek kollha f’daqqa…” Min huma dawn il-Qaddisin? Importanti ngħidilkom li bl-espressjoni “qaddisin tiegħek kollha f’daqqa” ma rridux nifhmu biss dawk il-qaddisin li jinsabu fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja imma tant insara, fosthom qrabatna, ħbieb tagħna u ħafna nsara oħra li għax għexu d-dettalji tal-vanġelu meta kienu fuq l-art issa jinsabu l-ġenna jgawdu ‘l Alla u jinterċedu għalina. Ninsisti magħkom li titolbuhom fil-bżonnijiet spiritwali u materjali tagħkom għax jekk ikun ta’ ġid għalikom, Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu jagħtikom dak li tixtiequ. Lil dawn il-qaddisin: qraba, ħbieb u erwieh tajba, Papa Franġisku jagħtihom isem. Isejħilhom: “Il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” jew “Il-klassi medja tal-qdusija.”
Meta jitkellem fuq il-qdusija, San Franġisk de Sales, isqof u duttur tal-Knisja jgħid hekk: “Jiżbalja, anzi jaqa’ fl-ereżija min irid jeskludi l-ħajja spiritwali mill-gruppi tas-suldati, mill-ħwienet tal-ħaddiema, mis-swali tal-kbarat, mid-djar tal-miżżewġin…”
Nispiċċa b’ġakulatorja qasira imma ta’ min jinkludiha mal-ħafna ġakulatorji li nistgħu ngħidu, kitibha Monsinjur Salvatore Grima li waqqaf id-dar tal-kleru u fundatur tal-Qaddejja taċ-ċenaklu. Il-ġakulatorja: “Mulej, agħmel li nilħaq dak il-grad tal-qdusija li ħejjejtilna Inti sa mill-eternita’.”