Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tat-3 Ħadd tal-Avvent

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
It-III Ħadd tal-Avvent, 14 ta’ Diċembru, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jeħodna nżuru lil Ġwanni l-Battista fil-ħabs fejn hu priġunier minħabba l-predikazzjoni tiegħu (cfr Mt 14,3-5)  Minkejja, hu ma jitlifx it-tama u jsir għalina sinjal li l-profezija, anki jekk fil-ktajjen, tibqa’ leħen ħieles li jfittex il-verità u l-ġustizzja.

Infatti, mill-ħabs, Ġwanni l-Battista jisma’ “bl-għemejjel tal-Messija” (Mt 11,2), li huma differenti minn dak li hu kien qed jistenna.  Allura jibgħat jistaqsih: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (v. 3).  Min ifittex il-verità u l-ġustizzja, min qed jistenna l-libertà u l-paċi, jinterroga lil Ġesù.  Propju hu l-Messija, jiġifieri s-Salvatur imwiegħed minn Alla permezz tal-profeti?

It-tweġiba ta’ Ġesù ddawwar il-ħarsa fuq dawk li Hu ħabb u qeda.  Huma dawn: tal-aħħar, il-foqra, il-morda, li jitkellmu f’ismu.  Kristu jħabbar min hu permezz ta’ dak li jagħmel.  U dak li jagħmel hu sinjal ta’ salvazzjoni għal kulħadd.  Infatti, il-ħajja nieqsa mid-dawl, mill-kelma u mit-togħma, issib sens ġdid meta tiltaqa’ ma’ Ġesù: l-għomja jaraw, il-muti jitkellmu, min nieqes mis-smigħ jinfetħulu widnejh.  Ix-xbieha ta’ Alla sfigurata mil-lebbra, tikseb l-integrità u s-saħħa mill-ġdid.  Saħansitra l-mejtin, kompletament bla ħajja, jerġgħu lura għall-ħajja (cfr v. 5).  Dan hu l-Evanġelju ta’ Ġesù, l-aħbar it-tajba mħabbra lill-foqra: meta Alla jiġi fid-dinja, juri ruħu ċar!

Il-kelma ta’ Ġesù teħlisna mill-ħabs tad-dipressjoni u t-tbatija: kull profezija ssib fiH il-milja mistennja.  Infatti hu Kristu li jiftaħ għajnejn il-bniedem għall-glorja t’Alla. Lill-magħkusin Hu jtihom lura l-leħen li ssikket mill-vjolenza u l-mibegħda; Hu jegħleb l-ideoloġija li ttarraxna għall-verità; Hu jfejjaq mill-apparenzi li jiddeformaw il-ġisem.

Hekk il-Verb jeħlisna mill-ħażen li jmexxi l-qalb lejn il-mewt.  Għalhekk, bħala dixxipli tal-Mulej, f’daż-żmien tal-Avvent għandna sejħa biex ngħaqqdu flimkien l-istennija tas-Salvatur mal-attenzjoni lejn dak li Alla jwettaq fid-dinja.  Hekk inkunu nistgħu nġarrbu l-hena tal-libertà li tiltaqa’ mal-Mulej: “Gaudete in Domino semper – Ifirħu dejjem fil-Mulej” (Fil 4,4)  Il-Quddiesa tal-lum, it-tielet Ħadd tal-Avvent, tiftaħ propju b’dal-kliem, u għalhekk jissejjaħ il-Ħadd Gaudete.  Mela ejjew nifirħu għax Ġesù hu t-tama tagħna speċjalment fis-siegħa tal-prova, meta l-ħajja donnha titlef is-sens u nibdew naraw kollox aktar iswed, meta jonqosna l-kliem u nsibuha bi tqila nagħtu widen lill-proxxmu.

Il-Verġni Marija, mudell tal-istennija, tal-attenzjoni u tal-ferħ, tgħinna nkunu imitaturi tal-opra ta’ Binha billi naqsmu l-ħobż u l-Evanġelju mal-foqra.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Jaén, fi Spanja, saret il-beatifikazzjoni tas-saċerdot Emanuele Izquierdo u ħamsa u tmenin sħabu, flimkien mas-saċerdot Montañés Chiquero u erbgħawsittin sħabu, li nqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni tas-snin 1936-1938.  U lbieraħ ukoll, f’Pariġi, saret il-beatifikazzjoni ta’ Raymond Cayré, saċerdot, Gérard-Martin Cendrier, tal-Ordini tal-Patrijiet Minuri, Roger Vallé, seminarista, Jean Mestre, lajk u sittawerbgħin sħabhom, li nqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi bejn l-1944 u l-1945, waqt l-okkupazzjoni nażista.  Infaħħru lill-Mulej għal dawn il-martri, xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju, ippersegwitati u maqtulin għax baqgħu qrib in-nies tagħhom u baqgħu fidili lejn il-Knisja!

Qed insegwi bi tħassib kbir il-ġlied li reġa’ refa’ rasu fin-naħa tal-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Congo.  Filwaqt li nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjoni, inħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt biex iwaqqfu kull xorta ta’ vjolenza u jfittxu djalogu kostruttiv b’rispett lejn il-proċessi ta’ paċi li għaddejjin bħalissa.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lill-fidili minn Belo Horizonte, Zagabria, Spalato u Copenhagen; kif ukoll lil dawk mill-Korea t’Isfel, mit-Tanzania u mis-Slovakkja.  Insellem lill-gruppi minn Mestre, Biancavilla u Bussi sul Tirino; lill-eks-alljievi tal-Assoċjazzjoni Mornese Italia, l-Orkestra Filamonika Pugliese, il-Fundazzjoni Oasi Nazareth minn Corato, liż-żgħażagħ tal-Oratorju Sależjan minn Alcamo u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma mill-Parroċċa San Piju ta’ Pietralcina f’Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading