Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Jum Dinji tal-Foqra

ID-IX JUM DINJI TAL-FOQRA
ĠUBLEW TAL-FOQRA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 16 ta’ Novembru 2025

Tislima spontanja lill-fidili miġbura fi Pjazza San Pietru qabel il-Quddiesa

Il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

Il-jum it-tajjeb lil kulħadd u merħba!

Meta naqraw il-Vanġelu, waħda mill-frażijiet li lkoll nafu hi “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hi s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 5:3). Aħna lkoll irridu nkunu fost il-foqra tal-Mulej, għax il-ħajja tagħna hija don ta’ Alla u nilqgħuha b’tant gratitudni.

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom. Il-Bażilika ssir xi ftit żgħira… Intom parti mill-Knisja u tistgħu ssegwu l-quddiesa anki minn fuq l-iskrins. Ħudu sehem b’ħafna mħabba, b’ħafna fidi u kunu afu li aħna lkol magħqudin fi Kristu.

Allura, ejjew niċċelebraw l-Ewkaristija u wara niltaqgħu għall-Angelus, hawn fil-Pjazza.

Il-Mulej iberikkom ilkoll. Il-Ħadd it-tajjeb!


Omelija

Għeżież ħuti,

L-aħħar Ħdud tas-sena liturġika jħeġġuna nħarsu lejn l-isrtorja fl-aħħar eżiti tagħha. Fl-Ewwel Qari, il-profeta Malakija jilmaħ minn qabel fil-miġja ta’ “jum il-Mulej” id-dħul fit-Tempju l-ġdid. Dan jiġi deskritt bħala t-tempju ta’ Alla, li fih, bħal żerniq li fih titla’ x-xemx tal-ġustizzja, it-tamiet tal-foqra u tal-umli jirċievu mingħand il-Mulej tweġiba aħħarija u defenittiva, u tiġi meqruda, maħruqa bħal tiben, l-opra tal-kburin u tal-inġustizzja tagħhom, fuq kollox bi ħsara għal dawk li ma għandhomx min jiddefendihom u l-foqra.

Din ix-xemx tal-ġustizzja li titla’, kif nafu, hi Ġesù nnifsu. Jum il-Mulej, fil-fatt, mhux biss huwa l-aħħar jum tal-istorja, imma s-Saltna li toqrob lejn kull bniedem fl-Iben ta’ Alla li ġej. Fil-Vanġelu, b’lingwaġġ apokalittiku tipiku ta’ żmienu, Ġesù jħabbar u jniedi din is-Saltna: fil-fatt hu stess hu l-ħakma ta’ Alla li ssir preżenti u tidħol fil-ġrajjiet drammatiċi tal-istorja. Għalhekk dawn ma għandhomx ibeżżgħu lid-dixxiplu, imma jagħmluh iktar perseveranti fix-xhieda u fl-għarfien li dejjem ħajja u fidila hi l-wegħda ta’ Ġesù: “Xagħra waħda minn raskom ma tintilifx” (Lq 21:18).

Din, ħuti, hija t-tama li magħha aħna ankrati, imqar qalb il-ġrajjiet mhux dejjem hienja tal-ħajja. Illum ukoll “il-Knisja tkompli l-pellegrinaġġ tagħha fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet ta’ Alla, u tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (Lumen gentium, 8). U, fejn jidhru li spiċċaw it-tamiet kollha tal-bnedmin, issir ankra iktar soda ċ-ċertezza waħdanija, iktar stabbli mis-sema u l-art, li l-Mulej ma jħallix tintilef lanqas xagħra waħda minn rasna.

Fil-persekuzzjonijiet, fit-tbatijiet, fit-taħbit u fl-oppressjonijiet tal-ħajja u tas-soċjetà, Alla ma jitlaqniex waħidna. Hu jidher bħala Dak li jieħu pożizzjoni għalina. Fl-Iskrittura kollha nsibu nisġa komuni li tirrakkonta Alla li hu dejjem fuq in-naħa taż-żgħir, fuq in-naħa tal-iltim, tal-barrani u tal-armla (ara Dewt 10:17-19). U f’Ġesù, Ibnu, il-qrubija ta’ Alla tilħaq il-quċċata tal-imħabba: għalhekk il-preżenza u l-kelma ta’ Kristu ssir ferħ u ġublew għall-aktar foqra, għax hu ġie biex iħabbar lill-foqra l-aħbar it-tajba u jxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej (ara Lq 4:18-19).

F’sena ta’ grazzja bħal din għadna nieħdu sehem b’mod speċjali aħna, proprju llum, aħna u niċċelebraw, b’dan il-Jum dinji, il-Ġublew tal-foqra. Il-Knisja kollha tifraħ u tithenna, u qabelxejn lilkom, għeżież ħuti, nixtieq ngħaddilkom b’qawwa l-kliem irrevokabbli tal-istess Mulej Ġesù: “Dilexi te – Jiena ħabbejtek” (Apok 3:9). Iva, quddiem iċ-ċokon u l-faqar tagħna, Alla jħares lejna b’mod uniku u jħobbna bi mħabba eterna. U l-Knisja tiegħu, sal-lum, forsi fuq kollox f’dan iż-żmien tagħna li għadu midrub minn faqar qadim u ġdid, trid tkun “omm tal-foqra, post ta’ akkoljenza u ta’ ġustizzja” (Eżortazzjoni appostolika Dilexi te, 39).

