Il-Mulej japprezza l-ftit taġħna

Kitba ta’ Joe Galea

Meta nirriflettu dwar id-dinja li fiha twieled Ġesu’, naraw li Ġesù twieled f’dinja bħal tagħna. F’dinja fejn dejjem kien hemm distanza bejn min għandu l-ġid u min huwa tassew fqir. Dejjem kien hawn nies li għandhom bżonn min jgħinhom.

Bħal-lum nistgħu naraw nies imġenna biex jonfqu, mehdijin f’materjaliżmu li kull sena jiżdied. Hawn ħafna li jaħsbu f’min hu fil-bżonn, u mhux biss fil-Milied. Ħafna qalbhom tajba, nies ta’ karita’, li hi s-sinjal ta’ min hu Kristjan. Minn hekk nintgħarfu li aħna Nsara.

Fuq naħa oħra ssib min hu jdejh magħluqa, minkejja l-ġid li għandu. U f’dan l-għeluq tiegħu jinsa t-tbatija u l-faqar ta’ nies oħra, li ċ-ċirkustanzi ġabuhom hekk.

Għall-grazzja t’Alla, ħafna li lesti biex jgħinu lil min jeħtieġ, b’xi mod li jistgħu. Nies ġenerużi, li xi drabi jiċċaħħdu minn dak li għandhom biex jgħinu lill-oħrajn. Mhux biss mill-flus, imma wkoll mill-ħin, li hu prezzjuż għalihom. Jiddedikaw ftit mill-ħin tagħhom biex jisimgħu lill-oħrajn, jieqfu minn triqthom, għalkemm mgħaġġlin u jikkonfortaw lil xi ħadd. Ma jistennew xejn, imma hemm Alla li japprezza, forsi mingħajr ma aħna nindunaw.

Hemm storja ħelwa li turina kemm il-Mulej iħares b’gost lejn il-ftit tajjeb li nistgħu nagħmlu biex naqdu lil xi ħadd. Storja li kont sibtha fi ktieb snin ilu u tant għoġbitni li rrakkuntajtha ħafna drabi. Toqgħod tassew f’dawn il-jiem meta qed nifirħu bit-tagħlim li ġġibilna n-novena tal-Milied.

L-istorja hi din. F’belt kbira kien hemm knisja sabiħa. Fil-kampnar kellha l-isbaħ qniepen. Kienu jdoqqu fil-Milied, biss jekk xi ħadd iġib fuq l-altar l-aqwa rigal lil Ġesù Bambin. Kienu ilhom is-snin ma jinstemgħu, għax ma nstabx rigal li jogħġob lil Ġesù . F’raħal ftit ‘il bogħod kien joqgħod tifel jismu Pedro. Pedro kellu ħuh iżgħar minnu. Riedu jmorru għall-Quddiesa tal-Milied, u jieħdu rigal żgħir.

Telqu filgħodu kmieni. Kif kien qed jidlam, kienu waslu viċin il-belt, meta raw mara msejkna, mitluqa fl-art fuq is-silġ. Ippruvaw jerfgħuha. “Tqila wisq, qal Pedro lil ħuh. Aħjar tibqa’ sejjer għall-Quddiesa, u jiena nibqa’ hawn, sakemm jgħaddi xi ħadd.” “Waħdi? U inti mhux se tiġi għall-Quddiesa tal-Milied?” “Dil-mara, wiċċha qisu tal-Madonna, ma nistax inħalliha weħidha! Inkella tmut bil-bard.” Pedro ta lil ħuh biċċa flus żgħira. “Ħa, din hi r-rigal tiegħi lil Ġesu”

Il-knisja, mixgħula għall-festa, kienet mimlija bin-nies. L-orgni kien idoqq bil-qawwi. Foqra u sinjuri bdew resqin lejn l-altar biex iqiegħdu r-rigal tagħhom. L-ebda ħoss mill-qniepen. L-altar tgħatta bir-rigali, ħafna minnhom jiswew il-flus. Anke r-re resaq biex iqiegħed il-kuruna, tleqq bid-djamanti. “Issa żgur li jdoqqu l-qniepen!”, qalu n-nies. Imma ma nstema’ xejn ħlief ir-riħ mix-xquq tat-twieqi. Kien hemm id-dwejjaq fuq wiċċ kulħadd. Fdaqqa waħda nstema l-lehen ħelu ta’ qanpiena, li beda jitqawwa xħin il-qniepen kollha ngħaqdu f’kor sabiħ. Kien qisu leħen l-anġli li ħadd ma sema’ isbaħ minnu.

In-nies fil-knisja baqgħu mistagħġa, xħin qamu biex jaraw x’kien ir-rigal li ta l-ħajja lil-leħen tal-qniepen. Ma rawx ħlief lil hu Pedro, li b’nifsu maqtugħ mexa lejn l-altar biex joffri r-rigal ta’ Pedro: biċċa flus żgħira. Dan it-tifel ta rigal żgħir, imma dan ir-rigal tah minn qalbu, wara li għamel ġest ta’ karita’ mal-mara li kienet fil-bżonn. Ġesu’ ma jridx ħwejjeġ kbar minna imma japprezza l-ftit li nistgħu nagħtu. Ikun sabiħ ukoll li l-azzjoni tajba tagħna tingħata b’sagrifiċċju, kif tgħid Madre Tereża, ’Love until it hurts’, tħobb hekk li xi drabi trid tweġġa biex tħobb.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading