Illum il-Knisja qiegħdha tiċċelebra t-III Ħadd tal-Avvent, il-Ħadd li nsejħulu ‘Gaudete’, jiġifieri ‘ifirħu’.
Iva NIFIRĦU għax it-tifkira ta’ meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem hija eqreb illum milli kienet meta bdejna dan iż-żmien qaddis tal-Avvent.
Illum 14 ta’ Diċembru imma l-Ordni Karmelitan Tereżjan jifraħ doppjament għax kien proprju sbieħ dan il-jum ta’ 434 sena ilu li l-Missier tagħna San Ġwann tas-Salib, kien tar lejn is-Sema.
Din is-sena li ġejja hija sena speċjali, u dan peress li kien fl-1926 (eżattament mitt sena ilu) li l-Misier tagħna San Ġwann tas-Salib ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja. Kien imbagħad eżattament bħal din is-sena tliet mitt sena (1726) li San Ġwann tas-Salib ġie ddikjarat Qaddis.

Devozjoni lejn San Ġwann tas-Salib
Il-patrijiet Tereżjani Maltin minn dejjem kellhom devozjoni lejn dan il-Qaddis. Tant hu hekk li meta San Ġwann ġie ibbejatifikat fl-1675, huma kienu ddeċidew li jinbarraw il-bibjien tal-ġnub tal-Knisja li kienu bnew biss 43 sena qabel, u hekk jibnu artal dinjituż lil dan il-Qaddis flok il-bieb tal-ġemb. Huma wkoll ikkummisjunaw statwa mill-isbaħ (waħda mill-isbaħ fid-dinja kollha) ta’ dan il-Qaddis.
Żmien fil-ħabs
Il-Vanġelu tallum jippreżentalna lil Profeta Ġwanni l-Battista li minn ġol-ħabs fejn kien tqiegħed huwa saqsa lid-dixxipli tiegħu biex imorru jsaqsu lil Ġesu’, kienx huwa l-Messija li kienu qegħdin jistennew, jew le.
Interessanti l-fatt kif sija Ġwanni l-Battista, u sija San Ġwann tas-Salib, meta dan ukoll spiċċa f’ċella ta’ kastig fil-kunvent ta’ Toledo, it-tnejn approfondixxew il-persuna ta’ Ġesu’ Kristu.
F’kull soċjeta’, f’kull miġemgħa (group) ta’ persuni ssib dak l-imkien fejn min ikun għamel xi ħaġa ħazina, jitqiegħed. Il-ħabs jista’ jkollu ħitan tad-deheb, imma jċaħħad lil min jitqiegħed fih mil-liberta’.
Ġublew tal-ħabsin
Illum ukoll l-Knisja qiegħdha tiċċelebra l-Ġublew tal-ħabsin, u għal dan il-għan telgħu sitt ħabsin Maltin biex jingħaqdu ma’ ħabsin oħrajn u mal-Papa Ljun XIV biex jiċċelebraw il-Ġublew tal-ħniena.
Il-ġustizzja umana hija dejjem limitata, nies li ħaqqhom kastig għandhom mnejn jirnexxielhom xi minn daqqiet jaħarbu mir-radar u ma jinqabdux, u għalhekk ma jeħlux il-ħabs, u oħrajn jinqabdu u jeħlu l-ħabs.
Il-ħabs isir għal min jemmen esperjenza aktar profonda ta’ Alla
Jista’ jiġri wkoll li persuni nnoċċenti jispiċċaw ġo ħabs. Huwa l-kaz tal-Profeta Ġwanni l-Battista u l-Missier tagħna San Ġwann tas-Salib.
Lil Ġwanni l-Battista, Erodi għalqu ġo ħabs biex issikktu, għax dak li kien qiegħed igħidlu u jammonih dwaru ma kienx idoqq għal widnejh.
San Ġwann tas-Salib kien spiċċa f’din il-kamra ċkejkna ġewwa l-kunvent Karmelitan ta’ Toledo għax kienu pratikement tefgħu l-ħtija fuqu għar-Riforma Tereżjana. Ġwanni tas-Salib kien wieħed minn tal-bidu verament għal din ir-Riforma, imma kien l-istess Ġeneral tal-Ordni li kien talab lil Santa Tereża biex tiftaħ kunventi riformati tal-patrijiet.
Dak li hu nterssanti imma huwa kif din l-esperjenza ‘negattiva’ tista’ tinbidel f’waħda ‘positiva’ meta l-bniedem ikun tassew miftuħ għal Grazzja ta’ Alla.
Ġwanni l-Battista waqt li kien il-ħabs isaqsi dwar il-Messija, filwaqt li Ġwanni tas-Salib jikkomponi Poeżiji mill-isbaħ dwar Alla u l-imħabba tiegħU għalina, fosthom il-Poeżija tal-Kantiku Spiritwal, dik tal-Lejl Mudlam u l-Poeżiji magħrufa li nafuhom bħala: ‘Ngħix imma mhux jiena imma int li tinsab fija’ u ‘Kemm hi ħelwa l-għajn’.
San Ġwann tas-Salib: Poeta Nazzjonali Spanjol
San Ġwann tas-Salib huwa kkunsidrat minn ħafna bħala l-Poeta Nazzjonali Spanjol.
B’differenza minn Malta, Spanja ma għandhiex Poeta Nazzjonali bħalma għandna aħna b’Dun Karm, u għalhekk diversi Poeti, inkluż il-Missier tagħna San Ġwann tas-Salib huma kkunsidrati bħala Poeti Nazzjonali.

Quddiesa biex jingħata bidu għal sena ġubilari
Biex nagħtu bidu għal din is-sena Ġubilari li fiha kif għidna sejrin infakkru l-100 sena minn mindu San Ġwann tas-Salib kien iddikjarat Duttur tal-Knisja u 300 sena minn mindu ġie ddikjarat Qaddis, il-Provinċja Tereżjana Maltija se tinġabar illejla ġewwa s-Santwarju ddedikat lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ li jinsab B’Kara fis-6 ta’ filgħaxija għal Quddiesa li fiha jingħata bidu għal dan l-anniversarju mportanti.
Inħeġġu lil kullħadd biex jattendi llejla fis-6.