Kemm faqar jagħfas fuq id-dinja tagħna! Huwa qabelxejn faqar materjali, imma hemm anki tant sitwazzjonijiet morali u spiritwali, li spiss imissu fuq kollox liż-żgħar. U t-traġedja li b’mod kategoriku qed tolqothom ilkoll hija s-solitudni. Din tisfidana biex inħarsu lejn il-faqar b’mod integrali, għax ċertament hu meħtieġ li xi drabi nwieġbu għall-bżonnijiet urġenti, imma b’mod iżjed ġenerali hija kultura tal-attenzjoni dik li għandna bżonn inrawmu, proprju biex inġarrfu l-ħajt tas-solitudni. Għalhekk nixtiequ nkunu attenti għall-ieħor, għax kull persuna, hemm fejn aħna, hemm fejn ngħixu, u ngħaddu dan l-atteġġjament diġà fil-familja, biex ngħixuh b’mod konkret fil-postijiet tax-xogħol u tal-istudju, fid-diversi komunitajiet, fid-dinja diġitali, kullimkien, sa naslu anki sat-trufijiet u nsiru xhieda tal-ħlewwa ta’ Alla.

Illum, fuq kollox ix-xenarji tal-gwerra, b’xorti ħażina preżenti fid-diversi reġjuni tad-dinja, jidhru qed jikkonfermawna fi stat ta’ impotenza. Imma l-globalizzazzjoni tal-impotenza titwieled minn gidba, għax nibdew nemmnu li din l-istorja dejjem hekk kienet u ma tistax tinbidel. Imma l-Vanġelu jgħidilna li proprju qalb it-taqlib tal-istorja l-Mulej jiġi jsalvana. U aħna, komunità Nisranija, irridu nkunu llum, qalb il-foqra, sinjal ħaj ta’ din is-salvazzjoni.

Il-faqar jisfida lill-Insara, imma jisfida wkoll lil dawk kollha li fis-soċjetà għandhom rwoli ta’ responsabbiltà. Għalhekk jiena nħeġġeġ lill-Kapijiet tal-Istati u l-Mexxejja tan-Nazzjonijiet biex jagħtu widen għall-karba tal-iżjed foqra. Ma jistax ikun hemm paċi mingħajr ġustizzja, u l-foqra dan ifakkruhulna b’diversi modi, bil-migrazzjonijiet tagħhom kif ukoll bil-karba tagħhom tant drabi fgata mill-mit tal-benessri u tal-progress li ma jagħtix kas ta’ kulħadd, anzi jinsa lil ħafna ħlejjaq u jitlaqhom għad-destin tagħhom.

Lill-operturi tal-karità, lil tant voluntiera, lil dawk kollha li qed jieħdu ħsieb itaffu mill-kundizzjonijiet tal-iktar foqra, nesprimi l-gratitudni tiegħi, u fl-istess waqt l-inkuraġġiment tiegħi biex ikunu dejjem iktar kuxjenza kritika fis-soċjetà. Intom tafu tajjeb li l-kwistjoni tal-foqra terġa’ teħodna għall-essenzjal tal-fidi tagħna, li għalina huma l-istess laħam ta’ Kristu u mhux biss kategorija soċjoloġika (ara Dilexi te, 110). Huwa għalhekk li “l-Knisja bħala omm timxi ma’ dawk li jimxu. Fejn id-dinja tara theddid, hi tara wlied: fejn jinbnew ħitan, hi tibni pontijiet” (ibid., 75).

Ejjew inħabirku lkoll kemm aħna. Kif jikteb l-Appostlu Pawlu lill-Insara ta’ Tessalonika (ara 2 Tess 3:6-13), fl-istennija tar-ritorn glorjuż tal-Mulej ma għandniex ngħixu ħajja magħluqa fina nfusna u f’intimiżmu reliġjuż li jittraduċi ruħu fl-indifferenza lejn l-oħrajn u lejn l-istorja. Bil-maqlub, li nfittxu s-Saltna ta’ Alla jimplika x-xewqa li nibdlu l-konvivenza umana fi spazju ta’ fraternità u ta’ dinjità għal kulħadd, ħadd eskluż. Dejjem jinsab wara l-kantuniera l-periklu li ngħixu bħal vjaġġaturi distratti, li ma nagħtux kas tad-destinazzjoni finali u bla interess għal dawk li jaqsmu magħna l-mixja.

F’dan il-Ġublew tal-foqra ejjew inħallu tnebbaħna x-xhieda tal-Qaddisin li qdew lil Kristu f’dawk l-aktar fil-bżonn u mxew warajh tul it-triq taċ-ċkunija u tat-tneżżigħ. B’mod partikulari, nixtieq nipproponi mill-ġdid il-figura ta’ San Benedittu Ġużeppi Labrè, li bil-ħajja tiegħu ta’ “vagabond ta’ Alla” għandu l-karatteristiċi biex ikun Patrun tal-foqra kollha bla saqaf fuq rashom. Il-Verġni Marija, li fil-Magnificat tkompli tfakkarna fl-għażliet ta’ Alla u ssir leħen ta’ min ma għandux leħen, tgħinna hi nidħlu fil-loġika ġdida tas-Saltna, biex fil-ħajja tagħna ta’ Nsara tkun dejjem preżenti l-imħabba ta’ Alla li tilqa’, taħfer, tinfaxxa l-ġrieħi, tfarraġ u tfejjaq.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading